Il-verżjoni li se tidħol fis-seħħ fis-16 ta' Lulju 2024
TITOLU II:PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 1:PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI - DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 48:Eżami ta' atti legalment vinkolanti
1.Il-President għandu jirreferi proposti għal atti legalment vinkolanti rċevuti minn istituzzjonijiet jew Stati Membri oħra lill-kumitat responsabbli biex jiġu eżaminati. Il-kumitati l-oħra għandhom jiġu infurmati dwar ir-riferiment fl-istess ħin.
2.Fil-każ ta' dubju, il-President jista', qabel it-tħabbira fil-Parlament ta' riferiment lill-kumitat responsabbli, iressaq mistoqsija dwar il-kompetenza lill-Konferenza tal-Presidenti. Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, jew mill-president tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, skont l-Artikolu 211(2).
3.Il-President għandu jħabbar ir-riferiment fil-Parlament wara li jirċievi l-proposta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea u, għajr f’każijiet ta’ talbiet għall-applikazzjoni tal-proċedura urġenti skont l-Artikolu 163, wara li, meta rilevanti, kwalunkwe kunflitt ta’ kompetenza bejn il-kumitati jkun ġie solvut f’konformità mal-Artikolu 211(2). Ladarba jitħabbar fil-Parlament, ir-riferiment għandu jsir pubbliku fuq is-sit web tal-Parlament.
4.Il-kumitat responsabbli jista', fi kwalunkwe ħin, jiddeċiedi li jaħtar rapporteur biex isegwi l-fażi preparatorja ta' proposta. Huwa għandu jagħti attenzjoni partikolari biex isir hekk fejn il-proposta tkun mniżżla fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni.
5.Fil-każ ta' kunflitt bejn dispożizzjoni tar-Regoli ta' Proċedura li għandha x'taqsam mat-tieni u t-tielet qari u kull dispożizzjoni oħra tar-Regoli ta' Proċedura, id-dispożizzjoni li għandha x'taqsam mat-tieni u t-tielet qari għandha tieħu l-preċedenza.