Il-verżjoni li se tidħol fis-seħħ fis-16 ta' Lulju 2024
TITOLU VIII:KUMITATI U DELEGAZZJONIJIET
KAPITOLU 2:DELEGAZZJONIJIET INTERPARLAMENTARI
Artikolu 223:Twaqqif u dmirijiet ta' delegazzjonijiet interparlamentari
1.Fuq proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, il-Parlament għandu jwaqqaf delegazzjonijiet interparlamentari permanenti u, filwaqt li jqis id-dmirijiet tagħhom, jiddeċiedi dwar in-natura tagħhom u dwar in-numru ta' membri li jiffurmawhom. Il-membri għandhom jinħatru mill-gruppi politiċi u mill-Membri mhux affiljati matul l-ewwel jew fit-tieni sessjoni parzjali wara li l-Parlament jerġa' jiġi elett u l-elezzjoni tagħhom tkun tgħodd għal-leġiżlatura sħiħa.
2.Il-gruppi politiċi għandhom jiżguraw sa fejn hu possibbli li l-Istati Membri, il-fehmiet politiċi u l-ġeneri huma rrappreżentati b'mod ġust. Ma għandux ikun permess li aktar minn terz tal-membri ta' delegazzjoni jkollhom l-istess nazzjonalità. L-Artikolu 209 għandu japplika mutatis mutandis.
3.Il-bureaux tad-delegazzjonijiet għandhom jitwaqqfu skont il-proċedura stabbilita għall-bureaux tal-kumitati skont l-Artikolu 213.
4.Il-Parlament għandu jistabbilixxi s-setgħat ġenerali tad-delegazzjonijiet individwali. Huwa jista' f'kull ħin jiddeċiedi li jżid jew inaqqas dawn is-setgħat.
5.Id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni meħtieġa sabiex id-delegazzjonijiet ikunu jistgħu iwettqu xogħolhom għandhom ikunu adottati mill-Konferenza tal-Presidenti fuq proposta mill-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet.
6.Il-president ta' delegazzjoni għandu jippreżenta rapport dwar l-attivitajiet tad-delegazzjoni lill-kumitat responsabbli għall-affarijiet barranin u s-sigurtà.
7.Il-president ta' delegazzjoni għandu l-possibilita’ li jinstema' minn kumitat meta fl-aġenda jkun hemm punt li jikkonċerna l-qasam ta' responsabbiltà tad-delegazzjoni. Dan għandu japplika ukoll għall-president jew għar-rapporteur ta' dak il-kumitat f'laqgħat tad-delegazzjoni.