Ϸվ

Ի徱ċ
ʰċԳپ
Li jmiss
Test sħiħ
Proċedura :
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0045/2019

Testi mressqa :

B9-0045/2019

Dibattiti :

PV18/09/2019-19
CRE18/09/2019-19

Votazzjonijiet :

PV19/09/2019-7.6
CRE19/09/2019-7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0022

Testi adottati
PDF132kWORD54k
Il-Ħamis, 19 ta' Settembru 2019-Strasburgu
L-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus
P9_TA(2019)0022B9-0045/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus ()

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra d-Direttiva (UE)2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20ta'Mejju2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva2005/60/KE(1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni2006/70/KE (ir-Raba'Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus)(2), u kif emendata mid-Direttiva (UE)2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30ta'Mejju2018 li temenda d-Direttiva (UE)2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi2009/138/KE u 2013/36/UE (il-ĦamesDirettiva kontra l-Ħasil tal-Flus)(3),

–wara li kkunsidra d-Direttiva (UE)2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20ta'Ġunju2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta' informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill2000/642/ĠAI(4), id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23ta'Ottubru2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali(5) u r-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23ta'Ottubru2018 dwar kontrolli fir-rigward ta' flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru1889/2005(6),

–wara li kkunsidra l-Pakkett dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-Flus tal-Kummissjoni, adottat fl-24ta'Lulju2019, li jikkonsisti f'komunikazzjoni politika bl-isem "Fit-Triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu" (), ir-rapport dwar l-evalwazzjoni ta' każijiet reċenti allegati ta' ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE ("post-mortem") (), ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transfruntiera (ir-Rapport ta' Valutazzjoni tar-Riskju Sovranazzjonali) () u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjah (SWD(2019)0650), u r-rapport dwar l-interkonnessjoni ta' mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali (reġistri ċentrali jew sistemi ċentrali għall-irkupru ta' data elettronika) tal-Istati Membri dwar kontijiet bankarji (),

–wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar komunikazzjonijiet lil entitajiet taħt superviżjoni rigward ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu f'superviżjoni prudenzjali, ippubblikata fl-24ta'Lulju2019,

–wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni "Lejn metodoloġija ġdida għall-valutazzjoni min-naħa tal-UE ta' Pajjiżi Terzi b'Riskju Kbir skont id-Direttiva (UE)2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu",

–wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22ta'Ġunju2018 dwar il-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir taħt id-Direttiva (UE) 2015/849 (SWD(2018)0362),

–wara li kkunsidra l-erba' Regolamenti Delegati adottati mill-Kummissjoni – (UE) 2016/1675, (UE) 2018/105, (UE) 2018/212 u (UE) 2018/1467 – li jissupplementaw id-Direttiva (UE)2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifikaw pajjiżi terzi b'riskju kbir b'defiċjenzi strateġiċi,

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14ta'Marzu2019 dwar l-urġenza għal lista sewda tal-UE tal-pajjiżi terzi konformi mad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus(7);

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26ta'Marzu2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tax-taxxa(8),

–wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet tal-5ta'Settembru2019 fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji mal-Awtorità Bankarja Ewropea,

–wara li kkunsidra l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.billi l-qafas tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CTF) issaħħaħ progressivament permezz tal-adozzjoni tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus f'Mejju2015 u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus f'April2018 u d-dati rispettivi tagħhom ta' traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri sa Ġunju2017 u Jannar2020, u permezz ta' leġiżlazzjoni u azzjonijiet oħra ta' akkumpanjament;

B.billi, skont l-Europol, sa 0.7-1.28% tal-PDG tal-Unjoni "jiġi identifikat bħala involut f'attività finanzjarja suspettuża"(9) bħall-ħasil tal-flus konness mal-korruzzjoni, it-traffikar tal-armi, it-traffikar ta' bnedmin, it-traffikar ta' drogi, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi, il-finanzjament tat-terroriżmu jew attivitajiet illeċiti oħra li jaffettwaw liċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;

C.billi skont l-Artikolu9 tar-Raba'Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir, filwaqt li tqis id-defiċjenzi strateġiċi f'diversi oqsma; billi l-Parlament jappoġġja l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta' metodoloġija ġdida li ma tiddependix biss fuq sorsi esterni ta' informazzjoni biex jiġu identifikati pajjiżi terzi b'riskju kbir b'defiċjenzi strateġiċi fir-rigward tal-AML u s-CTF, li jirrappreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE u li għalihom huma meħtieġa miżuri msaħħa ta' diliġenza dovuta tal-klijenti f'entitajiet tal-UE marbutin b'obbligu skont ir-Raba' u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;

D.billi t-TieletDirettiva kontra l-Ħasil tal-Flus, li kellha effett mill-15ta'Diċembru2007, tħassret bl-adozzjoni tar-ir-Raba'Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus; billi l-implimentazzjoni ta' diversi dispożizzjonijiet tat-TieletDirettiva kontra l-Ħasil tal-Flus, inklużi s-setgħa u l-persunal adegwati tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ma ġietx ivverifikata b'mod xieraq fil-passat u għandha titqies bħala prijorità għal kontrolli kontinwi ta' kompletezza u korrettezza u proċeduri ta' ksur imwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Raba'Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;

E.billi l-Kunsill u l-Parlament irrifjutaw tlietregolamenti delegati emendatorji proposti(10) fuq il-bażi li jew il-proposti ma kinux stabbiliti fi proċess trasparenti u reżiljenti li b'mod attiv jinċentiva lill-pajjiżi affettwati biex jieħdu azzjoni deċiżiva filwaqt li jiġi rispettat ukoll id-dritt tagħhom li jinstemgħu, jew li l-proċess tal-Kummissjoni għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju għoli ma kienx awtonomu biżżejjed;

F.billi fit-13ta'Frar2019 il-Kummissjoni adottat lista ġdida ta' 23pajjiż terz b'defiċjenzi strateġiċi fl-oqfsa finanzjarji tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu taħt il-metodoloġija l-ġdida, jiġifieri l-Afganistan, is-Samoa Amerikana, il-Bahamas, il-Botswana, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, l-Etjopja, il-Ghana, il-Guam, l-Iran, l-Iraq, il-Libja, in-Niġerja, il-Pakistan, il-Panama, Puerto Rico, is-Samoa, l-Arabja Sawdija, is-Sri Lanka, is-Sirja, it-Trinidad u Tobago, it-Tuneżija, il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti u l-Jemen; billi fis-7ta'Marzu2019 il-Kunsill irrifjuta l-att delegat fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni;

G.billi l-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur kontra l-maġġoranza tal-Istati Membri talli naqsu milli jittrasponu b'mod xieraq ir-Raba'Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fil-liġi nazzjonali;

H.billi fl-24ta'Lulju2019 il-Kummissjoni adottat pakkett AML, filwaqt li infurmat lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-kisbiet aġġornati u n-nuqqasijiet li kien għad fadal fil-qafas AML/CTF tal-Unjoni, u b'hekk wittiet it-triq għal aktar titjib fl-infurzar u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u għal riformi leġiżlattivi u istituzzjonali possibbli fil-futur;

I.billi matul l-iskambju ta' fehmiet li sar mal-Kummissjoni u mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fil-5ta' Settembru2019, il-President tal-EBA, JoséManuelCampa, iddikjara li l-EBA ma kinitx superviżur fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, iżda pjuttost awtorità b'mandat biex tipprovdi linji gwida biex tippromwovi l-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni, kif ukoll biex tevalwa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni AML; billi huwa ssottolinja wkoll li r-responsabbiltà ċentrali għall-implimentazzjoni kienet tinsab f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali;

J.billi, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24ta'Lulju2019 bl-isem "Fit-triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu", tista' tingħata kunsiderazzjoni għal aktar armonizzazzjoni tar-regoli rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, pereżempju billi d-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tinbidel f'Regolament, li joffri l-potenzjal li jiġi stabbilit qafas regolatorju tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus applikabbli direttament;

K.billi, skont il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq, il-valutazzjonijiet juru ħtieġa għal mekkaniżmu aktar b'saħħtu il-kooperazzjoni u l-analiżi transfruntiera mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja jiġu kkoordinati u appoġġjati.

1.Huwa mħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-Raba'Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus minn numru kbir ħafna ta' Stati Membri; jilqa', għalhekk, il-ftuħ ta' proċeduri ta' ksur mill-Kummissjoni kontra l-Istati Membri abbażi ta' dak li rriżultalha mill-kontrolli tal-kompletezza; jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza kemm jista' jkun malajr kontrolli għal korrettezza bir-reqqa u tiftaħ proċeduri ta' ksur meta jkun meħtieġ; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx b'mod xieraq ir-Raba'Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom malajr kemm jista' jkun;

2.Jinsab imħasseb li l-iskadenza tat-traspożizzjoni għall-ĦamesDirettiva kontra l-Ħasil tal-Flus tal-10ta' Jannar2020, u l-iskadenzi rispettivi tal-10 ta' Jannar 2020 għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja għal entitajiet korporattivi u ġuridiċi oħrajn u l-10ta'Marzu2020 għal trusts u arranġamenti legali simili, mhux se jiġu rrispettati mill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex iħaffu l-proċess ta' traspożizzjoni;

3.Japprezza r-rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Ksur tad-Dritt tal-Unjoni tal-EBA, kif indirizzata matul l-iskambju ta' fehmiet mal-President tal-EBA JoséManuelCampa, li sar fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fil-5ta' Settembru2019, dwar il-każ tal-ħasil tal-flus tad-DanskeBank, li sal-lum huwa l-akbar każ magħruf ta' dan it-tip fl-UE, li kien jinvolvi tranżazzjonijiet suspettużi li jiswew 'ilfuq minn EUR200biljun; jiddispjaċih li s-superviżuri tal-Istati Membri bħala l-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri tal-EBA, irrifjutaw proposta għal rakkomandazzjoni dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tibqa' ssegwi l-każ u tagħti bidu għal proċedura ta' ksur jekk ikun iġġustifikat;

4.Huwa estremament imħasseb dwar il-frammentazzjoni regolatorja u superviżorja fil-qasam AML/CTF, li mhuwiex addattat għall-attività transfruntiera dejjem tikber fl-Unjoni u s-superviżjoni prudenzjali fl-Unjoni Bankarja u setturi oħra mhux bankarji;

5.Jenfasizza li l-qafas kurrenti AML/CTF tal-UE jbati minn nuqqasijiet fl-infurzar tar-regoli tal-UE flimkien ma' nuqqas ta' superviżjoni effiċjenti; jenfasizza li ġie ssottolinjat ripetutament li l-leġiżlazzjoni bi "standards minimi" dwar l-AML/CTF tista' tkun ta' riskju għal superviżjoni effettiva, skambju mingħajr xkiel ta' informazzjoni u koordinazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, fil-kuntest ta' valutazzjoni tal-impatt meħtieġa għal kwalunkwe reviżjoni futura tal-leġiżlazzjoni AML, jekk regolament ikunx att ġuridiku aktar xieraq minn direttiva;

6.Jindika l-ħtieġa għal kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet amministrattivi ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fi ħdan l-UE, u b'mod partikolari l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIU) tal-Istati Membri, kif enfasizzat fir-rapport tal-Kummissjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex, fil-futur qrib, twettaq valutazzjoni tal-impatt biex tevalwa l-possibbiltà u l-adegwatezza tal-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u ta' appoġġ; iqis li għandu jingħata impetu akbar għall-inizjattivi li jistgħu jinfurzaw azzjonijiet AML/CTF fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali;

7.Jinnota l-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-rapport post-mortem tagħha tal-24ta'Lulju2019, li kompiti speċifiċi ta' sorveljanza tal-ħasil tal-flus jistgħu jingħataw lil korp tal-Unjoni;

8.Iqis li sabiex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir, il-proċess ta' skrinjar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet m'għandux jiġi affettwat minn kunsiderazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-qasam tad-defiċjenzi AML/CTF; jissottolinja li l-lobbjar u l-pressjoni diplomatika ma għandhomx jimminaw il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE li jindirizzaw il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu b'mod li huwa marbut mal-UE b'manjiera effettiva u awtonoma; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta l-possibbiltà li tiġi stabbilita "lista griża" ta' pajjiżi terzi potenzjalment b'riskju kbir fuq bażi analoga għall-approċċ tal-Unjoni fl-elenkar ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal skopijiet ta' taxxa; jesprimi t-tħassib tiegħu li t-tul tal-perjodu ta' tnax-il xahar li jwassal għall-valutazzjoni finali fl-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'defiċjenzi strateġiċi jista' jirriżulta f'dewmien żejjed għal azzjoni AML/CTF effettiva;

9.Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura proċess trasparenti b'parametri referenzjarji ċari u konkreti għall-pajjiżi li jimpenjaw ruħhom li jwettqu riformi sabiex jevitaw li jiġu inklużi fil-lista; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippubblika l-valutazzjonijiet inizjali u finali tagħha tal-pajjiżi elenkati, kif ukoll il-parametri referenzjarji applikati sabiex tiżgura skrutinju pubbliku b'tali mod li ma jkunux jistgħu jiġu abbużati;

10.Jitlob li aktar riżorsi finanzjarji u umani jiġu allokati għall-unità rilevanti tad-Direttorat Ġenerali kompetenti, u jilqa' ż-żieda fir-riżorsi dedikati għall-EBA;

11.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Id-Direttiva2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26ta'Ottubru2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (it-TieletDirettiva kontra l-Ħasil tal-Flus), (ĠU L309, 25.11.2005, p.15).
(2) ĠU L141, 5.6.2015, p.73.
(3) ĠU L156, 19.6.2018, p.43.
(4) ĠU L186, 11.7.2019, p.122.
(5) ĠU L284, 12.11.2018, p.22.
(6) ĠU L284, 12.11.2018, p.6.
(7) Test adottati, P8_TA(2019)0216.
(8) Testi adottati, P8_TA(2019)0240.
(9) Ir-rapport tal-Grupp tal-Intelligence Finanzjarja tal-Europol "From suspicion to action" (2017).
(10) C(2019)1326, C(2016)7495 u C(2017)1951.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Jannar 2020Avviż legali-Politika tal-privatezza