Ϸվ

Ի徱ċ
Preċedenti
Li jmiss
Test sħiħ
Testi adottati
PDF123kWORD44k
Il-Ħamis, 10 ta' Ottubru 2024-Strasburgu
Il-każ ta’ Bülent Mumay fit-Turkija
P10_TA(2024)0018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2024 dwar il- każ ta’ Bülent Mumay fit-Turkija ()

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,

–wara li kkunsidra l-Ի徱ċ Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2024 (2024 World Press Freedom Index), li jikklassifika lit-Turkija fil-158 post minn 180 pajjiż,

–wara li kkunsidra l-Artikoli150(5) u 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi, fis-6 ta’ Mejju 2023, Bülent Mumay, ġurnalist Tork u koordinatur tal-bureau ta’ Istanbul tal-uffiċċju editorjali Tork tad-Deutsche Welle, ġie kkundannat 20xahar ħabs għal posts fuq il-media soċjali dwar is-sekwestru li wettqet kumpanija favur il-gvern tal-fondi maħsuba għall-proġett tal-metrò tal-Muniċipalità ta’ Istanbul matul l-amministrazzjoni tal-AKP; billi l-appell tiegħu ġie miċħud, u t-tweets tiegħu tneħħew;

B.billi, fl-20 ta’ Awwissu 2024, is-26 Qorti Reġjonali ta’ Istanbul, fil-kwalità tagħha ta’ qorti tal-appell, ikkonfermat is-sentenza u ordnat lill-Awtorità tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni timblokka l-aċċess għar-rapporti tal-aħbarijiet dwar is-sentenza ta’ ħabs li kienet ġiet ikkonfermata;

C.billi l-verdett, flimkien ma’ ċensura ripetuta, juri l-pressjoni dejjem akbar li qed issir fuq il-libertà tal-istampa fit-Turkija, peress li l-każ ta’ Bülent Mumay mhuwiex inċident iżolat iżda parti minn xejra usa’ ta’ fastidju ġudizzjarju u ċensura mmirati lejn il-media indipendenti tat-Turkija;

D.billi t-Turkija, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u pajjiż kandidat tal-UE, hija meħtieġa tapplika l-ogħla standards u prattiki demokratiċi, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali (bħal-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni), id-dritt universali għal proċess ġust u r-rispett strett għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għal proċess korrett tal-liġi;

1.Jikkundanna s-sentenza kontra Bülent Mumay, li ssegwi xejra usa’ maħsuba biex issikket il-ġurnaliżmu kritiku; jistieden lill-awtoritajiet Torok iwaqqgħu l-akkużi kontra Bülent Mumay u l-ħaddiema tal-media u l-ġurnalisti kollha detenuti arbitrarjament, kif ukoll l-avversarji politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-impjegati taċ-ċivil u l-akkademiċi;

2.Jinsab imħasseb serjament dwar id-deterjorament li qed iseħħ tal-istandards demokratiċi fit-Turkija, it-trażżin bla ħniena ta’ kull vuċi kritika u l-attakki fuq ġurnalisti indipendenti, attivisti u membri tal-oppożizzjoni fost rapporti frekwenti ta’ intimidazzjoni legali, ċensura u koerzjoni finanzjarja bħala l-modi kif jiġu mrażżna l-kritika u l-ġurnaliżmu investigattiv;

3.Jiddeplora l-fatt li l-Gvern Tork, permezz ta’ għadd ta’ liġijiet, inklużi l-liġi dwar il-media soċjali tal-2020, il-liġi kontra l-ħasil tal-flus tal-2021, u l-liġi dwar id-diżinformazzjoni tal-2022, bena għanqbuta kumplessa ta’ leġiżlazzjoni li sservi bħala għodda biex il-ġurnalisti jiġu kkontrollati u msikkta b’mod sistematiku; jinsab imħasseb ħafna dwar ir- “regolament dwar l-aġenti barranin” il-ġdid li għandu jiġi introdott sa tmiem l-2024;

4.Ikompli jikkundanna n-nuqqas ta’ indipendenza tal-prosekuzzjoni u tal-ġudikatura u l-istrumentalizzazzjoni politika tas-sistema ġudizzjarja fit-Turkija u jistieden lill-awtoritajiet Torok jirrestawraw l-indipendenza ġudizzjarja, jirrispettaw il-libertà tal-istampa u jiżguraw il-konformità mal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

5.Jistieden lis-SEAE jappoġġja b’mod adegwat lid-Delegazzjoni tal-UE fit-Turkija fl-intensifikar tal-osservazzjoni tal-proċessi tal-ġurnalisti u tal-ħaddiema tal-media detenuti u fit-tqajjim tal-każijiet tagħhom mal-awtoritajiet Torok fil-livelli kollha, filwaqt li jżomm relazzjonijiet mill-qrib mas-soċjetà ċivili;

6.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija u tara li tiġi tradotta għal-lingwa Torka.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Novembru 2024Avviż legali-Politika tal-privatezza