Ϸվ

Ի徱ċ
ʰċԳپ
Li jmiss
Test sħiħ
Proċedura :
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0252/2018

Testi mressqa :

A8-0252/2018

Dibattiti :

PV11/09/2018-20
CRE11/09/2018-20

Votazzjonijiet :

PV12/09/2018-6.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0343

Testi adottati
PDF215kWORD83k
L-Erbgħa, 12 ta' Settembru 2018-Strasburgu
Il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina
P8_TA(2018)0343A8-0252/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina ()

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra l-fatt li r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u ċ-Ċina ilhom stabbiliti mis-6ta'Mejju1975,

–wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina varata fl-2003,

–wara li kkunsidra l-qafas legali prinċipali għar-relazzjonijiet maċ-Ċina, jiġifieri l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Ekonomika bejn il-KEE u ċ-Ċina(1), iffirmat f'Mejju1985, li jkopri r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u l-programm ta' kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,

–wara li kkunsidra l-Aġenda Strateġika għall-Kooperazzjoni UE-Ċina2020 li ntlaħaq qbil dwarha fil-21ta'Novembru2013,

–wara li kkunsidra d-djalogu politiku strutturat bejn l-UE u ċ-Ċina li ġie formalment stabbilit fl-1994 u d-Djalogu Strateġiku ta' Livell Għoli dwar kwistjonijiet strateġiċi u fil-qasam tal-politika barranija li ġie stabbilit fl-2010, b'mod partikolari l-Ħames u s-Seba' Djalogi Strateġiċi ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina li saru f'Beijing fis-6ta'Mejju2015 u fid-19ta'april2017 rispettivament,

–wara li kkunsidra n-negozjati għal Ftehim ġdid ta' Sħubija u Kooperazzjoni, li bdew fl-2007,

–wara li kkunsidra n-negozjati għal Ftehim Bilaterali ta' Investiment li bdew f'Jannar2014,

–wara li kkunsidra d-Dsatax-il Summit UE-Ċina, li sar fi Brussell fl-1 u t-2ta'Ġunju2017;

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22ta'Ġunju2016 intitolata "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina" (JOIN(2016)0030),

–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18ta'Lulju2016 dwar strateġija tal-UE dwar iċ-Ċina,

–wara li kkunsidra r-rapport konġunt mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-24ta'April2018 intitolat "Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong: Rapport Annwali tal-2017" (JOIN(2018)0007),

–wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kunsill tal-15ta'Ġunju2012 dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-UE fl-Asja tal-Lvant,

–wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali l-ġdida mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Popolari Nazzjonali Ċiniż fl-1ta'Lulju2015,

–wara li kkunsidra l-White Paper dwar l-istrateġija militari taċ-Ċina tas-26ta'Mejju2015,

–wara li kkunsidra d-djalogu UE-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, varat fl-1995, u l-35sessjoni tiegħu, li saret fi Brussell fit-22 u fit-23ta'Ġunju2017,

–wara li kkunsidra aktar minn 60djalogu settorjali bejn l-UE u ċ-Ċina,

–wara li kkunsidra l-fatt li, fi Frar2012, ġie stabbilit id-Djalogu Interpersonali ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina, li jakkomoda l-inizjattivi konġunti kollha bejn l-UE u ċ-Ċina f'dan il-qasam,

–wara li kkunsidra l-ftehim ta' kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u ċ-Ċina, li daħal fis-seħħ fis-sena 2000(2), u l-Ftehim ta' Sħubija Xjentifika u Teknoloġika li ġie ffirmat fl-20ta'Mejju2009,

–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, li daħal fis-seħħ fl-4ta'Novembru2016,

–wara li kkunsidra d-Djalogu dwar l-Enerġija bejn il-Komunità Ewropea u ċ-Ċina,

–wara li kkunsidra r-Round Tables UE-Ċina,

–wara li kkunsidra d-Dsatax-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Komunista taċ-Ċina, li sar bejn it-18 u l-24ta'Novembru2017,

–wara li kkunsidra l-"Liġi tat-Taxxa dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent" ippromulgata mill-Kungress Popolari Nazzjonali f'Diċembru2016, li daħlet fis-seħħ fl-1ta'Jannar2018,

–wara li kkunsidra l-fatt li l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni ddikjarat li l-fatturi ambjentali għandhom impatt fuq il-flussi ta' migrazzjoni nazzjonali u internazzjonali, meta n-nies jitilqu minn postijiet b'kundizzjonijiet ħarxa jew li qed jiddeterjoraw minħabba tibdil fil-klima aċċelerat(3),

–wara li kkunsidra s-Sena tat-Turiżmu UE-Ċina 2018 (ECTY), varata f'Venezja fid-19ta'Jannar2018,

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Klabb tal-Korrispondenti taċ-Ċina (FCCC) dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, maħruġ fit-30ta'Jannar2018 u intitolat "Access Denied – Surveillance, harassment and intimidation as reporting conditions in China deteriorate" (Aċċess Irrifjutat – Sorveljanza, fastidju u intimidazzjoni hekk kif qegħdin jiddetterjoraw il-kundizzjonijiet tar-rappurtar fiċ-Ċina),

–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE - Punt4, maħruġa waqt is-37sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-13ta'Marzu2018 intitolata "Is-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem li tirrikjedi l-attenzjoni tal-Kunsill",

–wara li kkunsidra l-41laqgħa interparlamentari PE-Ċina, li saret f'Beijing f'Mejju2018,

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tat-2ta'Frar2012 dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji(4), u tat-23ta'Mejju2012 dwar l-UE u ċ-Ċina: kummerċ żbilanċjat?(5), tal-14ta'Marzu2013 dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea(6), tal-5ta'Frar2014 dwar qafas tal-2030 għal politiki tal-klima u tal-enerġija(7), tas-17ta'April2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Korea ta' Fuq(8), tal-21ta'Jannar2016 dwar il-Korea ta' Fuq(9), u tat-13ta'Diċembru2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)(10),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7ta'Settembru2006 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(11), tal-5ta'Frar2009 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi maċ-Ċina(12), tal-14ta'Marzu2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(13), tad-9ta'Ottubru2013 dwar in-negozjati UE-Ċina għal ftehim ta' investiment bilaterali(14) u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u t-Tajwan(15), tas-16ta'Diċembru2015 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(16), u r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13ta'Diċembru2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar Hong Kong, 20 snin wara t-trasferiment(17),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tas-27ta'Ottubru2011 dwar it-Tibet, b'mod partikolari r-reliġjużi nisa u rġiel li jaħarqu lilhom infushom(18), tal-14ta'Ġunju2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet(19), tat-12ta'Diċembru2013 dwar it-tneħħija tal-organi fiċ-Ċina(20), u tal-15ta'Diċembru2016 dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana Larung Gar u ta' Ilham Tohti(21), tas-16ta'Marzu2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017(22), tas-6ta'Lulju2017 dwar każijiet tal-lawreat Nobel Liu Xiabo u Lee Ming-che(23) u tat-18ta'Jannar2018 dwar każijiet ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem Wu Gan Xie Yang, Lee Ming-che u Tashi Wangchuk, u l-patri Tibetan Choekyi(24),

–wara li kkunsidra l-embargo fuq l-armi tal-UE introdott wara r-repressjoni ta' Tiananmen ta' Ġunju1989, kif appoġġjat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2ta'Frar2006 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-PESK(25),

–wara li kkunsidra d-disa' ċikli ta' taħditiet li saru bejn l-2002 u l-2010 bejn rappreżentanti ta' livell għoli tal-gvern Ċiniż u d-Dalai Lama, dwar il-White Paper taċ-Ċina dwar it-Tibet, intitolata "Tibet's Path of Development Is Driven by an Irresistible Historical Tide" (Il-Passaġġ tat-Tibet lejn l-Iżvilupp hu Xprunat minn Marea Storika Irreżistibbli), li ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju ta' Informazzjoni tal-Kunsill tal-Istat Ċiniż fil-15ta'April2015, u l-Memorandum tal-2008 u n-Nota tal-2009 dwar l-Awtonomija Ġenwina, it-tnejn li huma ppreżentati mir-Rappreżentanti tal-14-il Dalai Lama;

–wara li kkunsidra l-Artikolu52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0252/2018),

A.billi d-Dsatax-il Summit UE-Ċina fl-2017 mexxa' 'l quddiem sħubija strateġika bilaterali, li għandha impatt globali, u li enfasizzat impenji konġunti biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, it-theddidiet komuni ta' sigurtà u l-promozzjoni tal-multilateraliżmu; billi hemm ħafna oqsma fejn il-kooperazzjoni kostruttiva tista' twassal għal benefiċċji reċiproċi, inkluż f'fora internazzjonali bħan-NU u l-G20; billi l-UE u ċ-Ċina kkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jtejbu l-kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 rigward il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-tnaqqis fl-użu tal-karburanti fossili, il-promozzjoni ta' enerġija nadifa u t-tnaqqis tat-tniġġis; billi hemm bżonn aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn iż-żewġ naħat f'dan is-settur, inkluż fil-qasam tar-riċerka u fl-iskambju tal-aħjar prattiki; billi ċ-Ċina adottat skema għan-negozjar ta' emissjonijiet tal-karbonju bbażata fuq l-EU ETS; billi l-viżjoni tal-UE għal governanza multilaterali hija waħda ta' ordni abbażi tar-regoli u fuq valuri universali, bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, it-trasparenza u r-responsabbiltà; filwaqt li fil-kuntest ġeopolitiku attwali huwa aktar importanti minn qatt qabel li jiġu promossi l-multilateraliżmu u sistema bbażata fuq ir-regoli; billi l-UE tistenna li r-relazzjoni tagħha maċ-Ċina tkun waħda ta' benefiċċju reċiproku, kemm f'termini politiċi kif ukoll ekonomiċi; billi l-UE tistenna li ċ-Ċina tonora r-responsabbiltajiet tagħha b'konformità mal-impatt globali tagħha u li tappoġġja l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li minnu tgawdi hija wkoll;

B.billi l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża, u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu hija importanti immens; billi l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat kienet essenzjali biex jiġi żgurat il-ftehim nukleari mal-Iran; billi l-pożizzjoni taċ-Ċina wettqet rwol ewlieni fil-ħolqien ta' spazju għal negozjati waqt il-kriżi tal-Korea ta' Fuq;

C.billi, fi proċess li fil-parti l-kbira baqa' injorat fl-Ewropa, it-tmexxija Ċiniża qawwiet l-isforzi tagħha b'mod gradwali u sistematiku biex issarraf il-piż ekonomiku tagħha f'influwenza politika, partikolarment permezz ta' investimenti strateġiċi infrastrutturali u konnessjonijiet tat-trasport ġodda, kif ukoll b'komunikazzjoni strateġika li għandha l-għan li tinfluwenza lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-qasam politiku u ekonomiku Ewropew, il-midja, l-universitajiet u l-pubblikaturi akkademiċi u l-pubbliku inġenerali, sabiex issawwar il-perċezzjonijiet tagħhom dwar iċ-Ċina u toffri stampa pożittiva tal-pajjiż, billi tibni "netwerks" ta' organizzazzjonijiet Ewropej u ta' individwi madwar is-soċjetajiet li jagħtuha appoġġ; billi s-sorveljanza min-naħa taċ-Ċina tal-għadd kbir ta' studenti Ċiniżi li issa qegħdin jistudjaw madwar l-Ewropa hija kawża ta' tħassib, bħalma huma l-isforzi tagħha biex tikkontrolla lil dawk in-nies fl-Ewropa li ħarbu miċ-Ċina;

D.billi l-format 16+1 bejn iċ-Ċina fuq naħa waħda, u 11-il Pajjiż tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (CEEs) u ħames pajjiżi Balkani fuq l-oħra, ġie stabbilit fl-2012 fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u bħala parti mid-diplomazija subreġjonali Ċiniża intiża biex tiżviluppa proġetti ta' infrastruttura fuq skala kbira u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali; billi l-investiment u l-finanzjament Ċiniż previst f'dawn il-pajjiżi huwa sostanzjali, iżda mhux importanti daqs l-investiment u l-parteċipazzjoni tal-UE; billi l-pajjiżi Ewropej li qegħdin jipparteċipaw f'dan il-format għandhom jikkunsidraw li jagħtu aktar importanza lill-kunċett ta' vuċi waħda għall-UE fir-relazzjonijiet tagħha maċ-Ċina;

E.billi ċ-Ċina hija s-suq li qed jikber bl-aktar rata mgħaġġla għall-prodotti tal-ikel mill-UE;

F.billi l-Inizjattiva "Belt and Road" (BRI) taċ-Ċina, flimkien mal-Politika dwar l-Artiku tagħha, hija l-aktar inizjattiva ta' politika barranija ambizzjuża li qatt ġiet adottata mill-pajjiż, u tinkludi dimensjonijiet ġeopolitiċi u b'rabta mas-sigurtà u għalhekk tmur lil hinn mill-iskop iddikjarat ta' politika ekonomika u kummerċjali; billi l-BRI kompliet tiġi msaħħa bl-istabbiliment tal-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB) fl-2015; billi l-UE tinsisti fuq struttura ta' governanza multilaterali u fuq implimentazzjoni mhux diskriminatorja tal-BRI; billi l-parti Ewropea tixtieq tiggarantixxi li kull proġett ta' konnettività fil-qafas tal-BRI jonora l-obbligi li joħorġu mill-ftehim ta' Pariġi, kif ukoll li tiżgura li jinżammu kemm l-istandards ambjentali, tax-xogħol u soċjali internazzjonali oħrajn, kif ukoll id-drittijiet tal-popli indiġeni; billi l-proġetti ta' infrastruttura Ċiniżi se joħolqu djun kbar għall-gvernijiet Ewropej mal-banek tal-Istat taċ-Ċina li joffru self skont termini mhux trasparenti u li ftit jiġġeneraw impjiegi fl-Ewropa; billi xi proġetti infrastrutturali relatati mal-BRI diġà poġġew lil gvernijiet ta' pajjiżi terzi f'pożizzjoni ta' dejn żejjed; billi s'issa l-biċċa l-kbira tal-kuntratti relatati mal-BRI ngħataw lil kumpaniji Ċiniżi; billi ċ-Ċina, b'mod diskriminatorju, qiegħda tapplika wħud mill-istandards industrijali tagħha fi proġetti relatati mal-BRI; billi l-proġetti relatati mal-BRI ma jridux jingħataw permezz ta' proċess ta' sejħa għall-offerti mhux trasparenti; billi, fi ħdan il-BRI, iċ-Ċina qed tuża multipliċità ta' kanali; billi 27 ambaxxatur nazzjonali tal-UE f'Beijing dan l-aħħar ikkumpilaw rapport li jikkritika bl-aħrax il-proġett BRI, u kkundannawh bħala proġett imfassal biex ixekkel il-kummerċ ħieles u biex jagħti vantaġġ lill-kumpaniji Ċiniżi; billi, sfortunatament, il-BRI huwa nieqes minn kull tip ta' salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem;

G.billi, jidher li d-diplomazija Ċiniża ħarġet mid-Dsatax-il Kungress tal-Partit u mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu ta' din is-sena bħala l-parteċipant l-aktar qawwi, b'minn tal-inqas ħames uffiċjali għolja jkunu responsabbli għall-politika barranija tal-pajjiż u bi spinta konsiderevoli għall-baġit tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin; billi l-Aġenzija ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp Internazzjonali tal-Istat il-ġdida se tkun responsabbli mill-koordinazzjoni tal-baġit dejjem akbar taċ-Ċina għall-għajnuna barranija;

H.billi, fis-snin tmenin, iċ-Ċina introduċiet limitu għat-terminu massimu ta' mandat b'reazzjoni għall-eċċessi tar-Rivoluzzjoni Kulturali; billi, fil-11ta'Marzu2018, il-Kungress Nazzjonali tal-Poplu ivvota kważi b'mod unanimu favur li l-abrogazzjoni tal-limitu ta' żewġ mandati konsekuttivi għall-karigi ta' President u ta' Viċi President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ;

I.billi t-tmexxija għolja taċ-Ċina, filwaqt li tiddikjara li ma tindaħalx fl-affarijiet interni ta' pajjiżi oħrajn, b'mod regolari timmina s-sistema politika tal-pajjiżi tal-Punent fil-komunikazzjonijiet uffiċjali tagħha;

J.billi fil-11ta'Marzu2018 l-Kungress Nazzjonali tal-Poplu approva l-istabbiliment ta' Kummissjoni Superviżorja Nazzjonali, korp ġdid taħt il-kontroll tal-partit imfassal bil-għan li jistituzzjonalizza u jespandi l-kontroll fuq il-ħaddiema kollha taċ-ċivil taċ-Ċina, u elenka din il-Kummissjoni bħala korp statali fi ħdan il-Kostituzzjoni Ċiniża;

K.billi fl-2014, il-Kunsill tal-Istat taċ-Ċina ħabbar pjanijiet dettaljati biex tinħoloq Sistema Soċjali ta' Kreditu bil-għan li tippremja dik l-imġiba li l-partit jikkunsidra finanzjarjament, ekonomikament u socjopolitikament responsabbli, filwaqt li tissanzjona n-nuqqas ta' konformità mal-politiki tiegħu; billi l-proġett ta' evalwazzjoni tal-kreditu soċjali x'aktarx li jkollu wkoll impatt fuq il-barranin li jgħixu u jaħdmu fiċ-Ċina, inklużi ċittadini tal-UE, u se jwassal għal konsegwenzi għal kumpaniji tal-UE u għal kumpaniji barranin oħrajn li joperaw fil-pajjiż;

L.billi huwa ċar li f'ċerti reġjuni taċ-Ċina, l-għajxien tal-popolazzjoni rurali se jmur għall-agħar minħabba l-varjazzjonijiet fit-temperatura u fil-preċipitazzjoni u kaġun ta' avvenimenti klimatiċi estremi oħrajn; billi l-ippjanar tar-rilokazzjoni sar opzjoni effettiva ta' politika ta' adattament biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltà u l-faqar kaġun tal-klima(26);

M.billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kompliet tmur għall-agħar peress li l-gvern iħarrax l-ostilità tiegħu fil-konfront tal-kontestazzjoni paċifika, il-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon, u l-istat tad-dritt; billi l-attivisti tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġu miżmuma, imħarrka u kkundannati abbażi ta' akkużi vagi bħas-"sovversjoni tal-poter tal-Istat" u "illitikar u istigar ta' inkwiet", u spiss jinżammu mingħajr l-ebda kuntatt estern u f'postijiet mhux magħrufa, mingħajr aċċess għal kura medika jew għal rappreżentanza legali; billi xi kultant id-difensuri u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem detenuti jinżammu taħt "sorveljanza residenzjali f'post apposta", metodu li jintuża biex id-detenuti ma jkollhom kuntatt ma' ħadd, u li spiss jagħti lok għal rapporti ta' tortura u ta' maltrattament; billi ċ-Ċina tkompli tiċħad il-libertà tal-kelma u l-libertà li wieħed jinforma, u billi għadd kbir ta' ġurnalisti, bloggers u vuċijiet indipendenti ntbagħtu l-ħabs; billi, fil-qafas strateġiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, l-UE wegħdet li se tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt "fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tagħha, mingħajr eċċezzjoni" u li l-UE se "tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha"; billi s-summits UE-Ċina għandhom jintużaw biex iwasslu għal riżultati konkreti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment ir-rilaxx tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-avukati u tal-attivisti li jinsabu l-ħabs;

N.billi l-awtoritajiet Ċiniżi xi drabi waqqfu lid-diplomatiċi tal-UE milli josservaw proċessi jew milli jżuru difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li hija ħidma li tikkonforma mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

O.billi ċ-Ċina ħolqot arkitettura statali mifruxa ta' sorveljanza diġitali, li tvarja minn kontroll preventiv sal-ġbir arbitrarju ta' data bijometrika f'ambjent li huwa nieqes minn kull dritt ta' privatezza;

P.billi l-Gvern Ċiniż għadda kwantità kbira ta' liġijiet ġodda, b'mod partikolari l-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Istat, li għaddiet fl-1ta'Lulju2015, il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, il-Liġi dwar iċ-Ċibersigurtà u l-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin (liġi ONGO), li jqisu l-attiviżmu pubbliku u l-kritika paċifika fil-konfront tal-gvern bħala theddid għas-sigurtà tal-Istat, isaħħu ċ-ċensura, is-sorveljanza u l-kontroll tal-individwi u tal-gruppi soċjali u jiskoraġġixxu lill-individwi milli jagħmlu kampanji favur id-drittijiet tal-bniedem;

Q.billi l-Liġi ONGO, li daħlet fis-seħħ fl-1ta'Jannar2017, hija waħda mill-akbar sfidi għall-NGOs internazzjonali (INGOs) minħabba li din il-liġi tirregola l-attivitajiet kollha fiċ-Ċina ffinanzjati mill-INGOs, u l-uffiċjali tas-sigurtà provinċjali huma primarjament responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Liġi ONGO;

R.billi r-regolamenti l-ġodda dwar il-kwistjonijiet reliġjużi li daħlu fis-seħħ fl-1ta'Frar2018, huma aktar restrittivi fil-konfront ta' gruppi u attivitajiet reliġjużi u jġegħluhom jaderixxu aktar mill-qrib mal-politiki tal-partit; billi r-regoli l-ġodda jheddu l-persuni assoċjati ma' komunitajiet reliġjużi li m'għandhomx status legali fil-pajjiż, bl-impożizzjoni ta' multi meta huma jivvjaġġaw barra mill-pajjiż għal raġunijiet ta' edukazzjoni reliġjuża, fis-sens wiesa', u saħansitra aktar minn hekk għall-pellegrinaġġi, li huma soġġetti għal multi li jammontaw għal diversi drabi l-aktar salarju baxx; billi l-libertà reliġjuża u l-libertà tal-kuxjenza laħqu livell baxx ġdid minn mindu bdew ir-riformi ekonomiċi u mill-ftuħ taċ-Ċina lejn l-aħħar tas-sebgħinijiet; billi l-komunitajiet reliġjużi ilhom jiffaċċjaw repressjoni fiċ-Ċina, bl-Insara, kemm dawk fi knejjes illegali u dawk fi knejjes approvati mill-Istat, jispiċċaw fil-mira permezz tal-intimidazzjoni u d-detenzjoni ta' fidili, it-twaqqigħ ta' knejjes u t-trażżin ta' ġemgħat ta' Nsara;

S.billi s-sitwazzjoni f'Xinjiang, fejn jgħixu 10miljunMusulman Uyghur u Każakistani etniku, iddeterjorat b'mod rapidu, partikolarment sa mill-ħatra fil-poter tal-President Xi, peress li l-kontroll assolut ta' Xinjiang tqiegħed bħala prijorità ewlenija, b'konsegwenza tal-attakki terroristiċi perjodiċi fi Xinjiang jew li huma allegatment konnessi ma' Xinjiang u mwettqa mill-Uyghurs, kif ukoll minħabba l-pożizzjoni strateġika tar-Reġjun Awtonomu Uyghur ta' Xinjiang għall-BRI; billi ġie stabbilit programm ta' detenzjoni extraġudizzjarja għaż-żamma ta' għaxriet ta' eluf ta' nies li huma mġiegħla jgħaddu minn proċess ta' riedukazzjoni politika, kif ukoll ġie żviluppat netwerk sofistikat ta' sorveljanza diġitali invażiva, inklużi t-teknoloġija tar-rikonoxximent tal-wiċċ u l-ġbir tad-data, l-użu massiv tal-pulizija, u restrizzjonijiet stretti fuq il-prattiki reliġjużi u fuq il-lingwa u t-tradizzjonijiet tal-Uyghur;

T.billi minkejja t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp infrastrutturali tul dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni fit-Tibet marret għall-agħar, bil-Gvern Ċiniż irażżan firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem bl-iskuża tas-sigurtà u l-istabbiltà, u bl-involviment tiegħu f'attakki bla waqfien kontra l-identità u l-kultura Tibetana; billi miżuri ta' sorveljanza u kontroll ilhom jiżdiedu tul dawn l-aħħar ftit snin, bħad-detenzjonijiet arbitrarji, l-atti ta' tortura u ta' maltrattament; billi l-Gvern Ċiniż ħoloq fit-Tibet ambjent fejn ma hemm l-ebda limitu għal awtorità statali, fejn hemm klima ta' biża' pervażiv, u fejn kull aspett tal-ħajja pubblika u privata huwa kkontrollat u rregolat b'mod strett; billi fit-Tibet, kull att ta' kontestazzjoni jew ta' kritika tal-politiki tal-istat fil-konfront tal-minoranzi etniċi jew reliġjużi jista' jitqies bħala "separatista" u għalhekk jista' jiġi kriminalizzat; billi l-aċċess għar-Reġjun Awtonomu tat-Tibet illum huwa aktar ristrett minn qatt qabel għal persuni barranin, inklużi ċittadini tal-UE, b'mod partikolari għall-ġurnalisti, diplomatiċi u osservaturi indipendenti oħra, u hu saħansitra aktar diffiċli għal dawk iċ-ċittadini tal-UE li għandhom konnessjoni Tibetana; billi f'dawn l-aħħar ftit snin ma sar l-ebda progress biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi Tibetana, peress li l-aħħar sessjoni ta' taħditiet favur il-paċi saret fl-2010; billi d-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fit-Tibet wassal għal żieda ta' każijiet ta' persuni li taw in-nar lilhom infushom, hekk li n-numru totali tela' għal156 sa mill-2009;

U.billi l-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ppubblika white paper dwar il-prattika tal-politika ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" f'Hong Kong fl-10ta'Ġunju2014, li tenfasizza li l-awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (SAR) hija fl-aħħar mill-aħħar soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; billi matul is-snin in-nies ta' Hong Kong raw dimostrazzjonijiet tal-massa favur id-demokrazija, il-libertà tal-midja, u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Liġi Bażika; billi s-soċjetà tradizzjonalment miftuħa ta' Hong Kong wittiet it-triq għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina u indipendenti li b'mod attiv u kostruttiv tipparteċipa fil-ħajja pubblika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali;

V.billi l-iżviluppi politiċi kontrastanti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ) u t-Tajwan, b'reġim ta' partit tal-istat dejjem aktar awtoritarju u nazzjonalistiku fuq naħa waħda u b'demokrazija b'diversi partiti, fuq l-oħra, iqajmu l-periklu li r-relazzjonijiet bejn naħa u oħra tal-istrett jeskalaw; billi l-UE taderixxi mal-politika ta' "Ċina waħda" fir-rigward tat-Tajwan, u tappoġġja l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" fir-rigward ta' Hong Kong;

W.billi, wara aktar minn tliet snin ta' taħditiet, iċ-Ċina u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) f'Awwissu2017 qablu dwar qafas ta' referenza ta' paġna waħda bħala l-bażi għal diskussjonijiet futuri dwar Kodiċi ta' Kondotta (KtK) għall-partijiet kollha fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; billi r-reklamazzjoni kkontesta tal-art miċ-Ċina fil-Gżejjer Spratly fil-parti l-kbira tagħha tlestiet, iżda baqgħet għaddejja s-sena li għaddiet fil-Gżejjer Parakel, aktar lejn it-Tramuntana;

X.billi anke ċ-Ċina qed issir attur estern aktar attiv u importanti fil-Lvant Nofsani minħabba l-interessi ekonomiċi, ta' sigurtà u ġeopolitiċi evidenti tagħha;

Y.billi ċ-Ċina qiegħda tipprovdi dejjem aktar Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) u qed tfeġġ bħala attur ewlieni fil-politika tal-iżvilupp, billi tipprovdi stimulu tant meħtieġ għall-politika tal-iżvilupp iżda fl-istess ħin qed tqajjem tħassib dwar is-sjieda lokali ta' proġetti;

Z.billi l-preżenza taċ-Ċina u l-investimenti tagħha fl-Afrika qegħdin jiżdiedu ħafna, u billi dan wassal għall-isfruttar ta' riżorsi naturali, spiss mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-popolazzjonijiet lokali;

1.Itenni li s-Sħubija Strateġika Komprensiva bejn l-UE u ċ-Ċina hija waħda mill-aktar sħubijiet importanti għall-UE u din ir-relazzjoni għad fadlilha ħafna aktar potenzjal ta' żvilupp fil-fond u ta' aktar kooperazzjoni fix-xena internazzjonali; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinament fil-qasam tal-governanza globali u l-istituzzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari fil-livell tan-NU u tal-G20; jenfasizza li, f'kuntest ta' dinja kumplessa, globalizzata u multipolari fejn iċ-Ċina saret attur ekonomiku u politiku sinifikanti, l-UE trid isostni l-opportunitajiet għal djalogu u kooperazzjoni kostruttivi u tippromwovi r-riformi kollha meħtieġa fl-oqsma ta' interess komuni; ifakkar liċ-Ċina dwar l-obbligi u r-responsabilitajiet internazzjonali tagħha bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, f'termini tal-kontribuzzjoni tagħha favur il-paċi u s-sigurtà globali;

2.Ifakkar li s-Sħubija Strateġika Komprensiva bejn l-UE u ċ-Ċina hija bbażata fuq impenn kondiviż favur il-ftuħ u l-ħidma komuni bħala parti minn sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli; jenfasizza li ż-żewġ naħat impenjaw ruħhom li jistabbilixxu sistema trasparenti, ġusta u ekwa ta' governanza globali, b'kondiviżjoni ta' responsabbiltà għall-promozzjoni tal-paċi, il-prosperità u l-iżvilupp sostenibbli; ifakkar li l-impenn tal-UE maċ-Ċina għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji, ikun prattiku u prammatiku, b'lealtà sħiħa mal-interessi u l-valuri tal-UE; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, matul dawn l-aħħar għaxar snin, iż-żieda fis-saħħa ekonomika u politika globali taċ-Ċina ikkawżat pressjoni fuq l-impenji kondiviżi li jinsabu fil-qalba tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina; jissottolinja r-responsabbiltajiet taċ-Ċina bħala setgħa globali u jappella lill-awtoritajiet biex f'kull ċirkostanza jiżguraw ir-rispett tad-dritt internazzjonali, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, bi qbil mal-Karta tan-NU u mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u ma' strumenti internazzjonali oħra ffirmati jew irratifikati miċ-Ċina; jistieden lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina tissejjes fuq l-istat tad-dritt, l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem, l-impenji internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettqa miż-żewġ naħat u l-impenn favur il-progress lejn il-ksib tal-ogħla standard ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li għandhom jissaħħu r-reċiproċità, l-ambjent ekwu u l-kompetizzjoni ġusta fost l-oqsma kollha ta' kooperazzjoni;

3.Jenfasizza li l-indirizzar tal-isfidi globali u reġjonali, bħas-sigurtà, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u ċ-ċiberspazju, il-kooperazzjoni dwar il-paċi, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-oċeani u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, id-deforestazzjoni, it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, il-migrazzjoni, is-saħħa globali, l-iżvilupp u l-ġlieda kontra l-qerda ta' siti ta' wirt kulturali u s-serq u t-traffikar ta' antikitajiet illegali, kollha jeħtieġu sħubija ġenwina bejn l-UE u ċ-Ċina; iħeġġeġ lill-UE tikkapitalizza fuq l-impenn taċ-Ċina biex tindirizza l-problemi globali bħat-tibdil fil-klima, u biex tkompli testendi l-kooperazzjoni b'suċċess maċ-Ċina favur iż-żamma tal-paċi, bħala waħda mill-akbar kontributuri għall-baġit tan-NU u bħala kontributur dejjem akbar ta' truppi fl-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi tan-NU, kif ukoll lejn oqsma oħra ta' interess konġunt, filwaqt li tippromwovi l-multilateraliżmu u l-governanza globali bbażata fuq ir-rispett għad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali umanitarju u dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' f'dan ir-rigward il-kooperazzjoni b'suċċess kontra l-piraterija sa mill-2011 fil-Golf ta' Aden; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu b'mod proattiv l-interessi ekonomiċi u politiċi tal-UE u jiddefendu l-valuri u l-prinċipji tal-UE; jenfasizza li l-multilateraliżmu huwa wieħed mill-valuri ewlenin tal-UE fir-rigward tal-governanza globali u li għandu jiġi salvagwardjat b'mod attiv fir-relazzjonijiet maċ-Ċina;

4.Jinnota li l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni, intitolata "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina" flimkien mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18ta'Lulju2016, jipprovdu l-qafas politiku għall-parteċipazjoni tal-UE maċ-Ċina għas-snin li ġejjin.

5.Jissottolinja li l-Kunsill ikkonkluda li fl-eżerċizzju tar-relazzjonijiet tagħhom maċ-Ċina, l-Istati Membri, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw biex jiżguraw konsistenza mal-liġi, ir-regoli u l-politiki tal-UE, u biex ir-riżultat kumplessiv ikun ta' benefiċċju għall-UE kollha kemm hi;

6.Ifakkar li hekk kif iċ-Ċina qed tkompli tikber u tintegra fl-ekonomija globali permezz tal-politika ta' "Going out" (globalizzazzjoni) kif imħabbra fl-2001, iċ-Ċina qed tfittex li tkabbar l-aċċess tagħha għas-suq Ewropew għall-prodotti u s-servizzi Ċiniżi u għat-teknoloġija u l-għarfien sabiex tappoġġja pjanijiet bħall-"Made in China2025" u biex tqawwi l-influwenza politika u diplomatika tagħha fl-Ewropa; jenfasizza li dawn l-ambizzjonijiet ġew intensifikati partikolarment fil-perjodu ta' wara l-kriżi finanzjarja globali tal-2008, u ħolqu dinamiki ġodda fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina;

7.Jistieden lil dawk l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fil-format16+1 jiżguraw li l-parteċipazzjoni tagħhom f'dan il-format tippermetti li l-UE jkollha vuċi waħda fir-relazzjoni tagħha maċ-Ċina; jappella lill-istess Stati Membri jwettqu analiżi u skrutinju sodi tal-proġetti infrastrutturali ssuġġeriti bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha u jiżguraw li ma jiġux kompromessi l-interessi nazzjonali u Ewropej għal appoġġ finanzjarju fuq tul qasir ta' żmien u għal impenji fit-tul rigward il-parteċipazzjoni Ċiniża fi proġetti ta' infrastrutturali u l-potenzjal ta' influwenza politika aktar qawwija, li timmina l-pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar iċ-Ċina; huwa konxju mill-influwenza dejjem akbar taċ-Ċina fuq l-infrastruttura u fuq is-swieq tal-pajjiżi kandidati tal-UE; jissottolinja l-bżonn ta' trasparenza tal-format billi jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE għal-laqgħat tiegħu u jżommhom infurmati b'mod sħiħ dwar l-attivitajiet tiegħu sabiex jiżgura li l-aspetti rilevanti kollha jkunu koerenti mal-politika u mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u biex joffri lill-partijiet kollha l-istess benefiċċji u opportunitajiet;

8.Jinnota l-interess taċ-Ċina f'investimenti infrastrutturali strateġiċi fl-Ewropa; jikkonkludi li l-Gvern Ċiniż qiegħed juża l-BRI bħala qafas ta' narrattiva effikaċi għal ċerti elementi tal-politika barranija tiegħu, u li fid-dawl ta' dan l-iżvilupp, hemm bżonn li l-UE ssaħħaħ l-isforzi tagħha fil-politika barranija kif ukoll fid-diplomazija pubblika; jappoġġja t-talba biex iċ-Ċina taderixxi mal-prinċipji ta' trasparenza fl-akkwist pubbliku, kif ukoll mal-istandards ambjentali u soċjali; jistieden lill-Istati Membri kollha jappoġġjaw ir-risposti tad-diplomazija pubblika tal-UE; jissuġġerixxi li d-data kollha dwar l-investimenti fl-infrastruttura Ċiniża fl-Istati Membri tal-UE u f'dawk il-pajjiżi li għaddejjin minn proċess ta' negozjati ta' adeżjoni mal-UE tiġi kondiviża mal-istituzzjonijiet tal-UE u ma' Stati Membri oħra; ifakkar li dawn l-investimenti huma parti minn strateġija ġenerali biex il-kumpaniji Ċiniżi kkontrollati mill-Istat, jew iffinanzjati minnu, jikkontrollaw is-settur bankarju u dak tal-enerġija, kif ukoll il-ktajjen ta' provvista oħrajn; jissottolinja sitt sfidi ġenerali tal-BRI: approċċ multilaterali għall-governanza tal-BRI; impjieg minimu ta' ħaddiema lokali, parteċipazzjoni limitata immens ta' kuntratturi mill-pajjiż riċeventi jew minn pajjiż terz (madwar 86% tal-proġetti BRI jinvolvu kuntratturi Ċiniżi), materjali ta' kostruzzjoni u tagħmir importat miċ-Ċina, nuqqas ta' trasparenza fis-sejħiet għall-offerti, u l-użu potenzjali ta' standards Ċiniżi minflok ta' standards internazzjonali; jinsisti li l-BRI jrid jinkludi salvagwardji dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jemmen li huwa ta' importanza assoluta li jiġu żviluppati sinerġiji u proġetti bi trasparenza sħiħa u bl-involviment tal-partijiet interessati kollha u f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li jiġu kkomplementati l-politiki u l-proġetti tal-UE sabiex jitwasslu benefiċċji għall-pajjiżi skont ir-rotot ippjanati; jilqa' l-ħolqien ta' Pjattaforma ta' Konnessjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, li tippromwovi l-kooperazzjoni fl-infrastruttura tat-trasport madwar il-kontinent Ewro-Asjatiku; jinnota b'sodisfazzjon li ġew identifikati bosta proġetti ta' infrastruttura, u jissottolinja li l-proġetti għandhom jiġu implimentati abbażi ta' prinċipji ewlenin bħall-promozzjoni ta' proġetti ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli, tal-bilanċ ġeografiku, u skont kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fost l-investituri u l-promoturi ta' proġetti, kif ukoll it-trasparenza;

9.Jinnota bi pjaċir li l-politika tal-UE dwar iċ-Ċina tifforma parti minn approċċ politiku globali lejn ir-reġjun Asjatiku-Paċifiku, li jikseb vantaġġ sħiħ li jikkunsidra bis-sħiħ ir-relazzjonijiet mill-qrib tal-UE ma' sħab bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel, il-pajjiżi tal-ASEAN, l-Awstralja u n-New Zealand;

10.Jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina għandha tkun orjentata aktar lejn in-nies u għandha toffri aktar benefiċċji reali liċ-ċittadini sabiex jinbnew il-fiduċja u l-fehim reċiproku; jappella lill-UE u liċ-Ċina jonoraw il-wegħdiet magħmula fl-okkażjoni tar-Raba' Djalogu Interpersonali ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina fl-2017, u jippromwovu aktar interazzjonijiet fost il-persuni, pereżempju billi jintensifikaw il-kooperazzjoni kulturali fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-ugwaljanza bejn is-sessi u inizjattivi konġunti fil-qasam tal-iskambju interpersonali;

11.Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta' aktar appoġġ għall-istudenti u l-akkademiċi miċ-Ċina li jinsabu fl-Ewropa, ħalli jkunu anqas vulnerabbli għal pressjoni mill-awtoritajiet Ċiniżi biex jissorveljaw lil xulxin u jsiru għodod tal-Istat Ċiniż, kif ukoll għall-importanza li l-finanzjament kontinentali sostanzjali mogħti lill-istituzzjonijiet akkademiċi madwar l-Ewropa jiġi eżaminat bir-reqqa;

12.Jilqa' l-eżitu tar-Raba' Djalogu Interpersonali ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina li seħħ fit-13u fl-14ta'Novembru2017 f'Shanghai; jenfasizza li d-Djalogu Interpersonali ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina għandu jgħin fil-bini ta' fiduċja reċiproka u biex jiġi kkonsolidat il-fehim interkulturali bejn l-UE u ċ-Ċina;

13.Jilqa' s-Sena tat-Turiżmu UE-Ċina (ECTY) għall-2018; jenfasizza li, minbarra s-sinifikat ekonomiku tagħha, din hija eżempju tajjeb ta' diplomazija kulturali tal-UE fil-qafas tas-sħubija strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, kif ukoll bħala mezz biex jiġi żviluppat fehim aħjar bejn il-popli tal-Ewropa u taċ-Ċina; jenfasizza li s-Sena tat-Turiżmu bejn l-UE u ċ-Ċina għall-2018 tikkoinċidi mas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali u li għadd dejjem akbar ta' turisti Ċiniżi japprezzaw ir-rikkezza kulturali tal-Ewropa;

14.Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex b'mod urġenti u deċiżiv jintensifikaw il-kollaborazzjoni u l-unità tagħhom rigward il-politiki dwar iċ-Ċina, inkluż fil-fora tan-NU, dan fid-dawl ta' falliment tal-UE għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, li tippreżenta dikjarazzjoni konġunta dwar ir-rekords tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina waqt il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra f'Ġunju2017; jissuġġerixxi bil-qawwa li jittieħed vantaġġ mis-setgħa ta' negozjar kollettiv ħafna akbar tal-Ewropa fil-konfront taċ-Ċina, kif ukoll li l-Ewropa tiddefendi d-demokraziji ħielsa tagħha sabiex tkun tista' tiffaċċja aħjar l-isforzi sistematiċi miċ-Ċina biex tinfluwenza l-politiċi u s-soċjetà ċivili Ewropea, bil-għan li ssawwar opinjoni aktar favorevoli għall-interessi strateġiċi taċ-Ċina; f'dak ir-rigward, jappella lill-akbar Stati Membri biex jużaw il-piż politiku u ekonomiku tagħhom fil-konfront taċ-Ċina ħalli jippromwovu l-interessi tal-UE; jinsab mħasseb li ċ-Ċina qed tipprova tinfluwenza wkoll lill-istituzzjonijiet edukattivi u akkademiċi, kif ukoll il-kurrikuli tagħhom; jipproponi li l-UE u l-Istati Membri jrawmu gruppi ta' riflessjoni Ewropej ta' kwalità għolja dwar iċ-Ċina sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' konsulenza esperta indipendenti għal orjentazzjonijiet strateġiċi u għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

15.Jissottolinja li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt ser ikomplu jkunu parti ċentrali tal-involviment tal-UE maċ-Ċina. jikkundanna bis-sħiħ il-fastidju, l-arrest u l-prosekuzzjoni arbitrarja kontinwa ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, ġurnalisti, bloggers, akkademiċi u difensuri tad-drittijiet tax-xogħol u l-familji tagħhom mingħajr proċess xieraq, inklużi ċittadini barranin kemm fiċ-Ċina kif ukoll barra miċ-Ċina; jissottolinja li soċjetà ċivili vibranti u l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huma kruċjali għal soċjetà miftuħa u prospera; jenfasizza l-importanza li l-UE taġixxi bis-saħħa biex tippromwovi r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tar-relazzjoni tagħha maċ-Ċina, billi tiffoka kemm fuq ir-riżultati immedjati, bħat-tmiem tar-ripressjoni tal-gvern kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-atturi tas-soċjetà ċivili u d-dissidenti, u t-tmiem tal-fastidju ġudizzjarju u l-intimidazzjoni kontrihom, u biex b'mod immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tirrilaxxa l-priġunieri politiċi kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-UE u taħdem fuq l-għanijiet fuq il-perjodu medju u fit-tul ta' żmien bħar-riformi legali u ta' politika bi qbil mad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, u biex tiżviluppa, timplimenta u tkompli tadotta strateġija ta' żamma tal-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, inkluż dwar strateġija dwar il-komunikazzjonijiet pubbliċi; jinsisti li jeħtieġ li d-diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri ma jiġux miżmuma jew ostakolati milli jimplimentaw il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem; jimpenja ruħu li l-UE trid tagħti prijorità lill-għoti ta' protezzjoni u appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju;

16.jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsegwu approċċ politiku aktar ambizzjuż, magħqud u trasparenti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u jikkonsultaw u jipparteċipaw b'mod sostanzjali flimkien mas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari qabel il-laqgħat ta' livell għoli u d-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li l-UE, fil-35sessjoni ta' Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina, enfasizzat is-sitwazzjoni ta' deterjorament tad-drittijiet ċivili u politiċi fiċ-Ċina, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni; jistieden liċ-Ċina taġixxi fuq il-kwistjonijiet imqajma mid-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, biex tonora l-obbligi internazzjonali tagħha u tirrispetta s-salvagwardji kostituzzjonali tagħha stess għar-rispett tal-istat tad-dritt; jinsisti li jinżamm djalogu regolari, ta' livell għoli u orjentat lejn ir-riżultati dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinsab imħasseb li l-evalwazzjoni tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem maċ-Ċina qatt ma kienet pubblika u qatt ma ġiet miftuħa għal gruppi indipendenti miċ-Ċina; jistieden lill-UE tistabbilixxi punti ta' referenza ċari għall-kejl tal-progress, tiżgura trasparenza akbar u tinvolvi vuċijiet Ċiniżi indipendenti fid-diskussjoni; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiżvelaw, jiġbru u jindirizzaw il-forom kollha ta' fastidju dwar il-viża (dewmien jew rifjut tal-ħruġ/aċċess għall-viża mingħajr ebda raġuni u l-pressjoni applikata mill-awtoritajiet Ċiniżi matul il-proċess ta' applikazzjoni permezz ta' "intervisti" ma' interlokuturi Ċiniżi li ma jkunux lesti li jidentifikaw lilhom infushom) fil-konfront ta' akkademiċi, ġurnalisti jew membri ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

17.Jinsab imħasseb serjament dwar is-sejbiet tar-rapport tal-FCCC għall-2017 li jindika li l-Gvern Ċiniż intensifika l-isforzi tiegħu biex jiċħad jew jillimita l-aċċess ta' ġurnalisti barranin għal partijiet kbar tal-pajjiż filwaqt li jżid l-użu tal-proċess ta' tiġdid tal-viża sabiex jixħet pressjoni fuq ġurnalisti u organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet mhux mixtieqa; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jitolbu lill-awtoritajiet Ċiniżi jirreċiprokaw il-libertà tal-istampa u jwissi kontra l-pressjoni li l-korrispondenti barranin qed jesperjenzaw f'pajjiżhom wara li diplomatiċi Ċiniżi jikkuntattjaw lill-kwartieri ġenerali tal-kumpaniji tal-midja sabiex jikkritikaw il-ħidma tal-ġurnalisti f'dan il-qasam;

18.Jinnota li r-RPĊ hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE u li l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali tar-RPĊ; jisħaq fuq it-tkabbir kostanti fil-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet iżda jqis li l-bilanċ tal-kummerċ ta' oġġetti huwa żbilanċjat għall-benefiċċju tar-RPĊ; jitlob approċċ kooperattiv u attitudni kostruttiva sabiex jiġu indirizzati b'mod effikaċi kwistjonijiet ta' tħassib u jiġi sfruttat il-potenzjal kbir tal-kummerċ bejn l-UE u r-RPĊ; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-kooperazzjoni u d-djalogu mar-RPĊ;

19.Jinnota s-sejbiet ta' investigazzjonijiet riċenti li mill-2008 'l hawn, iċ-Ċina akkwistat assi fl-Ewropa b'valur ta' USD318-ilbiljun; jinnota li din iċ-ċifra ma tinkludix diversi fużjonijiet, investimenti u impriżi konġunti;

20.Jinnota li r-RPĊ hija attur ewlieni fil-kummerċ globali, u li s-suq kbir tal-pajjiż jista', fil-prinċipju u b'mod partikolari fil-kuntest ta' kummerċ globali attwali, jirrappreżenta opportunità tajba għall-UE u għan-negozji Ewropej; ifakkar li l-kumpaniji Ċiniżi, inklużi l-intrapriżi tal-istat, qed jibbenefikaw minn swieq miftuħa beraħ fl-UE; jirrikonoxxi r-riżultati notevoli tar-RPĊ li ħarġet mijiet ta' miljuni ta' ċittadini mill-faqar matul dawn l-aħħar erba'deċennji;

21.Jinnota li l-investiment dirett barrani (IDB) endoġenu tal-UE fir-RPĊ naqas b'mod stabbli mill-2012, b'mod partikolari fis-settur tradizzjonali tal-manifattura, b'żieda parallela fl-investiment f'servizzi ta' teknoloġija avvanzata, utilitajiet u servizzi agrikoli u ta' kostruzzjoni, filwaqt li l-investiment tar-RPĊ fl-UE kiber b'mod esponenzjali matul dawn l-aħħar ftit snin; jirrikonoxxi li, mill-2016, ir-RPĊ saret investitur nett fl-UE; jieħu nota tal-fatt li fl-2017, 68% tal-investimenti Ċiniżi fl-Ewropa ġew minn intrapriżi tal-istat; jinsab imħasseb dwar l-akkwisti orkestrati mill-istat li jistgħu jfixklu l-interessi strateġiċi Ewropej, l-objettivi tas-sigurtà pubblika, il-kompetittività u l-impjiegi;

22.Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmu ta' skrinjar tal-IDB fl-oqsma tas-sigurtà u l-ordni pubbliku, li tirrappreżenta waħda mill-isforzi tal-UE biex tadatta ruħha għal ambjent dinji li jinbidel, mingħajr ma speċifikament tpoġġi fil-mira kwalunkwe wieħed mis-sħab kummerċjali internazzjonali tal-UE; iwissi li l-mekkaniżmu ma għandux iwassal għal protezzjoniżmu moħbi; madankollu, jitlob l-adozzjoni rapida tiegħu;

23.Jilqa' l-impenji mill-PresidentXiJinping li s-suq Ċiniż jinfetaħ aktar għall-investituri barranin u jitjieb l-ambjent tal-investimenti, titlesta r-reviżjoni tal-lista negattiva dwar l-investiment barrani u jitneħħew ir-restrizzjonijiet għall-kumpaniji Ewropej filwaqt li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u jiġu assigurati kundizzjonijiet ekwi billi jkun hemm aktar trasparenza u regolamentazzjoni aħjar tas-suq tar-RPĊ; jappella li dawn l-impenji jitwettqu;

24.Itenni l-importanza li jieqfu l-prattiki diskriminatorji kollha kontra l-investituri barranin; ifakkar, f'dan ir-rigward, li dawn ir-riformi se jkunu ta' benefiċċju kemm għan-negozji Ċiniżi u kemm għal dawk Ewropej, speċjalment l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs);

25.Jistlob lill-Kummissjoni tippromwovi r-Regolament Ġenerali ġdid tal-Unjoni dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) bħala standard indipensabbli fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha maċ-Ċina; jirrimarka l-ħtieġa ta' djalogu sistematiku maċ-Ċina u ma' sħab oħra tad-WTO dwar ir-rekwiżiti regolatorji relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji tagħna u l-impatt tagħha b'diversi aspetti fuq: il-kummerċ, il-ktajjen ta' produzzjoni, is-servizzi diġitali transfruntiera, l-istampar3D, ix-xejriet tal-konsum, il-pagamenti, it-taxxi, il-protezzjoni tad-data personali, il-kwistjonijiet tad-drittijiet ta' proprjetà, l-għoti u l-protezzjoni ta' servizzi awdjoviżivi, il-midja u l-kuntatti bejn il-persuni;

26.Jistieden lir-RPĊ tħaffef il-proċess ta' adeżjoni mal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi u tippreżenta offerta ta' adeżjoni sabiex tagħti lill-kumpaniji Ewropej aċċess għas-suq tagħha fuq bażi ekwivalenti tal-aċċess li l-kumpaniji Ċiniżi diġà jgawdu fl-UE; jiddispjaċih dwar il-fatt li s-suq tal-akkwist pubbliku Ċiniż għadu fil-biċċa l-kbira tiegħu magħluq għal fornituri barranin, filwaqt li n-negozji Ewropej isofru minn diskriminazzjoni u minn nuqqas ta' aċċess għas-suq Ċiniż; jistieden lir-RPĊ tippermetti aċċess nondiskriminatorju lin-negozji Ewropej u lill-ħaddiema dwar l-akkwist pubbliku; jistieden lill-Kunsill jadotta malajr l-Istrument ta' Akkwist Internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attenta għal kuntratti mogħtija lil intrapriżi barranin suspettati li jipprattikaw dumping u tieħu azzjoni, fejn meħtieġ;

27.Jappella għal kooperazzjoni koordinata mar-RPĊ dwar l-Inizjattiva "Belt and Road" abbażi ta' reċiproċità, żvilupp sostenibbli, governanza tajba, u regoli miftuħa u trasparenti, b'mod partikolari rigward l-akkwist pubbliku; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, dwar il-fatt li l-Memorandum ta' Qbil iffirmat mill-Fond Ewropew tal-Investiment u mis-"Silk Road Fund" tar-RPĊ u dak iffirmat mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), mill-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp, mill-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura, mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, mill-Bank il-Ġdid għall-Iżvilupp u mill-Bank Dinji għadhom ma tejbux l-ambjent tan-negozju għall-intrapriżi u għall-ħaddiema Ewropej; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' valutazzjonijiet tal-impatt professjonali u sostenibbli f'diversi proġetti li għandhom x'jaqsmu mal-"Belt and Road" u jissottolinja l-importanza tal-kwalità tal-investiment, b'mod partikolari fir-rigward tal-effetti pożittivi fuq l-impjiegi, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-produzzjoni li tirrispetta l-ambjent, u l-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima, skont governanza multilaterali u standards internazzjonali;

28.Jappoġġja n-negozjati li għaddejjin dwar Ftehim ta' Investiment komprensiv bejn l-UE u r-RPĊ, li tvaraw fl-2013, u jistieden lir-RPĊ tinvolvi ruħha aktar f'dan il-proċess; jistieden liż-żewġ partijiet iġeddu l-isforzi tagħhom biex jagħmlu progress fin-negozjati, immirati biex jiksbu kundizzjonijiet ekwi ġenwini għan-negozji u għall-ħaddiema Ewropej, u jiżguraw reċiproċità fl-aċċess għas-suq, filwaqt li jfittxu li jiksbu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs u l-akkwist pubbliku; jistieden liż-żewġ partijiet, barra minn hekk, jaħtfu l-opportunità mogħtija mill-ftehim ta' investiment sabiex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tad-drittijiet ambjentali u tax-xogħol u jinkludu kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli fit-test;

29.Ifakkar li l-kumpaniji tal-UE jiffaċċjaw għadd dejjem akbar ta' miżuri restrittivi ta' aċċess għas-suq fir-RPĊ minħabba obbligi ta' inizjattivi bi sħab f'diversi setturi tal-industrija u rekwiżiti tekniċi diskriminatorji ulterjuri, li jinkludu lokalizzazzjoni furzata tad-data, u żvelar tal-kodiċi tas-sors, u regoli regolatorji tan-negozju barrani; jilqa', f'dan ir-rigward, l-Avviż dwar Diversi Miżuri rigward il-Promozzjoni ta' Aktar Trasparenza u Użu Attiv tal-Investiment Barrani, maħruġ mill-Kunsill tal-Istat tar-RPĊ fl-2017, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' skeda ta' żmien biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet Ċiniżi biex iwettqu malajr dawn l-impenji;

30.lill-UE u lill-Istati Membri tagħha flimkien maċ-Ċina biex jintensifikaw il-kooperazzjoni ħalli jibnu ekonomiji ċirkolari, peress li din il-ħtieġa urġenti saret aktar viżibbli wara d-deċiżjoni leġittima taċ-Ċina li tipprojbixxi importazzjonijiet ta' skart tal-plastik mill-Ewropa; jistieden liż-żewġ sħab jintensifikaw il-kooperazzjoni ekonomika u teknoloġika sabiex jiġi evitat li l-ktajjen ta' produzzjoni globali, il-kummerċ u t-trasport, u s-servizzi turistiċi jikkawżaw akkumulazzjoni inaċċettabbli ta' skart tal-plastik fl-oċeani tagħna;

31.Jistieden lir-RPĊ tistinka biex ikollha rwol responsabbli fix-xena globali, b'għarfien komplet tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-preżenza ekonomika tagħha u mill-prestazzjoni tagħha f'pajjiżi terzi u fis-swieq globali, inkluż billi tagħti l-appoġġ attiv tagħha lis-sistema ta' kummerċ multilaterali bbażata fuq ir-regoli u lid-WTO; jemmen, f'dan il-kuntest ta' ktajjen ta' valur globali, li tensjonijiet kummerċjali internazzjonali li qed jiżdiedu għandhom jiġu solvuti permezz ta' negozjati, filwaqt li tenna l-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet multilaterali; jappella, f'dan ir-rigward, għat-twettiq tal-obbligi stipulati fil-Protokoll tal-Adeżjoni tar-RPĊ mad-WTO u għall-protezzjoni tal-mekkanizmi operazzjonali tagħha; jissottolinja l-obbligi ta' notifika u trasparenza li jirriżultaw minn ftehimiet tad-WTO fir-rigward ta' sussidji u jesprimi tħassib dwar il-prattika attwali ta' sussidjar dirett jew indirett ta' kumpaniji Ċiniżi; jitlob li l-azzjonijiet u l-isforzi jsiru b'koordinazzjoni ma' sħab kummerċjali ewlenin tal-UE sabiex jiġu indirizzati u eliminati d-distorsjonijiet fis-suq maħluqa mill-istat li jaffettwaw il-kummerċ globali;

32.Jiddispjaċih għall-fatt li r-RPĊ, minkejja li lestiet il-proċedura għar-riforma tal-metodoloġija Ewropea tal-kalkolu tad-dazji antidumping, għadha ma rtiratx il-każ tagħha kontra l-UE mill-korp tal-appell tad-WTO;

33.Jesprimi tħassib dwar il-miżuri tariffarji li qed jeskalaw u li qed jittieħdu miċ-Ċina u mill-Istati Uniti;

34.Jesprimi tħassib dwar l-għadd ta' restrizzjonijiet li l-kumpaniji Ewropej, u l-MSMEs b'mod partikolari, ikomplu jiffaċċjaw fir-RPĊ, inkluż fil-Katalogu tal-Investiment Barrani tal-2017 u fil-Lista Negattiva tal-2017 dwar iż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles, kif ukoll f'setturi li jaqgħu taħt il-pjan "Made in China2025"; jitlob li jkun hemm tnaqqis rapidu ta' dawn ir-restrizzjonijiet sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta' kooperazzjoni u s-sinerġiji bejn l-iskemi tal-Industrija4.0 fl-Ewropa u l-istrateġija "Made in China2025", fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu ristrutturati s-setturi produttivi tagħna lejn sistemi ta' manifattura intelliġenti, inkluża l-kooperazzjoni fl-iżvilupp u d-definizzjoni ta' standards industrijali rispettivi f'fora multilaterali; ifakkar fl-importanza li jitnaqqsu s-sussidji tal-gvern tar-RPĊ;

35.Jistieden lir-RPĊ tieqaf tagħmel l-aċċess għas-suq dejjem aktar kondizzjonali fuq it-trasferimenti furzati tat-teknoloġija, kif iddikjarat fid-dokument ta' pożizzjoni tal-2017 tal-Kamra tal-Kummerċ tal-Ujoni Ewropea dwar iċ-Ċina;

36.Jappella għat-tkomplija tan-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali (EGA), abbażi tal-kooperazzjoni produttiva bejn l-UE u r-RPĊ fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impenn konġunt qawwi lejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq fuq il-potenzjal kummerċjali tal-kooperazzjoni teknoloġika dwar teknoloġiji nodfa;

37.Jinnota bi tħassib il-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'pajjiżi terzi, li jsemmi lir-RPĊ bħala t-tħassib ewlieni; itenni l-ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni għal ekonomija Ewropea bbażata fuq l-għarfien; jistieden lir-RPĊ tiġġieled kontra l-użu illeċitu ta' liċenzji Ewropej minn kumpaniji Ċiniżi;

38.Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi l-preżenza tal-Unjoni Ewropea fl-Expo Internazzjonali taċ-Ċina dwar l-Importazzjonijiet li se ssir f'Shanghai f'Novembru2018, u tipprovdi lill-SMEs, b'mod partikolari, l-opportunità li jesponu ħidmiethom; jistieden lill-Kummissjoni tikkuntattja lill-kmamar tal-kummerċ, b'mod partikolari fl-Istati Membri li bħalissa jinsabu inqas involuti fil-kummerċ maċ-Ċina, sabiex tippromwovi din l-opportunità;

39.Jesprimi tħassib dwar il-miżuri tal-Istat tar-RPĊ li kkawżaw distorsjonijiet kummerċjali, inkluża l-kapaċità żejda industrijali fis-setturi tal-materja prima, bħal dawk tal-azzar u tal-aluminju, fost oħrajn; ifakkar fl-impenji li saru waqt l-ewwel laqgħa ministerjali tal-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar fl-2017 sabiex jitwaqqaf l-għoti ta' sussidji li joħolqu distorsjoni fis-suq, iżda jiddispjaċih li d-delegazzjoni Ċiniża ma tatx data dwar il-kapaċità; jistieden lir-RPĊ biex, tissodisfa l-impenn tagħha li tidentifika u tiżvela data dwar is-sussidji u l-miżuri ta' appoġġ tagħha għall-industriji tal-azzar u tal-aluminju; jirrikonoxxi r-rabta bejn il-kapaċità żejda industrijali globali u ż-żieda f'miżuri kummerċjali protezzjonisti u jkompli jħeġġeġ il-kooperazzjoni multilaterali sabiex jiġi indirizzat it-tħassib strutturali dwar il-kapaċità eċċessiva; jilqa' l-azzjoni tripartitika proposta mill-Istati Uniti, mill-Ġappun u mill-UE fil-livell tad-WTO;

40.Jenfasizza l-importanza ta' ftehim ambizzjuż bejn l-UE u r-RPĊ dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi (GIs), abbażi tal-ogħla standards internazzjonali, u jilqa' l-aħbar konġunta tal-2017 bejn l-UE u r-RPĊ dwar il-lista ta' 200indikazzjoni ġeografiċi Ċiniżi u Ewropej, li l-protezzjoni għalihom se tkun is-suġġett ta' negozjati; iqis, madankollu, li peress li n-negozjati tnedew fl-2010, il-lista hija riżultat modest ħafna, u jiddispjaċih għan-nuqqas ta' progress f'dan ir-rigward; jitlob li jkun hemm konklużjoni bikrija tan-negozjati u jħeġġeġ liż-żewġ partijiet jikkunsidraw l-opportunità li jmiss tas-Summit bejn l-UE u r-RPĊ bħala okkażjoni tajba biex jinkiseb progress effettiv għal dan il-għan; itenni l-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni fil-qasam tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) biex jitnaqqsu l-piżijiet fuq l-esportaturi tal-UE;

41.Jilqa' d-deċiżjoni taċ-Ċina li tittardja b'sena l-implimentazzjoni ta' ċertifikazzjonijiet ġodda għal ikel u xorb importat, li kienu jnaqqsu b'mod drammatiku l-importazzjonijiet tal-ikel mill-UE; jilqa', barra minn hekk, id-dewmien fl-implimentazzjoni ta' standards ġodda għal vetturi elettriċi u jappella għal djalogu sostantiv u aktar koordinazzjoni dwar inizjattivi bħal dawn;

42.Jirrakkomanda li l-Unjoni u l-Gvern Ċiniż ivaraw inizjattiva konġunta fi ħdan il-G20 sabiex jistabbilixxu Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Aluminju, b'mandat biex jindirizzaw il-katina sħiħa tal-valur tal-industrija tal-boksajt, tal-alumina u tal-aluminju, inklużi l-prezzijiet tal-materja prima u l-aspetti ambjentali;

43.Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod attiv timmonitorja l-miżuri ta' distorsjoni tal-kummerċ Ċiniż, li qed jaffettwaw il-pożizzjonijiet tal-kumpaniji tal-UE fis-swieq globali, u biex tieħu azzjoni xierqa fi ħdan id-WTO u f'fora oħrajn, inkluż permezz ta' soluzzjoni tat-tilwim;

44.Jinnota li liġi ġdida Ċiniża dwar l-investiment barrani tinsab fil-proċess li tiġi abbozzata; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati Ċiniżi jirsistu għal trasparenza, obbligu ta' rendikont, prevedibbiltà u ċertezza legali, u jqisu l-proposti u l-istennijiet tad-djalogu attwali bejn l-UE u ċ-Ċina dwar ir-relazzjoni kummerċjali u ta' investiment;

45.Jesprimi tħassib dwar il-liġi ġdida dwar iċ-ċibersigurtà, li tinkludi, inter alia, ostakli regolatorji ġodda għall-kumpaniji barranin li jbigħu tagħmir u servizzi tal-IT u tat-telekomunikazzjoni; jiddispjaċih dwar il-fatt li dawn il-miżuri adottati reċentement, flimkien mal-istabbiliment ta' gruppi tal-Partit Komunista Ċiniż fi ħdan kumpaniji privati, inklużi kumpaniji barranin, u miżuri bħalma huma l-liġi dwar l-NGOs, jagħmlu l-ambjent ġenerali tan-negozju fir-RPĊ aktar ostili għal operaturi ekonomiċi barranin u privati;

46.Jinnota li fl-2016 is-sistema bankarja tar-RPĊ qabżet dik taż-żona tal-euro bħala l-akbar fid-dinja; jistieden lir-RPĊ tippermetti lill-intrapriżi bankarji barranin jikkompetu fuq l-istess livell ma' istituzzjonijiet domestiċi u tikkoopera mal-UE fil-qasam tar-regolamentazzjoni finanzjarja; jilqa' d-deċiżjoni tar-RPĊ li tnaqqas it-tariffi fuq 187prodott tal-konsumatur u li tneħħi l-livelli limitu ta' sjieda barranija għall-banek;

47.Ifakkar fir-rapport tiegħu tal-2015, dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-RPĊ, li fiha appella għat-tnedija ta' negozjati għal ftehim bilaterali ta' investiment mat-Tajwan; jirrimarka li l-Kummissjoni diversi drabi ħabbret il-varar ta' negozjati dwar l-investiment ma' Hong Kong u t-Tajwan, iżda jiddispjaċih li fil-fatt għadu ma ġie varat l-ebda negozjar bħal dan; itenni l-appoġġ tiegħu għal ftehim bilaterali ta' investiment mat-Tajwan u Hong Kong; jirrikonoxxi li ż-żewġ sħab jistgħu jaġixxu wkoll bħala punt ta' spinta għan-negozji tal-UE fiċ-Ċina kontinentali;

48.Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina mal-Istati Membri, u b'konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew, tifformula pożizzjoni Ewropea unika u strateġija ekonomika komuni fir-rigward tar-RPĊ; jistieden lill-Istati Membri kollha jaderixxu b'mod konsistenti ma' din l-istrateġija;

49.Jissottolinja l-konsegwenzi potenzjali tas-sistema proposta ta' kreditu soċjali għall-ambjent tan-negozju, u jappella biex tiġi implimentata b'mod trasparenti, ġust u ekwu;

50.Jilqa' l-progress leġiżlattiv fl-UE dwar ir-Regolament (UE)2017/821 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli, u leġiżlazzjoni simili dwar il-minerali ta' kunflitt fiċ-Ċina bil-għan li tiżgura li l-kummerċ ta' dawn il-minerali ma jiffinanzjax kunflitti armati; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat li l-minerali ta' kunflitt jiġu proċessati fil-mowbajls, fil-karozzi u fil-ġojjellerija tagħna; jistieden kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-Gvern Ċiniż jistabbilixxu kooperazzjoni strutturata biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida u biex jipprevjenu b'mod effikaċi lill-funderiji u lir-raffineriji Ċiniżi u tal-UE milli jużaw minerali ta' kunflitt, jipproteġu lill-ħaddiema tal-minjieri, inklużi t-tfal, milli jiġu abbużati, u jesiġu li l-kumpaniji tal-UE u dawk Ċiniżi jiżguraw li jimportaw dawn il-minerali u l-metalli minn sorsi responsabbli biss.

51.jinnota li waqt id-Dsatax-il Kungress tal-Partit li nżamm f'Ottubru2017 u matul l-aħħar sessjoni tal-NPC, is-Segretarju Ġenerali u l-President Xi Jinping, saħħaħ il-pożizzjoni ta' poter tiegħu fi ħdan il-partit, u witta t-triq għall-estensjoni mingħajr limitu tal-mandat tiegħu, u saħħaħ il-kontroll tal-organi tal-partit tal-ħalq fuq l-apparat tal-istat u l-ekonomija, inkluż bil-ħolqien ta' ċelloli tal-partit f'intrapriżi barranin; jinnota li r-riforma radikali korrispondenti tas-sistema politika tar-RPĊ hija akkumpanjata minn bidla ulterjuri fl-enfasi politika lejn politika bbażata fuq sorveljanza mill-qrib fl-oqsma kollha;

52.Jenfasizza li l-ħolqien tal-Kummissjoni Nazzjonali ta' Sorveljanza, li l-istatus legali tagħha huwa ekwivalenti għal dak tal-qrati u tal-prosekutur pubbliku, jirrappreżenta pass drastiku lejn l-amalgamazzjoni tal-funzjonijiet tal-partijiet u tal-istat, peress li tistabbilixxi korp superviżorju tal-Istat li jirċievi l-ordnijiet tiegħu mill-Kummissjoni Ċentrali għall-Ispezzjoni tad-Dixxiplina (CCDI) li magħha jikkondividi l-uffiċċji u l-persunal; jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi profondi ta' din l-estensjoni tas-sorveljanza tal-partit fuq numru kbir ta' persuni, peress li dan ifisser li l-kampanja kontra l-korruzzjoni tista' tiġi estiża biex jitħarrku mhux biss il-membri tal-partit iżda wkoll l-uffiċjali taċ-ċivil, ibda mill-maniġers tal-kumpaniji tal-istat, sa professuri universitarji u diretturi tal-iskejjel tar-raħal;

53.Josserva li, filwaqt li għadha qed tinbena s-Sistema Soċjali ta' Kreditu, listi suwed ta' individwi li ma jikkonformawx u entitajiet legali, kif ukoll listi ħomor għal individwi u kumpaniji eċċellenti, jiffurmaw il-qalba tal-istadju ta' implimentazzjoni kurrenti, fejn l-attenzjoni ewlenija hija fuq l-ikkastigar tat-trasgressuri fuq listi suwed u l-premjazzjoni ta' dawk fuq listi ħomor; jinnota li fil-bidu tal-2017il-Qorti Suprema tal-Poplu taċ-Ċina ddikjarat li aktar minn sitt miljun ċittadin Ċiniż kienu ġew ipprojbiti milli jtiru minħabba atti soċjali ħżiena; jiċħad bil-qawwa x-xandir u ċ-ċanfir pubbliku ta' persuni fuq il-lista s-sewda bħala parti integrali tas-Sistema Soċjali ta' Kreditu; jissottolinja l-importanza u l-ħtieġa ta' djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-kontrapartijiet Ċiniżi tagħhom dwar il-konsegwenzi soċjali serji kollha ta' dan l-ippjanar ċentrali kif ukoll dwar l-esperimenti lokali tas-Sistema Soċjali ta' Kreditu;

54.Jesprimi tħassib enormi dwar is-sistemi massivi ta' sorveljanza taċ-ċiberspazju taċ-Ċina, u jitlob l-adozzjoni ta' regolament dwar id-drittijiet ta' privatezza infurzabbli; jikkundanna r-repressjoni kontinwa fuq il-libertà tal-internet mill-awtoritajiet Ċiniżi, b'mod partikolari l-libertà ta' aċċess għal siti web barranin, u jiddispjaċih għall-politika ta' awtoċensura li ġiet adottata minn xi kumpaniji tal-Punent li joperaw fiċ-Ċina; ifakkar li tmienja minn fost l-aktar 25 sit web popolari fid-dinja huma bblukkati fiċ-Ċina, inklużi siti web ta' kumpaniji ewlenin tal-IT;

55.Jirrimarka li d-dikjarazzjoni ta' Xi dwar l-importanza ewlenija ta' "stabbiltà fit-tul" għas-suċċess tal-BRI f'Xinjiang wasslet biex jiġu intensifikati l-istrateġiji ta' kontroll li ilhom għaddejjin u li ssaħħew b'firxa ta' innovazzjonijiet teknoloġiċi u b'żieda rapida fin-nefqa dwar is-sigurtà domestika, u l-użu ta' miżuri kontra t-terroriżmu biex jiġu kkriminalizzati l-kontestazzjoni u l-individwi dissidenti bl-użu tal-applikazzjoni ta' definizzjoni wiesgħa ta' terroriżmu; jinsab imħasseb dwar l-implimentazzjoni mill-Istat ta' miżuri li jiżguraw "is-superviżjoni komprensiva" tar-reġjun permezz tal-installazzjoni tas-sorveljanza elettronika Ċiniża "Skynet" f'żoni urbani ewlenin, l-installazzjonijiet ta' trackers tal-GPS fil-vetturi bil-mutur kollha, l-użu ta' scanners ta' rikonoxximent tal-wiċċ fil-punti ta' kontroll u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u fil-pompi tal-petrol, u l-isforz ta' ġbir tad-demm mill-pulizija ta' Xinjiang biex tkompli tiġi estiża d-databażi tad-DNA taċ-Ċina; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-bgħit ta' eluf ta' Uyghurs u ta' Każakistani etniċi f' "kampijiet ta' riedukazzjoni" politika, skont analiżi tad-data miġbura permezz ta' sistema ta' "pulizija preventiva", anke għas-sempliċi l-fatt li wieħed ikun ivvjaġġa barra mill-pajjiż jew inkella jekk jitqies li huwa devot wisq; jiġġudika li l-proklamazzjoni ta' Xi tgħid li BRI se "tibbenefika lil persuni madwar id-dinja kollha" peress li se tkun ibbażata fuq "l-ispirtu tat-Triq tal-Ħarir" jiġifieri dak ta' "paċi u kooperazzjoni, ftuħ u inklużività", s'issa għadha 'l bogħod mir-realtà ffaċċjata mill-Uyghurs u mill-Każakistani etniċi f'Xinjiang; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jilliberaw lil dawk li allegatament ġew detenuti minħabba t-twemmin tagħhom jew minħabba l-prattiki kulturali u l-identitajiet tagħhom;

56.Jisħaq li t-tisħiħ istituzzjonali u finanzjarju tad-diplomazija Ċiniża jirrifletti l-prijorità għolja mogħtija minn Xi Jimping lill-politika barranija bħala parti mill-viżjoni tiegħu biex iċ-Ċina tinbidel f'setgħa globali sal-2049; jinnota li ċ-ċaqliq tar-responsabbiltà għall-affarijiet barranin, li sar matul l-aħħar sessjoni tal-NPC, jixhed ir-rwol dejjem akbar tal-politika barranija fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Partit; jissottolinja l-fatt li l-istabbiliment tal-Aġenzija ta' Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Istat huwa turija tal-importanza qawwija li t-tmexxija ta' Xi tattribwixxi għat-tisħiħ tal-interessi globali ta' sigurtà tagħha permezz ta' mezzi ekonomiċi, pereżmpju bi BRI "bi skop aħjar"; jikkonkludi, għalhekk, li matul il-ħames snin li jmiss, iċ-Ċina se tkun aktar preżenti u aktar parteċipi barra minn xtutha, permezz ta' inizjattivi diplomatiċi u ekonomiċi li għalihom l-UE u l-Istati Membri jridu jsibu risposti u strateġiji komuni;

57.Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-paċi u s-sigurtà fl-Ibħra tan-Nofsinhar u tal-Lvant taċ-Ċina għall-istabbiltà fir-reġjun; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-libertà u s-sikurezza tat-tbaħħir fir-reġjun għal ħafna stati Asjatiċi u Ewropej; jinnota li l-istrutturi li tlestew matul l-aħħar sena fuq artijiet kemm fil-gżejjer Spraatlys kif ukoll fil-gżejjer Parakels fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina jinkludu ħangars kbar tul runways twal 3km, xelters rinfurzati għal pjattaformi ta' missili, żoni kbar ta' ħżin taħt l-art, ħafna bini amministrattiv, tagħmir ta' imblukkar radjufoniku militari, netwerks kbar ta' radar bi frekwenza għolja u radaru sensuri li jkopru lil hinn mill-orizzont, u li dan kollu jindika fażi ta' konsolidament u ta' tisħiħ ulterjuri ta' kapaċitajiet ta' sorveljanza fit-tul u militari, filwaqt li l-militarizzazzjoni ulterjuri tal-gżejjer permezz ta' kollokament ta' pjattaformi militari saħansitra aktar avvanzati jistgħu jservu għal skopijiet ta' ritaljazzjoni potenzjali għal azzjonijiet legali ġodda jew għal preżenza navali internazzjonali estiża; jistieden liċ-Ċina u l-ASEAN iħaffu l-konsultazzjonijiet dwar il-Kodiċi ta' Kondotta għas-soluzzjoni paċifika ta' tilwim u l-kontroversji f'dan il-qasam; jinsisti li l-kwistjoni għandha tiġi solvuta skont il-liġi internazzjonali taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS); jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala partijiet kontraenti għall-UNCLOS, jirrikonoxxu d-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ; itenni l-appell tiegħu liċ-Ċina biex taċċetta d-deċiżjoni tat-Tribunal; jissottolinja li l-UE tixtieq iżżomm l-ordni internazzjonali abbażi tal-istat tad-dritt;

58.Huwa mħasseb ħafna dwar it-tnaqqis tal-ispazju ta' manuvrar għas-soċjetà ċivili minn meta Xi Jinping tela' fil-poter fl-2012, b'mod partikolari fid-dawl tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-NGOs Barranin li daħlet fis-seħħ fit-1ta'Jannar2017, li tqiegħed lill-NGOs barranin kollha, inklużi t-think tanks u istituzzjonijiet akkademiċi, taħt piż amministrattiv u pressjoni ekonomika aktar qawwija u taħt il-kontroll strett tal-Unità ta' Sorveljanza affiljata mal-Ministeru tas-Sigurtà Pubblika, dan b'impatt negattiv qawwi fuq l-operat u l-finanzjament tagħhom; jistenna li l-NGOs Ewropej fiċ-Ċina jgawdu mill-istess libertajiet li jgawdu l-NGOs taċ-Ċina fl-UE; jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi li jirrevokaw il-leġiżlazzjoni restrittiva bħal-Liġi dwar l-NGOs Barranin, li hija inkonsistenti mad-dritt ta' libertà ta' assoċjazzjoni, ta' opinjoni u ta' espressjoni;

59.jinsisti li l-awtoritajiet Ċiniżi jridu jiggarantixxu li dawk kollha li jinsabu f'detenzjoni jiġu ttrattati f'konformità mar-regoli internazzjonali u li għandhom jiġu pprovduti b'aċċess għal konsulent legali u għal trattament mediku, f'konformità mal-Korp ta' Prinċipji tan-NU għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kull Formola ta' Detenzjoni jew Priġunerija;

60.Iħeġġeġ liċ-Ċina hekk kif qed joqrob l-20 anniversarju tal-firma tagħha tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, biex tirratifikah u tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, anke billi ttemm kull prattika abbużiva u tadotta l-leġiżlazzjoni tiegħu kif meħtieġ;

61.Jikkundanna l-użu tal-piena tal-mewt, u jfakkar li ċ-Ċina eżegwit sentenzi tal-mewt fuq aktar persuni mill-pajjiżi l-oħrajn kollha flimkien u fl-2016 eżegwiet aktar minn 2000sentenza tal-mewt; iħeġġeġ liċ-Ċina tixħet dawl dwar l-iskala tal-eżekuzzjonijiet fil-pajjiż u tiżgura transparenza ġudizzjarja; jistieden lill-UE tqawwi l-isforzi diplomatiċi tagħha u tesiġi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

62.Huwa mħasseb ħafna għall-fatt li l-kontenut ewlieni tar-regolamenti reliġjużi l-ġodda se jwassal biex ir-reliġjonijiet u l-assoċjazzjonijiet etiċi mhux reliġjużi kollha, irrispettivament minn jekk humiex awtorizzati jew le, jiġu ttimbrati mill-Gvern Ċiniż; jissottolinja l-fatt li hemm ħafna kongregazzjonijiet ta' knejjes fid-djar fiċ-Ċina li jirrifjutaw, għal raġunijiet teoloġiċi, li jingħaqdu fil-Moviment Patrijottiku Protestant u fil-Kunsill Nisrani sanzjonati mill-istat u mill-partit; jappella lill-Gvern Ċiniż jippermetti lil bosta knejjes fid-djar li huma lesti li jirreġistraw sabiex jagħmlu dan direttament tad-Dipartiment għall-Affarijiet Ċivili tal-gvern, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-interessi tagħhom bħala organizzazzjonijiet soċjali;

63.Iħeġġeġ liċ-Ċina tirrevedi l-politiki tagħha fit-Tibet; jappella liċ-Ċina tirrevedi u temenda l-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri li għaddew f'dawn l-aħħar snin li jxekklu bil-qawwa l-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi tat-Tibetani, inkluża l-libertà tal-espressjoni u l-libertà reliġjuża tagħhom; iħeġġeġ lill-mexxejja taċ-Ċina jkomplu jfasslu politiki ta' żvilupp u ambjentali li jirrispettaw id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tat-Tibetani u li jinkludu l-popolazzjonijiet lokali, bi qbil mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti; jappella lill-gvern taċ-Ċina jinvestiga l-każijiet kontinwi ta' għajbien infurzat, tortura u trattament ħażin ta' Tibetani u jirrispetta d-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' assoċjazzjoni, għal-liberta ta' għaqda paċifika u għal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, b'konformità mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li d-degradazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet għandha titqajjem sistematikament f'kull Summit UE-Ċina; jitlob li jitkompla d-djalogu kostruttiv bejn l-awtoritajiet tal-Gvern Ċiniż u r-rappreżentanti tal-poplu Tibetan; iħeġġeġ liċ-Ċina tagħti lid-diplomatiċi, lill-ġurnalisti u liċ-ċittadini tal-UE aċċess mingħajr xkiel għat-Tibet b'sens ta' reċiproċità għall-aċċess ħieles u miftuħ għall-vjaġġaturi Ċiniżi fit-territorji kollha tal-Istati Membri tal-UE; jappella lill-awtoritajiet Ċiniżi jippermettu lit-Tibetani fit-Tibet jivvjaġġaw b'mod ħieles u biex jirrispettaw id-dritt ta' dawn tal-aħħar għal-libertà ta' moviment; Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jħallu lill-osservaturi indipendenti, inkluż lill-Kummissarja Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem jkollhom aċċess għat-Tibet; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkunsidraw serjament il-kwistjoni ta' aċċess għat-Tibet fid-diskussjonijiet dwar ftehim ta' faċilitazzjoni tal-viża UE-Ċina;

64.Jinnota li r-Rapport Annwali għall-2017 dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (SAR) mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea jikkonkludi li minkejja xi sfidi, ġeneralment il-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" ħadem tajjeb, li l-istat tad-dritt huwa sovran u l-liberta tal-informazzjoni hija ġeneralment irrispettata, iżda dan ir-rapport jesprimi tħassib ukoll dwar it-tħassir gradwali tal-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi", li jwassal għal mistoqsijiet leġittimi dwar l-implimentazzjoni tiegħu u dwar il-grad għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong fit-tul; jissottolinja lir-Rapport Annwali josserva li saru aktar prominenti żewġ tendenzi negattivi rigward il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-informazzjoni, partikolarment l-awtoċensura fir-rapportar dwar l-iżviluppi ta' politika domestika u barranija u l-pressjoni fuq il-ġurnalisti; jappoġġja bis-sħiħ is-sostenn tal-UE lill-awtoritajiet tal-Hong Kong SAR u tal-Gvern Ċentrali biex terġa' tibda r-riforma elettorali bi qbil mal-Liġi Bażika u biex jintlaħaq ftehim dwar sistema elettorali li tkun demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti; jissottolinja li l-poplu ta' Hong Kong għandu d-dritt leġittimu li jkompli jafda fuq ġudikatura li hija fdata, fejn l-istat tad-dritt hu sovran u fejn hemm livelli baxxi ta' korruzzjoni, trasparenza, drittijiet tal-bniedem, libertà ta' opinjoni, u standards għoljin ta' saħħa u sikurezza pubblika; jissottolinja li r-rispett sħiħ tal-awtonomija ta' Hong Kong jista' jipprovdi mudell għal proċess ta' riformi politiċi demokratiċi profondi fiċ-Ċina u għal-liberalizzazzjoni gradwali u l-ftuħ tas-soċjetà Ċiniża;

65.Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu ħilithom biex iħeġġu lir-RPĊ biex iżżomm lura minn aktar provokazzjoni militari fil-konfront tat-Tajwan u milli tipperikola l-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan; jenfasizza li t-tilwim kollu bejn naħa u oħra tal-Istrett għandu jiġi riżolt b'mezzi paċifiċi abbażi tad-dritt internazzjonali; Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni unilaterali min-naħa taċ-Ċina biex tibda tuża rotot ġodda ta' titjiriet fuq l-Istrett ta' Taiwan; jinkoraġġixxi t-tkomplija ta' djalogi uffiċjali bejn Beijing u Tajpej; itenni l-appoġġ konsistenti tiegħu għall-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan f'organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), fejn l-esklużjoni kontinwi tat-Tajwan mhijiex konformi mal-interessi tal-UE;

66.Ifakkar li bħala l-akbar sieħba kummerċjali tal-Korea ta' Fuq u s-sors ewlieni tal-ikel u tal-enerġija, iċ-Ċina għadha qed taqdi rwol ewlieni biex flimkien mal-komunità internazzjonali, tindirizza l-provokazzjonijiet ta' theddid globali tal-Korea ta' Fuq; Jilqa' għalhekk l-inklinazzjoni reċenti murija miċ-Ċina biex tinforza uħud mis-sanzjonijiet internazzjonali kontra Pyongyang, inkluża s-sospensjoni tal-importazzjonijiet tal-faħam mill-Korea ta' Fuq u r-restrizzjoni ta' attivitajiet finanzjarji ta' individwi u negozji mill-Korea ta' Fuq kif ukoll restrizzjonijiet kummerċjali fuq it-tessuti u l-frott tal-baħar; jilqa' wkoll l-isforzi ta' Beijing biex jiġi stabbilit djalogu ma' Pyongyang; Iħeġġeġ lill-UE titkellem b'unità maċ-Ċina sabiex taqdi rwol kostruttiv biex jingħata appoġġ għas-summit inter-Korean li jmiss, kif ukoll għas-summit bejn il-Korea ta' Fuq u l-Istati Uniti, bil-għan li tassisti b'mod attiv fid-denuklearizzazzjoni verifikabbli tal-Korea ta' Fuq u fl-istabbiliment ta' paċi permanenti fuq il-peniżola Koreana;

67.Ifaħħar liċ-Ċina talli nfurzat s-sanzjonijiet kontra l-Korea ta' Fuq; jappella liċ-Ċina sabiex b'mod kostruttiv tikkontribwixxi biex tinstab soluzzjoni fil-peniżola Koreana u tkompli tapplika s-sanzjonijiet kontra l-Korea ta' Fuq sakemm din twettaq progress sinifikanti biex tirrinunzja għall-armi nukleari tagħha, tibdel ir-retorika tagħha fil-konfront tal-Korea t'Isfel u l-Ġappun u tibda tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem;

68.Jissottolinja l-importanza tal-isforzi taċ-Ċina biex tikseb il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Peniżola Koreana;

69.Jilqa' l-impenn taċ-Ċina għall-isforzi ta' żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Unjoni Afrikana; jirrimarka li l-UE għandha l-għan li ssaħħaħ l-impenn tagħha maċ-Ċina dwar il-politika barranija u l-kwistjonijiet ta' sigurtà billi tħeġġeġ liċ-Ċina timmobilizza r-riżorsi diplomatiċi tagħha u riżorsi oħra biex tappoġġja s-sigurtà internazzjonali, u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tal-UE abbażi tad-dritt internazzjonali; jinnota li l-kooperazzjoni maċ-Ċina fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni, id-diżarm, il-kwistjonijiet tan-nonproliferazzjoni u d-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana hija essenzjali biex tiġi żgurata l-istabbiltà fir-reġjun tal-Asja tal-Lvant;

70.Jilqa' l-għan taċ-Ċina li tiżviluppa f'ekonomija sostenibbli; Jenfasizza li l-UE tista' tappoġġja l-programm ta' riforma ekonomika taċ-Ċina bl-għarfien tagħha; Jissottolinja li ċ-Ċina hija sieħba ewlenija għall-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali globali; għandu l-ħsieb li jaħdem flimkien maċ-Ċina biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;

71.Jilqa' r-riformi mwettqa miċ-Ċina mit-tnedija tagħha tal-approċċ favur "ċivilizzazzjoni ekoloġika"; iqis l-istatus speċjali mogħti lill-NGOs ambjentali fil-qrati, il-verifiki tal-impatt ambjentali tal-ħidma tal-uffiċjali u l-investiment kbir fl-elettromobbiltà u fl-enerġija nadifa bħala riformi fid-direzzjoni t-tajba;

72.Jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-2016 taċ-Ċina biex tindirizza r-reżistenza antimikrobika; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni bejn iċ-Ċina, li tammonta għal nofs il-konsum dinji annwali tal-mediċina antimikrobika, u l-UE, f'li tiġi indirizzata din it-theddida globali; jinsisti li d-dispożizzjonijiet dwar il-benessri tal-annimali għandhom jiġu inklużi fi ftehimiet kummerċjali bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina;

73.Jieħu nota tad-deċiżjoni taċ-Ċina li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' skart solidu, li tenfasizza l-importanza tal-proċess tat-tfassil, il-produzzjoni, it-tiswija, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-prodotti, b'enfasi partikolari fuq il-produzzjoni u l-użu tal-plastik; ifakkar fit-tentattiv riċenti min-naħa taċ-Ċina biex tipprojbixxi l-esportazzjoni ta' elementi terrestri rari u jitlob lill-Kummissjoni tqis l-interdipendenza tal-ekonomiji globali meta tipprijoritizza l-politiki tal-UE;

74.Jemmen li jista' jkun hemm skop, interess u ħtieġa għall-UE u l-ASEAN sabiex jaħdmu flimkien sabiex jiżviluppaw strateġija b'ekonomija ċirkolari konġunta; jemmen li ċ-Ċina jista' jkollha rwol ewlieni fit-teħid 'il quddiem ta' din l-inizjattiva fl-ASEAN;

75.Jargumenta li ċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea se jibbenefikaw mill-promozzjoni tas-sostenibbiltà fl-ekonomiji tagħhom u mill-iżvilupp ta' bijoekonomija ċirkolari, sostenibbli u multisettorjali;

76.Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim biex tiżdied il-kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni f'inizjattivi ewlenin bħal dawk dwar l-ikel, l-agrikoltura u l-bijoteknoloġiji, l-ambjent u l-urbanizzazzjoni sostenibbli, it-trasport fuq l-art, l-avjazzjoni aktar sikura u aktar ekoloġika, u l-bijoteknoloġiji għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem li ntlaħaq qbil dwarhom matul it-tielet Djalogu dwar il-Kooperazzjoni fl-Innovazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina f'Ġunju2017 u l-Pjan Direzzjonali korrispondenti għall-kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika UE-Ċina ta' Ottubru2017; jistieden lill-UE u liċ-Ċina jkomplu dawn l-isforzi u jpoġġu fil-prattika r-riżultati tal-proġetti ta' riċerka u ta' żvilupp;

77.Jirrimarka li l-UE u ċ-Ċina huma dipendenti ħafna fuq il-fjuwils fossili u flimkien jammontaw għal madwar terz tat-total tal-konsum globali, li jpoġġi liċ-Ċina fuq nett fil-klassifikazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) f'dak li jirrigwardja t-tniġġis fatali tal-arja ta' barra; jenfasizza li żieda fil-kummerċ ta' prodotti tal-bijoekonomija magħmula minn materjali rinnovabbli tista' tgħin fit-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fossili tal-ekonomiji taċ-Ċina u tal-Unjoni; jitlob lill-UE u liċ-Ċina jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom f'oqsma oħra ta' mitigazzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra bħall-mobbiltà elettrika, l-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, biex ikomplu u jwessgħu l-Pjan direzzjonali dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija bejn l-UE u ċ-Ċina lil hinn mill-2020 u biex jintensifikaw l-isforzi konġunti dwar l-iżvilupp ta' strumenti għal finanzi ekoloġiċi, b'mod speċjali l-finanzjament għall-klima; jitlob liċ-Ċina u lill-UE biex jesploraw u jippromwovu l-ippjanar minn qabel u l-iżvilupp ta' linji ta' trażmissjoni tal-elettriku transkonfinali bl-użu ta' teknoloġija b'kurrent dirett b'vultaġġ għoli sabiex jagħmlu s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli aktar aċċessibbli;

78.Iħeġġeġ lill-UE u liċ-Ċina jkomplu bis-sħubija tagħhom dwar l-urbanizzazzjoni sostenibbli inkluż f'oqsma bħat-trasport nadif, it-titjib fil-kwalità tal-arja, l-ekonomija ċirkolari u l-ekodisinn; jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri ulterjuri għall-protezzjoni ambjentali, filwaqt li jitqies li aktar minn 90% tal-bliet ma jikkonformawx mal-istandard nazzjonali ta' tniġġis tal-arja ta' PM2.5, u li fiċ-Ċina, aktar minn miljun ruħ imutu kull sena minħabba mard relatat mat-tniġġis tal-arja;

79.Jissottolinja l-interess reċiproku tal-UE u ċ-Ċina fil-promozzjoni ta' żvilupp b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u fl-indirizzar tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fi swieq tal-enerġija trasparenti, pubbliċi u rregolati tajjeb; jemmen fil-valur ta' sħubijiet strateġiċi bejn l-UE u ċ-Ċina bħala neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u għal ġlieda effettiva kontra t-tibdil fil-klima; jistieden lill-UE u liċ-Ċina jużaw il-piż politiku tagħhom biex jippromwovu l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll l-Aġenda2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u jħeġġeġ approċċ kooperattiv waqt il-Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC kif ukoll il-Forum Politiku Għoli tan-NU; jistieden liż-żewġ naħat jadottaw dikjarazzjoni konġunta dwar it-tibdil fil-klima biex jintwera l-impenn komuni tagħhom għal implimentazzjoni b'saħħitha tal-Ftehim ta' Pariġi u parteċipazzjoni attiva fid-Djalogu ta' Talanoa2018 kif ukoll fil-COP24; iħeġġeġ liż-żewġ naħat jaqdu rwol responsabbli fin-negozjati internazzjonali billi jikkontribwixxu għall-għan li jiġi limitat it-tisħin globali permezz tal-politiki dwar il-klima interni rispettivi tagħhom kif ukoll billi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji jilħqu l-mira ta' USD100biljun kull sena sal-2020 għall-mitigazzjoni u l-adattament;

80.Jilqa' l-varar ta' skema nazzjonali għan-negozjar tal-emissjonijiet fiċ-Ċina f'Diċembru2017; jieħu nota tal-kooperazzjoni b'suċċess matul il-fażi ta' tħejjija bejn iċ-Ċina u l-UE li għamlet dan il-varar possibbli; jirrikonoxxi r-rieda tat-tmexxija Ċiniża li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u jistenna b'interess ir-riżultati tal-ħidma kontinwa fuq il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika, li hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema; jenfasizza l-importanza tal-azzjoni mal-ekonomija kollha dwar it-tibdil fil-klima, u jilqa' l-għan li tespandi l-kopertura tagħha biex tinkludi setturi industrijali u ttejjeb l-arranġamenti kummerċjali tas-sistema; jistieden lill-UE u liċ-Ċina jkomplu s-sħubija tagħhom fi ħdan il-proġett ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tas-suq tal-karbonju taċ-Ċina biex dan isir strument effettiv li joħloq inċentivi sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u biex jallinja ruħu aktar mas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; jistieden liż-żewġ naħat ikomplu jippromwovu mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju f'pajjiżi u reġjuni oħrajn billi jużaw l-esperjenzi proprji u l-għarfien espert tagħhom u billi jiskambjaw l-aħjar prattika kif ukoll billi jinvolvu ruħhom fi sforzi għall-bini ta' kooperazzjoni bejn swieq tal-karbonju eżistenti sabiex jaħdmu lejn kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali;

81.Jittama li ċ-Ċina se tirfed it-tkabbir ekonomiku mid-degradazzjoni ekoloġika, billi tinkorpora l-protezzjoni tal-bijodiversità fl-istrateġiji globali tagħha li għaddejjin bħalissa, tiffaċilita l-kisba tal-Aġenda2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-SDGs, u timplimenta l-projbizzjoni tal-kummerċ fl-avorju b'mod effikaċi; jirrikonoxxi l-ħidma li saret mill-Mekkaniżmu ta' Koordinazzjoni Bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina (BCM) dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti u l-Governanza (FLEG) biex jiġi miġġieled globalment il-qtugħ illegali tas-siġar; iħeġġeġ liċ-Ċina, madankollu, tinvestiga l-kummerċ sinifikanti mhux dokumentat fl-injam bejn l-Istati firmatarji tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja FLEGT u ċ-Ċina;

82.Jirrakkomanda l-adozzjoni ta' linji gwida ta' politika Ċiniżi obbligatorji dwar investimenti responsabbli tal-forestrija barranin li għandhom jiġu implimentati b'mod konġunt mal-pajjiżi fornituri, bl-involviment ta' kumpaniji Ċiniżi fl-indirizzar tal-kummerċ illegali tal-injam.

83.Jilqa' l-fatt li ċ-Ċina u l-UE ffirmaw Memorandum ta' Qbil (MtQ) fuq il-politika dwar l-ilma, bil-għan li jsaħħu d-djalogu dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma; jappoġġja bil-qawwa d-Dikjarazzjoni ta' Turku ta' Settembru2017 iffirmata mill-UE u miċ-Ċina, li enfasizzat li l-governanza tajba tal-ilma għandha tagħti prijorità lill-ekoloġija u lill-iżvilupp ekoloġiku, tpoġġi l-konservazzjoni tal-ilma f'pożizzjoni prominenti, u tirrestawra l-ekosistemi tal-ilma; u jissottolinja li l-MtQ dwar l-istabbiliment ta' Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-Politika dwar l-Ilma mhux biss jarrikkixxi l-kontenut ta' sħubija strateġika bejn iċ-Ċina u l-UE, iżda jispeċifika wkoll id-direzzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni, il-metodoloġija u l-arranġamenti finanzjarji għall-kooperazzjoni;

84.Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-proġett ta' kooperazzjoni ffinanzjat mill-Kummissjoni bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej u Ċiniżi, implimentat fl-2014-2017 taħt l-awspiċi tal-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (INSC), fil-valutazzjoni tal-istandards u tal-arranġamenti tal-ġestjoni ta' emerġenza radjoloġika u nukleari fiċ-Ċina u fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istitut ta' Riċerka dwar it-Teknoloġija tal-Enerġija Nukleari Ċiniż fl-oqsma ta' linji gwida għall-ġestjoni f'każ ta' inċidenti serji;

85.Iħeġġeġ lill-investituri Ċiniżi u Ewropej jadottaw standards globali aħjar ta' responsabbiltà soċjali u ambjentali u sabiex itejbu l-istandards ta' sikurezza tal-industriji tagħhom ta' estrazzjoni madwar id-dinja; itenni li, fir-rigward tan-negozjati dwar Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment (CAI) maċ-Ċina, l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tappoġġja inizjattivi ta' żvilupp sostenibbli billi tinkoraġġixxi l-investiment responsabbli u tippromwovi standards ambjentali u tax-xogħol fundamentali; jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi u Ewropej joħolqu inċentivi li jinkoraġġixxu lill-kumpaniji tal-estrazzjoni Ċiniżi u Ewropej iwettqu l-attivitajiet tagħhom f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u sabiex jinkoraġġixxu l-investiment fil-bini tal-kapaċità għal trasferiment ta' għarfien, it-trasferiment tat-teknoloġija u tar-reklutaġġ lokali;

86.Jilqa' t-tħabbira min-naħa taċ-Ċina fil-kuntest tal-One Planet Summit f'Diċembru2017 li kienet se tagħmel aktar trasparenti l-impatti ambjentali tal-kumpaniji fiċ-Ċina u tal-investimenti Ċiniżi barra mill-pajjiż; jinsab imħasseb dwar il-fatt li proġetti ta' infrastruttura bħall-Inizjattiva "One Belt One Road (OBOR)" miċ-Ċina jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-ambjent u l-klima, u jistgħu jwasslu għal użu akbar ta' fjuwils fossili f'pajjiżi oħra involuti jew milquta mill-iżvilupp tal-infrastruttura; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u jinkludu klawżoli ta' sostenibbiltà f'kull proġett ta' kooperazzjoni fi ħdan il-qafas OBOR; jinsisti fuq it-twaqqif ta' kumitat konġunt, magħmul minn rappreżentanti tal-pajjiżi involuti u tal-partijiet terzi, biex jissorvelja l-impatt fuq l-ambjent u l-klima; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni u tas-SEAE biex ifasslu strateġija ta' konnettività UE-Asja fl-ewwel nofs tal-2018; jinsisti li din l-istrateġija għandha tinkludi impenji qawwija favur is-sostenibbiltà, il-protezzjoni ambjentali u l-azzjoni dwar il-klima;

87.Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress taċ-Ċina fit-titjib tal-istandards tas-sikurezza tal-ikel, li huwa element ewlieni għall-protezzjoni tal-konsumaturi Ċiniżi u l-prevenzjoni tal-frodi alimentari; jenfasizza li t-titjib fl-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi huwa pass importanti fiż-żieda ta' kultura tal-konsumatur fiċ-Ċina;

88.Iħeġġeġ lill-pulizija u lis-servizzi tal-infurzar tal-liġi Ċiniżi u Ewropej jieħdu azzjoni komuni biex tiġi jikkontrollaw l-esportazzjoni ta' drogi illegali u sabiex jikkondividu l-intelligence dwar it-traffikar tad-droga permezz tal-iskambju ta' informazzjoni sabiex jiġu identifikati individwi u netwerks kriminali; jinnota li, skont l-istudju intitolat "European Drug Report2017: Trends and Developments" (Rapport Ewropew dwar id-Droga – Xejriet u Żviluppi) ippubblikat miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), ħafna mill-provvista ta' sustanzi psikoattivi ġodda għall-Ewropa toriġina miċ-Ċina, flimkien ma' sustanzi ġodda jiġu prodotti fi kwantità minn kumpaniji kimiċi u farmaċewtiċi fiċ-Ċina, minn fejn jintbagħtu lejn l-Ewropa, fejn jiġu pproċessati fi prodotti, ippakkjati u jinbigħu;

89.Jirrikonoxxi li l-familji u l-individwi emigraw b'reazzjoni għan-nixfa u diżastri naturali oħrajn, u li, bħala rispons, l-awtoritajiet Ċiniżi ppjanaw proġetti ta' rilokazzjoni fuq skala kbira; jinsab imħasseb dwar rapporti mir-reġjun ta' Ningxia li jindikaw bosta problemi fil-bliet il-ġodda, u rappreżalji kontra n-nies li rrifjutaw li jiċċaqilqu; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li d-difensuri ambjentali qed jiġu detenuti, jiġu soġġetti għal proċeduri kriminali u jiġu kkundannati, u li l-NGOs ambjentali domestiċi rreġistrati qed jiffaċċjaw skrutinju akbar mill-awtoritajiet superviżorji Ċiniżi;

90.Jitlob liċ-Ċina testendi aktar l-isforzi tagħha tal-infurzar tal-liġi biex twaqqaf is-sajd illegali, peress li d-dgħajjes tas-sajd Ċiniżi qed ikomplu jistadu illegalment f'ilmijiet barranin inkluż fil-Baħar tal-Punent tal-Korea, fil-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina, fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina, fl-Oċean Indjan, u anke fl-Amerika t'Isfel;

91.Jitlob lill-esportaturi Ċiniżi u lill-importaturi Ewropej inaqqsu r-residwi tossiċi fi ħwejjeġ immanifatturati ċ-Ċina billi jiġu stabbiliti regolamenti ta' ġestjoni kimika adegwati u billi jiġi eliminat gradwalment l-użu taċ-ċomb, tal-etossilati tan-nonilfenol (NPEs), tal-ftalati, tas-sustanzi kimiċi perfluworurati (PFCs), tal-formaldeid u ta' prodotti tossiċi oħrajn misjuba fit-tessuti.

92.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi applikanti u dawk kandidati għas-sħubija, lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż, lill-Gvern Tajwaniż u lill-Yuan Leġiżlattiv Tajwaniż.

(1) ĠU L250, 19.9.1985, p.2.
(2) ĠU L6, 11.1.2000, p.40.
(3) https://www.iom.int/migration-and-climate-change
(4) ĠU C239 E, 20.8.2013, p.1.
(5) ĠU C264 E, 13.9.2013, p.33.
(6) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 123.
(7) ĠUC93, 24.3.2017, p.93.
(8) ĠU C 443, 22.12.2017, p. 83.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0024.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0493.
(11) ĠU C305 E, 14.12.2006, p.219.
(12) ĠU C67 E, 18.3.2010, p.132.
(13) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 126.
(14) ĠU C 181, 19.5.2016, p. 45.
(15) ĠU C 181, 19.5.2016, p. 52.
(16) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 92.
(17) Testi adottati, P8_TA(2017)0495.
(18) ĠU C131 E, 8.5.2013, p.121.
(19) ĠU C332 E, 15.11.2013, p.69.
(20) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 208.
(21) Testi adottati, P8_TA(2016)0505.
(22) Testi adottati, P8_TA(2017)0089.
(23) Testi adottati, P8_TA(2017)0308.
(24) Testi adottati, P8_TA(2018)0014.
(25) ĠU C288 E, 25.11.2006, p.59.
(26) Y. Zhen, J. Pan, X. Zhang, "Relocation as a policy response to climate change vulnerability in Northern China" (Ir-rilokazzjoni bħala rispons politiku għall-vulnerabbiltà tat-tibdil fil-klima fit-Tramuntana taċ-Ċina), ISSC u UNESCO2013, World Social Science Report2013, Changing Global Environments (Rapport tax-Xjenza Soċjali tad-Dinja2013, Nibdlu l-Ambjenti Globali), pp.234-241.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2019Avviż legali-Politika tal-privatezza