Ϸվ

Ի徱ċ
ʰċԳپ
Li jmiss
Test sħiħ
Proċedura :
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0052/2019

Testi mressqa :

A9-0052/2019

Dibattiti :

PV14/01/2020-10
CRE14/01/2020-10

Votazzjonijiet :

PV15/01/2020-10.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2020)0009

Testi adottati
PDF230kWORD70k
L-Erbgħa, 15 ta' Jannar 2020-Strasburgu
Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni
P9_TA(2020)0009A9-0052/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni – rapport annwali ()

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(TFUE),

–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20ta'Diċembru2013, tas-26ta'Ġunju2015, tal-15ta'Diċembru2016, tat-22ta'Ġunju2017, tat-28ta'Ġunju2018, tal-14ta'Diċembru2018 u tal-20ta'Ġunju2019,

–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-25ta'Novembru2013, tat-18ta'Novembru2014, tat-18ta'Mejju2015, tas-27ta'Ġunju2016, tal-14ta'Novembru2016, tat-18ta'Mejju2017, tas-17ta'Lulju2017, tal-25ta'Ġunju2018 u tas-17ta'Ġunju2019,

–wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28ta'Ġunju2016,

–wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tat-8ta'Lulju2016 u tal-10ta'Lulju2018 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO,

–wara li kkunsidra s-sett komuni ta' 42proposta approvat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana fis-6ta'Diċembru2016 u r-rapporti ta' progress tal-14ta'Ġunju u tal-5ta'Diċembru2017 dwar l-implimentazzjoni tagħhom, u s-sett il-ġdid ta' 32proposta approvat miż-żewġ Kunsilli fil-5ta'Diċembru2017,

–wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea tas-7ta'Ġunju2017 (),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12ta'Settembru2013 dwar l-istrutturi militari tal-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri(1),

–wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Att Finali ta' Helsinki tal-1ta'Awwissu1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12ta'Settembru2017 dwar Strateġija Spazjali għall-Ewropa(2),

–wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tiegħu tal-15ta'Novembru2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru2017(3),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22ta'Novembru2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża(4),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16ta'Marzu2017 dwar l-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona(5),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5ta'Lulju2017 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit2018(6),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11ta'Diċembru2018 dwar il-mobbiltà militari(7),

–wara li kkunsidra r-Regolament (UE)2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18ta'Lulju2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġja l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni(8),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-18ta'April2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża(9),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23ta'Novembru2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni)(10), tat-13ta'Diċembru2017 dwar ir-Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(11) u tat-12ta'Diċembru2018 dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(12),

–wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu "Implementation Plan on Security and Defence" (Pjan ta' Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża) ippreżentat mill-VP/RGħ fl-14ta'Novembru2016,

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13ta'Ġunju2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO(13),

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30ta'Novembru2016 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (),

–wara li kkunsidra l-pakkett tad-difiża l-ġdid ippreżentat mill-Kummissjoni fis-7ta'Ġunju2017 fl-istqarrija għall-istampa bit-titlu "Ewropa li tiddefendi: Il-Kummissjoni tiftaħ dibattitu dwar il-mixja lejn unjoni tas-sigurtà u d-difiża",

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14ta'Diċembru2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(14), tat-13ta'Diċembru2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(15) u tat-12ta'Diċembru2018 dwar ir-Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(16),

–wara li kkunsidra l-invażjoni u l-annessjoni illegali tal-Krimea min-naħa tar-Russja,

–wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Forzi Nukleari fuq Distanza Medja (TrattatINF), il-ksur ripetut tiegħu min-naħa tar-Russja, inkluż l-iżvilupp u l-istazzjonar ta' sistemi ta' missili tal-kruċiera9M729 illanċati mill-art, u l-irtirar tal-Istati Uniti u tar-Russja mit-Trattat,

–wara li kkunsidra l-ksur tal-ispazju tal-ajru u tal-fruntieri marittimi tal-Istati Membri min-naħa tar-Russja,

–wara li kkunsidra ż-żieda fil-preżenza ekonomika u militari taċ-Ċina fil-pajjiżi Mediterranji u Afrikani,

–wara li kkunsidra t-theddida tat-terroriżmu intern u barrani, b'mod partikolari min-naħa ta' gruppi bħall-ISIS u al-Qaeda,

–wara li kkunsidra t-teknoloġiji l-ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, il-kapaċitajiet spazjali u l-informatika kwantistika, li joffru opportunitajiet ġodda għall-umanità, iżda joħolqu wkoll sfidi ġodda fl-ambitu tal-politika estera u ta' difiża li għalihom hemm bżonn strateġija ċara u kunsens bejn l-alleati,

–wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), tal-24ta'Ġunju2014, fil-KawżaC-658/11, Il-Parlament Ewropew, sostnut mill-Kummissjoni Ewropea, vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea(17),

–wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Mobbiltà Militari ppubblikat fit-28ta'Marzu2018,

–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ tas-Sħubija Strateġika NU-UE dwar l-Operazzjonijiet ta' Paċi u l-Ġestjoni ta' Kriżijiet: Prijoritajiet2019-2021, adottati fit-18ta'Settembru2018,

–wara li kkunsidra l-Artikolu54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0052/2019),

Kuntest ta' sigurtà inċert u imprevedibbli fit-tul

1.Jieħu nota tad-deterjorament kostanti tal-ambjent tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, li quddiemu għandu diversi sfidi li jaffettwaw, direttament jew indirettament, is-sigurtà tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tagħha: kunflitt armati u stati fraġli fuq il-kontinent Ewropew u fil-viċinanzi tiegħu li jikkaġunaw spostamenti tal-popolazzjoni bil-massa u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem iffaċilitati minn xbieki transnazzjonali tal-kriminalità organizzata, terroriżmu ġiħadista, attakki ċibernetiċi, theddid ibridu, armi kontra l-pajjiżi Ewropej, sforzi ta' diżarm u reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-armi dejjem aktar dgħajfa, żieda fit-theddid għar-riżorsi naturali, insigurtà enerġetika u tibdil fil-klima;

2.Iqis li l-instabbiltà u l-imprevedibbiltà fil-fruntieri tal-Unjoni u fil-viċinat immedjat tagħha (l-Afrika ta' Fuq, il-Lvant Nofsani, il-Kawkasu, il-Balkani, il-Mediterran tal-Lvant, l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-Georgia, eċċ.), kif ukoll fil-viċinat estiż tagħha (is-Saħel, il-Qarn tal-Afrika, eċċ.), jirrappreżentaw theddida diretta u indiretta għas-sigurtà tal-kontinent; jenfasizza r-rabta indissolubbli bejn is-sigurtà interna u dik esterna; jirrikonoxxi li involviment attiv fil-viċinat hu fl-interessi tal-Unjoni Ewropea;

3.Josserva li ċerti atturi globali (l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja) iżda wkoll għadd dejjem jikber ta' atturi reġjonali (it-Turkija, l-Iran, l-Arabja Sawdija, eċċ.) qed jadottaw approċċi ta' affermazzjoni tal-poter li jikkombinaw pożizzjonijiet diplomatiċi unilaterali, bdil tal-alleanzi, destabbilizzazzjoni tal-attivitajiet ta' natura prinċipalment ibrida u tisħiħ tal-kapaċitajiet militari;

4.Jissottolinja l-importanza ġeopolitika dejjem akbar tal-Artiku u l-effetti tiegħu fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-UE u f'livell globali; iħeġġeġ lill-UE taħdem għal politika interna u esterna aktar koerenti, strateġija għall-Artiku u pjan ta' azzjoni konkret dwar l-impenn tal-UE fl-Artiku, filwaqt li tqis ukoll l-aspetti ġeostrateġiċi u tas-sigurtà; josserva l-kapaċità tal-UE li tikkontribwixxi biex jissolvew l-isfidi ġeostrateġiċi u fil-qasam tas-sigurtà potenzjali;

5.Jesprimi tħassib kbir għall-imġiba ġeneralment destabbilizzanti tar-Turkija, inklużi l-attivitajiet illegali tagħha fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE)/fil-blata kontinentali ta' Ċipru, li tikser id-dritt internazzjonali u r-relazzjonijiet ta' bonviċinat u thedded il-paċi u l-istabbiltà f'reġjun diġà fraġli;

6.Jiddeplora li, f'dan il-kuntest, uħud minn dawn l-atturi qegħdin jevitaw deliberatament jew qegħdin jippruvaw jeqirdu l-mekkaniżmi multilaterali, il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt internazzjonali indispensabbli għaż-żamma tal-paċi; josserva li jafu jsiru theddida diretta għas-sigurtà tal-UE u jipperikolaw ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi sħab;

7.Jisħaq fuq l-importanza tan-negozjati multilaterali bejn l-UE u l-partijiet kkonċernati, bil-għan li tiġi indirizzata t-theddida tal-proliferazzjoni nukleari; iħeġġeġ li jiġu rispettati t-trattati nukleari; iħeġġeġ, barra minn hekk, li jingħata sostenn lill-konklużjoni ta' trattat ġdid li jieħu post it-TrattatINF u jġedded it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) fl-2020;

8.Jisħaq fuq il-fatt li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet sostanzjali mal-Asja tal-Lvant u tax-Xlokk huwa fundamentali għal strateġija tal-UE fil-qasam tal-konnettività bbażata fuq ir-regoli, komprensiva u sostenibbli; jieħu nota tat-tqawwija tal-forzi militari fir-reġjun u jistieden lill-partijiet kollha involuti jirrispettaw il-libertà ta' navigazzjoni, jirriżolvu d-differenzi bil-mezzi paċifiċi u jastjenu milli jieħdu azzjonijiet unilaterali biex ibiddlu l-istatus quo, anki fil-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant, fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fl-Istrett tat-Tajwan; jinsab mħasseb minħabba l-fatt li l-indħil barrani minn reġimi awtokratiċi fil-kuntest tal-elezzjonijiet ġenerali li jmiss, permezz ta' azzjonijiet ta' diżinformazzjoni u attakki ċibernetiċi, jheddu d-demokraziji Asjatiċi u l-istabbiltà tar-reġjun; itenni s-sostenn tiegħu għall-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan fl-organizzazzjonijiet, fil-mekkaniżmi u fl-attivitajiet internazzjonali;

9.Jinsab imħasseb bl-attivitajiet u bil-politiki tar-Russja li jkomplu jiddestabbilizzaw u jibdlu l-kundizzjoni tas-sigurtà; jenfasizza li l-okkupazzjoni tar-Russja fl-Ukrajna tal-Lvant qiegħda tkompli, u li l-ftehimiet ta' Minsk ma ġewx implimentati u li l-annessjoni illegali u l-militarizzazzjoni tal-Krimea u tad-Donbass għadhom għaddejjin; jinsab imħasseb bil-kunflitti ffriżati attwali li r-Russja żżomm fl-Ewropa (fil-Moldova u fil-Georgia); jisħaq fuq il-bżonn li nitkellmu b'vuċi waħda dwar il-politika tal-UE f'dan il-kuntest;

10.Għadu jikkundanna l-intervent militari tar-Russja u l-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea; jesprimi s-sostenn tiegħu għall-indipendenza, għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-Ukrajna;

11.Ifakkar fl-importanza li tiġi żgurata l-koerenza tal-politika tal-UE fir-rigward ta' sitwazzjonijiet ta' okkupazzjoni jew annessjoni ta' territorji;

12.Josserva li l-Unjoni damet biex irreaġixxiet u biex adattat ruħha – politikament, diplomatikament u militarment – għall-kriżijiet il-ġodda u għal dan il-kuntest internazzjonali l-ġdid; iqis li, fil-qasam speċifiku tad-difiża, l-investimenti insuffiċjenti, in-nuqqas ta' kapaċitajiet u n-nuqqas ta' interoperabbiltà, iżda wkoll u fuq kollox riluttanza politika biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet sodi previsti mit-trattati Ewropej u bosta forom ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jostakolaw il-kapaċità tal-UE li tiżvolġi rwol deċiżiv fil-kriżijiet esterni u li twettaq il-potenzjal tagħha b'mod sħiħ; jirrikonoxxi u jissottolinja wkoll li l-ebda pajjiż jista' jindirizza waħdu l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà fil-kontinent Ewropew u fl-ambjent immedjat tiegħu; jitlob lill-Kunsill Ewropew jirrikorri għall-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fi ħdan il-Kunsill fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) bħala prijorità politika jekk it-TUE jippermettiha; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċ integrat effikaċi għall-kriżijiet u għall-kunflitti, li jikkombinaw il-mezzi ċivili u militari bl-aħjar mod possibbli u bl-aktar mod ibbilanċjat; jemmen li l-kapaċità tal-Unjoni li tirreaġixxi b'mod adegwat għall-kriżijiet u għall-kunflitti emerġenti tiddependi wkoll mill-veloċità tal-proċess deċiżjonali; josserva li miżuri restrittivi mmirati jistgħu jkunu strumenti effikaċi, iżda jenfasizza li ma għandhomx jolqtu lill-persuni innoċenti u għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK);

13.Jilqa' favorevolment ir-rikonoxximent ta' interessi kondiviżi fil-qasam tas-sigurtà u tar-rieda politika dejjem akbar, min-naħa tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi Ewropej l-oħra u tal-istituzzjonijiet Ewropej, li jaġixxu kollettivament għas-sigurtà tagħhom b'aktar mezzi ta' azzjoni u b'mod aktar preventiv, rapidu, effikaċi u awtonomu; josserva li bis-saħħa ta' approċċ kollettiv biss tista' l-UE ssir aktar b'saħħitha u tkun tista' tieħu aktar responsabbiltà fir-rigward tas-sigurtà u tad-difiża tagħha;

14.Jenfasizza li l-pajjiżi, ilkoll flimkien, jindirizzaw aħjar dawn l-isfidi, mhux kull wieħed għalih waħdu; iqis li huwa essenzjali li l-UE taffronta dawn l-isfidi malajr, b'mod koerenti u effikaċi, b'vuċi waħda u flimkien mal-alleati, mas-sħab u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra;

15.Huwa konvint li r-risposta għall-isfidi tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà tinsab primarjament fid-definizzjoni u fit-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tagħha, tal-kapaċitajiet tagħha u tal-possibbiltà li taħdem fl-ambitu ta' sħubija strateġika ma' oħrajn;

16.Jissottolinja li s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà li l-UE u l-viċinat tagħha għandhom quddiemhom; jisħaq fuq il-fatt li l-awtonomija strateġika tal-UE ma tikkostitwix sfida għan-NATO u ma tikkompromettix l-arkitettura attwali tas-sigurtà fl-Ewropa; jisħaq fuq il-fatt li Ewropa aktar b'saħħitha ssaħħaħ in-NATO u tippermetti lill-UE taffronta man-NATO sfidi aktar globali;

17.Jilqa' pożittivament ir-riżultati li nkisbu f'dawn l-aħħar ħames snin f'termini ta' tisħiħ tal-PSDK u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw ulterjorment il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi bħala sieħba globali, u tirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini Ewropej u tkun forza pożittiva fir-relazzjonijiet internazzjonali;

18.Jilqa' pożittivament u jsostni l-operazzjoni Atlantic Resolve u l-Preżenza Avvanzata Msaħħa tan-NATO fil-kontinent Ewropew; jirrikonoxxi wkoll l-importanza tat-truppi tan-NATO għall-isforzi mmirati biex jiddiżinċentivaw aggressjoni ulterjuri min-naħa tar-Russja u biex jingħata sostenn kruċjali f'każ ta' kunflitt;

19.Jirrikonoxxi l-involviment u s-sostenn Ewropew għal-operazzjoni Resolute Support fl-Afganistan; jirrikonoxxi barra minn hekk l-importanza ta' din il-missjoni għall-istabbiltà u għas-sigurtà tal-Afganistan u tar-reġjun;

Il-ħtieġa li tkun żviluppata u tissaħħaħ l-awtonomija strateġika Ewropea

20.Josserva li l-ambizzjoni li tinkiseb l-awtonomija strateġika Ewropea ġiet ppreżentata għall-ewwel darba fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20ta'Diċembru2013 u rikonoxxuta għall-ewwel darba fl-"Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentata mill-Viċi President tal-Kummissjoni /Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) fit-28ta'Ġunju2016, li ddefiniet l-awtonomija strateġika Ewropea bħala objettiv fit-tul u talbet sinkronizzazzjoni gradwali u adattament reċiproku taċ-ċikli ta' ppjanar tad-difiża nazzjonali u tal-prattiki ta' żvilupp tal-kapaċitajiet;

21.Iqis li l-awtonomija strateġika Ewropea hija bbażata fuq il-kapaċità tal-Unjoni li ssaħħaħ il-libertà tagħha li tivvaluta l-kapaċità operattiva indipendenti tagħha, magħmula minn forzi militari kredibbli, il-kapaċità industrijali tagħha li tipproduċi t-tagħmir li tiegħu l-forzi tagħha għandhom bżonn u l-kapaċità politika tagħha li tieħu deċiżjonijiet meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu hekk, u tirrifletti l-objettiv li tieħu fuq spallejha aktar responsabbiltà għas-sigurtà Ewropea, bil-għan li tiddefendi l-interessi u l-valuri komuni tagħha, mas-sħab meta possibbli u waħedha, jekk neċessarju; jenfasizza li s-sigurtà enerġetika hija komponent importanti biex tinkiseb awtonomija strateġika; jemmen b'konvinzjoni li l-awtonomija strateġika Ewropea għandha tinkludi l-kapaċità li tistazzjona l-forzi militari fil-periferija tal-UE;

22.Iqis għalhekk li l-awtonomija strateġika Ewropea hija bbażata, l-ewwel u qabel kollox, fuq il-kapaċità tal-Unjoni li tivvaluta sitwazzjoni ta' kriżi u li tieħu deċiżjoni b'mod awtonomu, u dan neċessarjament jimplika proċess deċiżjonali indipendenti u effiċjenti, mezzi ta' valutazzjoni u libertà ta' analiżi u ta' azzjoni; iqis, barra minn hekk, li l-awtonomija strateġika Ewropea hija bbażata fuq il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi waħedha, meta l-interessi tagħha jkunu involuti (teatri ta' operazzjonijiet li ma jitqisux bħala prijoritarji mill-Istati Membri tal-UE) jew fil-qafas ta' forom ta' kooperazzjoni eżistenti; jissottolinja li l-awtonomija strateġika Ewropea tagħmel parti minn qafas multilaterali li jirrispetta l-impenji fi ħdan in-NU u li jikkomplementa b'mod adegwat l-alleanzi u s-sħubijiet li tagħhom il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma firmatarji; jenfasizza bil-qawwa li l-awtonomija strateġika ma tfissirx li l-Unjoni taġixxi sistematikament waħedha, fi kwalunkwe post u fi kwalunkwe ħin;

23.Iqis li l-affermazzjoni tal-awtonomija strateġika Ewropea tiddependi mill-ħolqien ta' PSDK komprensiva, sostnuta mill-kooperazzjoni Ewropea tad-difiża fl-oqsma teknoloġiċi, tal-kapaċitajiet, industrijali u operattivi; iqis li hija biss kooperazzjoni konkreta u flessibbli bbażata fuq inizjattivi pragmatiċi li se tagħmilha possibbli li jingħelbu b'mod gradwali d-diffikultajiet, li tiġi stabbilita kultura strateġika komuni vera u proprja u li jitfasslu risposti komuni adattati għall-isfidi ewlenin ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE;

24.Jenfasizza li, biex tiżdied l-awtonomija strateġika tal-UE, l-Istati Membri għandhom bżonn iżidu l-infiq tagħhom għad-difiża u jimmiraw għall-objettiv ta' 2% tal-PDG; iqis li ż-żieda fl-investimenti fis-sigurtà u fid-difiża hija kwistjoni urġenti għall-Istati Membri u għall-UE u li s-solidarjetà u l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża jmisshom isiru n-norma;

25.Jenfasizza li l-awtonomija strateġika Ewropea tista' tassew tinkiseb biss jekk l-Istati Membri juru rieda politika, koeżjoni u solidarjetà, u dan huwa wkoll rifless b'mod partikolari fil-ħtieġa li tingħata prijorità lill-ksib ta' kapaċitajiet Ewropej meta t-tagħmir ikun effettivament konformi mal-ogħla istandards u jkun disponibbli u kompetittiv, biex jinkiseb l-aċċess reċiproku għas-swieq tal-armamenti ferm protetti;

26.Itenni li l-awtonomija strateġika Ewropea hija ambizzjoni leġittima u neċessarja u trid tibqa' objettiv prijoritarju tal-PESK u tal-politika Ewropea tad-difiża; jenfasizza li l-implimentazzjoni prattika u operattiva tagħha tmiss kemm lill-UE kif ukoll lill-Istati Membri tagħha;

Progress reali li għandu jiġi kkonsolidat biex tinkiseb l-awtonomija strateġika Ewropea

27.Isostni li l-awtonomija strateġika Ewropea trid tiġi artikolata fl-oqsma tal-politika estera u ta' sigurtà, tal-industrija, tal-kapaċitajiet (programmi komuni, investimenti fit-teknoloġiji ta' difiża) u fl-oqsma operattivi (finanzjament tal-operazzjonijiet, tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab, kapaċità ta' ppjanar u ta' tmexxija tal-missjonijiet);

28.Iqis li jixraq li tkun persegwita politika restrittiva fil-qasam tal-esportazzjoni tat-tipi kollha ta' armi, inklużi l-prodotti b'użu doppju; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi; itenni l-bżonn li l-Istati Membri kollha japplikaw b'mod rigoruż ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill2008/944/PESK tat-8ta'Diċembru2008(18) dwar l-esportazzjonijiet tal-armi, inkluż l-applikazzjoni soda tat-tieni kriterju dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali;

Missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK

29.Iqis li d-difiża tal-Ewropa hija bbażata fil-biċċa l-kbira tagħha fuq il-kapaċità tal-Unjoni u fuq ir-rieda politika tal-Istati Membri li jintervjenu militarment, b'mod kredibbli, fit-teatri tal-operazzjonijiet esterni; isostni li l-Unjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi umani, finanzjarji, tekniċi u militari konsiderevoli, li jikkonferulha kapaċità unika li tmexxi operazzjonijiet militari u ċivili u li tirrispondi fil-pront u b'mod preventiv għall-isfidi futuri fil-qasam tas-sigurtà, pereżempju permezz ta' missjonijiet attivi taż-żamma tal-paċi;

30.Jisħaq fuq il-fatt li, mill-adozzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE fl-2016, il-proliferazzjoni tal-kunflitti reġjonali u lokali, anki qrib il-viċinat Ewropew immedjat, toħloq bosta sfidi għas-sigurtà tal-Unjoni, peress li dawn il-kunflitti spiss għandhom effetti konsegwenzjali; iqis, f'dan ir-rigward, li l-Unjoni għandha tieħu rwol aktar importanti fil-ġestjoni tal-kriżijiet, fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fiż-żamma tal-paċi, kull meta jkun possibbli flimkien mal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali l-oħra bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana, konformement mal-impenji tagħha favur il-multilateraliżmu, iżda wkoll waħedha meta s-sitwazzjoni titlob hekk;

31.Jinkoraġġixxi lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jadottaw approċċ li jħares aktar 'il quddiem fir-rigward tal-ippjanar u tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet, u jantiċipaw il-bżonnijiet futuri ta' risposta b'saħħitha tal-UE għall-kriżijiet u għall-kunflitti;

32.Josserva li attwalment l-Unjoni hija preżenti fi tliet kontinenti, fejn huma stazzjonati sittax-il missjoni ċivili jew militari (għaxra ċivili u sitta militari, fosthom tliet missjonijiet eżekuttivi u tliet missjonijiet mhux eżekuttivi); jirrikonoxxi l-kontribut ta' dawn il-missjonijiet għall-paċi, għas-sigurtà u għall-istabbiltà internazzjonali; jenfasizza li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tkun akkumpanjata minn bidla fl-istrumenti magħżula stabbiliti fit-Trattat ta' Lisbona u introdotti f'dawn l-aħħar snin, sabiex isiru aktar effikaċi u tiżdied is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE; jippromwovi l-għan li jinkiseb livell ogħla ta' effikaċja tal-missjonijiet PSDK billi jintlaħaq l-objettiv ta' 70% għall-perċentwal ta' persunal sekondat u jistieden lill-Istati Membri jagħtu kontributi akbar;

33.Jilqa' favorevolment l-involviment tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-awditjar tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK u jinkoraġġiha tfassal aktar rapporti speċjali dwar missjonijiet u operazzjonijiet oħra;

34.Jistieden lill-Istati Membri u lill-istrutturi Ewropej iżommu impenn prijoritarju u sostnut fl-Afrika; jilqa' għalhekk favorevolment id-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Lulju2018 li l-mandat tal-Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTMRCA) jiġi estiż b'sentejn u r-rieda tal-Kunsill li jniedi missjoni ċivili li tikkomplementa l-komponent militari; josserva li dawn l-iżviluppi reċenti huma sinjal pożittiv ta' impenn imġedded tal-Istati Membri, iżda jisħaq fuq il-fatt li l-kundizzjoni tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż għadha ferm problematika;

35.Jenfasizza l-impenn globali tal-Unjoni fis-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika permezz ta' sitt missjonijiet ċivili (EUCAPMali, EUCAPNiġer, EUCAPSomalja) u militari (EUTMMali, EUTMSomalja, ATALANTA); jilqa' pożittivament u jinkoraġġixxi l-isforzi li saru biex jiġi reġjonalizzat il-funzjonament tal-missjonijiet ċivili fis-Saħel quddiem l-isfidi tas-sigurtà li jmorru lil hinn mill-Istati fejn jkunu stazzjonati l-missjonijiet Ewropej; jilqa' wkoll pożittivament is-sostenn tal-UE għall-operazzjoni G5Saħel; jikkritika, f'dan ir-rigward, il-fatt li s-SEAE ma stabbiliex indikaturi adegwati biex jimmonitorja r-riżultati tal-missjonijiet EUCAPNiġer u EUCAPMali u li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-attivitajiet tal-missjonijiet kienu inadegwati u inadatti biex iqis l-implikazzjonijiet tagħhom;

36.Jinsab imħasseb ħafna dwar l-għexieren ta' każijiet ta' abbużi serji ħafna tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-forzi tas-sigurtà tal-Mali, kif investigat u rrappurtat mill-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fil-Mali (MINUSMA), li jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra skont il-liġi umanitarja; iħeġġeġ lill-VP/RGħ jiżgura li s-sħab tal-UE jikkonformaw b'mod strett mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem minbarra mar-regolamenti legalment vinkolanti tal-UE, u li dawn il-każijiet jinġiebu quddiem il-ġustizzja mingħajr dewmien; jistieden lis-SEAE jirrapporta lill-Parlament dwar dawn il-każijiet bħala kwistjoni ta' urġenza;

37.Jinsab imħasseb bid-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-Burkina Faso u bir-riperkussjonijiet ġeopolitiċi fir-reġjun tas-Saħel u fil-Punent, li jistgħu jiġġustifikaw missjoni ċivili u/jew militari bil-għan li tissaħħaħ il-governanza tas-settur tas-sigurtà, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u terġa' tinġieb il-fiduċja fost iċ-ċittadini fir-rigward tal-forzi tas-sigurtà tagħhom;

38.Itenni l-importanza strateġika tal-Balkani tal-Punent għas-sigurtà u għall-istabbiltà tal-UE; jisħaq fuq il-bżonn li jitjiebu l-impenn, l-integrazzjoni u l-koordinament tal-UE fir-reġjun, anki permezz tal-mandat tal-missjonijiet tal-PSDK tal-UE; itenni li l-politika tal-UE fil-Balkani tal-Punent għandha l-għan li ġġib lill-pajjiżi tar-reġjuni allinjati mal-acquis tal-UE u li tgħinhom fil-mixja tagħhom lejn l-adeżjoni, billi ttejjeb il-ġestjoni tal-paċi u tal-istabbiltà għall-ġid tal-Ewropa kollha kemm hi;

39.Itenni l-importanza strateġika tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Balkani tal-Punent għall-istabbiltà u għas-sigurtà tal-UE u l-bżonn li l-impenn politiku tal-UE jiġi ċċentrat u msaħħaħ fir-rigward ta' dawn ir-reġjuni, anki bis-saħħa ta' mandat b'saħħtu tal-missjonijiet tal-PSDK tal-UE;

40.Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-operazzjoni EUFORAlthea fil-Bożnija-Ħerzegovina biex tmexxi 'l quddiem u żżomm il-paċi u s-sigurtà fil-pajjiż u fir-reġjun; jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ottubru2019 favur il-preżenza kontinwa ta' forzi militari Ewropej fil-Bożnija-Ħerzegovina;

41.Jitlob l-implimentazzjoni rapida u effikaċi tal-patt dwar il-missjonijiet ċivili, adottat f'Novembru2018 mill-Kunsill u mill-Istati Membri, bil-għan li jissaħħu r-riżorsi tal-PSDK ċivili sabiex jintlaħaq in-numru ta' persunal maqbul u sabiex il-missjonijiet isiru aktar flessibbli u operattivi, b'hekk jiġi żgurat li l-azzjoni tal-UE fil-post tkun effikaċi u kredibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu rieżami annwali qawwi li jgħinna naraw fiex wasal il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-patt dwar id-dimensjoni ċivili tal-PSDK u li jkun jista' jsostni l-professjonalizzazzjoni ulterjuri tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK wara l-2023, inklużi miżuri intiżi li jiżguraw ir-responsabbiltà tal-atturi kollha involuti fir-riżultati li jiksbu l-missjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jittestjaw mill-aktar fis possibbli l-proġett il-ġdid tal-istazzjonar ta' skwadri speċjalizzati fuq il-post permezz ta' miżuri pilota, billi jintużaw biex isiru disponibbli kapaċitajiet speċjalizzati għal żmien limitat u jimtela l-vojt attwali ta' kapaċitajiet, u biex jiġu evalwati t-tagħlimiet mill-ewwel stazzjonamenti;

42.Jevidenzja li attwalment hemm 10missjonijiet ċivili PSDK b'valur miżjud għoli f'termini ta' paċi u sigurtà stazzjonati fil-viċinat tal-UE, b'mod partikolari fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani, fil-Balkani tal-Punent u fl-Ewropa tal-Lvant;

43.Jevidenzja li l-implimentazzjoni tal-patt dwar id-dimensjoni ċivili tal-PSDK ma għandhiex tkun it-tmiem tat-tisħiħ tad-dimensjoni ċivili tal-PSDK;

44.Josserva, madankollu, li l-effikaċja tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK ġeneralment hija mxekkla minn nuqqasijiet strutturali persistenti u minn nuqqas ta' volontà dejjem tiżdied min-naħa tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet Ewropej biex jagħmlu dawn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet aktar robusti, kemm f'termini ta' riżorsi umani kif ukoll f'termini ta' mandat u jagħmel appell biex tinħoloq soluzzjoni komuni Ewropea biex tindirizzahom; josserva li l-operazzjonijiet militari tal-PSDK għandhom tendenza li jissejsu dejjem aktar fuq missjonijiet ta' taħriġ tal-forzi armati (EUTM) mingħajr dimensjoni eżekuttiva u josserva li, avolja l-persunal tal-EUTM jagħmel xogħol siewi, il-limiti f'termini ta' taħriġ u l-assenza ta' armi jwasslu għal funzjonament insuffiċjenti tal-unitajiet iffurmati, li mhumiex kapaċi jrażżnu l-irvellijiet armati u l-progressjoni tat-terroriżmu ġiħadista;

45.Jiddeplora l-fatt li l-proċessi deċiżjonali u ta' implimentazzjoni qegħdin jipproċedu b'veloċità differenti ħafna, skont ir-rieda politika komuni; jirrimarka li, dan l-aħħar, kienu ftit ħafna l-operazzjonijiet militari li kellhom mandat eżekuttiv għaliex il-proċessi deċiżjonali ma setgħux jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' rieda politika u jitlob, f'dan il-kuntest, li l-Istati Membri, meta jkollhom kriżi quddiemhom, juru r-rieda politika meħtieġa biex jagħmlu użu attiv tal-istrutturi u tal-proċeduri attwali tal-PSDK sabiex l-missjonijiet ikunu jistgħu jiġu stazzjonati b'mod aktar rapidu, flessibbli u koerenti; jistieden lill-VP/RGħ jispjega lill-Parlament il-loġika wara dak li huwa, evidentement, strument ġdid ta' ġestjoni tal-kriżijiet, jiġifieri l-varar tal-minimissjonijiet skont l-Artikolu28 tat-TUE;

46.Jenfasizza n-nuqqas ta' flessibbiltà fil-proċeduri amministrattivi u baġitarji li jikkawża problemi serji lill-persunal li jintbagħat fuq il-post;

47.Jenfasizza l-ħtieġa li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet jiġu evalwati regolarment sabiex titjieb l-effikaċja tagħhom; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jistabbilixxu mandati, baġits, regoli tal-ingaġġ u proċeduri operattivi li jikkorrispondu għall-operazzjonijiet u jipprevedu strateġija ta' ħruġ; jitlob, f'dan il-kuntest, skambji ta' informazzjoni u konsultazzjonijiet aktar regolari mal-kumitati parlamentari kompetenti qabel, waqt u wara l-missjonijiet, u jistieden lill-kumitati jikkonċentraw il-missjonijiet tagħhom u d-delegazzjonijiet tagħhom fiż-żoni fejn jiġu stazzjonati l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; jinsisti li l-Parlament Ewropew, flimkien mal-parlamenti nazzjonali, ikollu rwol imsaħħaħ fir-rigward tal-PSDK, bil-għan li jiggarantixxi superviżjoni parlamentari tal-PSDK u tal-baġit tagħha;

48.Jevidenzja l-importanza li jiġu organizzati taħriġ u eżerċizzji konġunti bejn il-forzi armati Ewropej kif ukoll eżerċizzji paralleli u kkoordinati bejn il-forzi tal-UE u tan-NATO, b'hekk jiġu promossi l-interoperabbiltà organizzattiva, proċedurali, u teknika kif ukoll il-mobbiltà militari, bil-għan li jitħejjew bl-aqwa mod il-missjonijiet, tkun żgurata l-komplementarjetà, tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn u tiġi indirizzata firxa wiesgħa ta' theddid, kemm konvenzjonali kif ukoll mhux konvenzjonali; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, l-Inizjattiva Ewropea għall-Iskambju ta' Uffiċjali Żgħażagħ (Erasmus Militari – EMILYO), immexxija mill-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża, li għandha l-għan li tippermetti lill-istituti nazzjonali ta' edukazzjoni u taħriġ militari jgħarblu l-possibbiltajiet ta' skambji kwantitattivi u kwalitattivi ta' għarfien u ta' kompetenzi; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ġie rikonoxxut li ma tistax tiġi garantita s-sigurtà mingħajr in-nisa u jisħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni tan-nisa fin-negozjati u fil-missjonijiet;

49.Jenfasizza n-nuqqas kostanti tat-tagħmir tal-forzi armati tal-Istati li fihom il-missjonijiet tal-UE qegħdin jintervjenu, li jirrappreżenta xkiel għas-suċċess tal-missjonijiet ta' taħriġ; josserva d-diffikultà li jiġi fornut tagħmir adegwat fi żmien raġonevoli, speċjalment minħabba proċeduri ta' akkwist pubbliku li jsiru bil-mod; huwa tal-fehma li fil-futur mhux se jkun possibbli li jinkisbu riżultati pożittivi f'termini ta' taħriġ u konsulenza favur il-forzi armati tal-pajjiżi terzi mingħajr il-kapaċità li dawn l-isforzi jiġu akkumpanjati minn programmi ta' forniment ta' tagħmir utli u kkoordinat; jilqa' pożittivament l-inizjattiva "Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp" (CBSD), li wasslet għar-reviżjoni tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi ("IcSP+") fl-2017 li jiffinanzja l-azzjonijiet ta' taħriġ u l-forniment ta' tagħmir mhux letali lill-forzi armati tal-pajjiżi terzi; josserva li s'issa, ġew adottati tliet proġetti fil-Mali, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u fil-Burkina Faso; jissottolinja d-domanda qawwija tal-popolazzjonijiet lokali għal appoġġ fil-qasam tat-taħriġ u tal-forniment ta' tagħmir;

50.Jitlob li l-UE tindirizza t-theddid konsistenti u li qed jikber għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u trażżan il-kuntrabandu ta' artefatti kulturali, speċjalment f'żoni ta' kunflitt; jinnota li ċ-ċaħda tas-soċjetajiet mill-wirt kulturali u l-għeruq storiku tagħhom tagħmilhom iżjed vulernabbli għar-radikalizzazzjoni u aktar suxxettibbli għal ideoloġiji ġiħadisti globali; jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija wiesgħa biex tiġġieled tali theddid;

51.Jiddispjaċih bil-problema tal-kostituzzjoni ta' forzi b'mod partikolari waqt il-varar ta' missjonijiet militari; jenfasizza li l-EUTMSomalja qiegħda ssibha diffiċli biex iġġib flimkien il-forzi meħtieġa; josserva li l-aħħar konferenza ġenerali tal-kostituzzjoni ta' forzi tal-4ta'Ġunju2019 semmiet il-falliment possibbli tal-missjoni minħabba nuqqas ta' persunal; josserva li l-operazzjonijiet militari attwali tal-Unjoni jikkonċernaw biss bejn wieħed u ieħor għaxar Stati Membri; jenfasizza li l-kompetenza, il-professjonalità u d-dedikazzjoni tal-persunal fuq il-post huma l-elementi ewlenin biex missjoni tirnexxi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu impenn akbar fir-rigward tal-kwalità tal-persunal li jintbagħat fil-missjonijiet u jżidu r-rata ta' okkupazzjoni tal-postijiet ta' xogħol assenjati għall-missjonijiet;

52.Jistieden lill-Kunsill jispjega r-raġuni għala ċerti missjonijiet baqgħu operattivi minkejja li l-iskop limitat tagħhom fil-livell militari jew ċivili diġà ntlaħaq; iqis bħala tajjeb li ssir evalwazzjoni tal-missjonijiet eżistenti kollha biex jiġi ddeterminat liema minnhom għadhom rilevanti; huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-missjonijiet li fihom għandha l-akbar valur miżjud; huwa favur id-definizzjoni u r-rispett tal-kriterji oġġettivi li bis-saħħa tagħhom jitkejjel tali valur miżjud u jiġi deċiż jekk missjoni għandhiex titkompla;

53.Jieħu nota tad-deċiżjoni tas-26ta'Settembru2019 li testendi għal sitt xhur, sal-31ta'Marzu2020, l-operazzjoni marittima tal-UE fil-Mediterran (EUNAVFORMED Operazzjoni Sophia); jiddispjaċih ħafna bit-tkomplija tas-sospensjoni tal-preżenza navali; jenfasizza l-urġenza li jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri u jitlob ir-ritorn tal-mezzi navali u l-implimentazzjoni sħiħa tal-mandat;

54.Iqis li l-kwistjoni tal-finanzjament tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK hija essenzjali għas-sostenibbiltà ta' din il-politika; jenfasizza l-importanza li jiġi eżaminat mill-ġdid il-mekkaniżmu Athena bil-għan li jsir aktar effikaċi l-mekkaniżmu ta' finanzjament tal-operazzjonijiet u tal-missjonijiet militari tal-PSDK; isostni, f'dan ir-rigward, il-proposta tar-VP/RGħ, appoġġjata mill-Kummissjoni, li tinħoloq Faċilità Ewropea għall-Paċi, li tiffinanzja parzjalment l-ispejjeż tal-attivitajiet ta' difiża tal-Unjoni, b'mod partikolari l-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet militari tal-PSDK u dawk marbuta mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari tas-sħab; jittama li l-Istati Membri jilħqu ftehim malajr sabiex dan l-istrument ikun jista' jiddaħħal; jenfasizza l-importanza li jkun hemm aktar flessibbiltà fir-regoli finanzjarji tal-Unjoni, biex tiżdied il-kapaċità tagħha li tirreaġixxi għall-kriżijiet u tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw mekkaniżmu flessibbli li jgħin lill-Istati Membri li jkunu jixtiequ jipparteċipaw f'missjoni tal-PSDK iħallsu l-ispejjeż, u b'hekk tiġi ffaċilitata d-deċiżjoni tagħhom li jagħtu bidu għal missjoni jew li jsaħħuha; josserva li dan l-istrument ikun jissodisfa kompletament l-għanijiet tal-awtonomija strateġika tal-Unjoni fil-qasam operattiv;

55.Jistieden lill-VP/RGħ jikkonsulta regolarment lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti u l-għażliet fundamentali kollha tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni; iqis, f'dan ir-rigward, li l-Parlament għandu jkun ikkonsultat minn qabel dwar l-ippjanar strateġiku tal-missjonijietPSDK, dwar il-modifika tal-mandat tagħhom u dwar il-possibbiltà li jintemmu;

56.Jappoġġja l-ħolqien tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għall-missjonijiet eżekuttivi li twettaq l-operazzjonijiet militari kollha tal-PSDK; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-MPCC u l-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija; jiġbed l-attenzjoni għall-problema ta' reklutaġġ u ta' provvista ta' mezzi sabiex l-MPCC tkun kompletament effettiva; jistieden lis-SEAE jbiddel l-MPCC minn entità virtwali, b'postijiet ta' xogħol f'bosta assenjazzjonijiet, għal entità militari soda ta' ppjanar u ta' tmexxija tal-ispettru kollu kemm hu tal-operazzjonijiet militari skont l-Artikolu43(1) tat-TUE;

57.Jieħu nota tal-falliment tal-proġett rigward il-gruppi tattiċi tal-Unjoni – li għadhom qatt ma ġew stazzjonati mindu nħolqu fl-2007 u ntużaw biss bħala strument biex jittrasformaw lill-forzi armati Ewropej – speċjalment minħabba r-retiċenza tal-Istati Membri kollha, il-kumplessità tal-implimentazzjoni u tal-finanzjament tagħhom, f'kuntrast mal-objettiv oriġinali ta' ħeffa u effiċjenza; hu tal-fehma li s-sistema tal-gruppi tattiċi tal-UE għandha tiġi ristrutturata, żviluppata ulterjorment fil-livell politiku u mgħammra b'biżżejjed finanzjamenti biex isir funzjonali, utilizzabbli, rapida u effiċjenti; jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tal-proġett rigward il-gruppi tattiċi u li jingħata nifs ġdid lil dan il-proġett abbażi tat-tagħlimiet li nsiltu;

58.Josserva li l-klawżola ta' assistenza reċiproka (Artikolu42(7) tat-TUE), li ġiet invokata darba, b'mod partikolari bħala reazzjoni għall-attakk armat fit-territorju ta' Stat Membru, turi s-solidarjetà li teżisti fost l-Istati Membri; josserva, madankollu, li l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-Artikolu kif ukoll il-modalitajiet tal-assistenza meħtieġa qatt ma ġew iddefiniti b'mod ċar; jitlob linji gwida preċiżi biex jingħata qafas iddefinit sew għall-attivazzjoni futura u implimentazzjoni aktar operattiva ta' dan l-istrument, għal aktar diskussjoni dwar l-esperjenza fl-invokazzjoni ta' din il-klawżola ġuridika u għall-isforzi konġunti biex tkun iċċarata l-portata tagħha;

59.Ifakkar li l-klawżola ta' solidarjetà (Artikolu222 tat-TFUE) tagħti wkoll lill-Unjoni u lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprovdu assistenza lil Stat Membru li jkun sofra attakk terroristiku jew li jkun vittma ta' diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem; ifakkar li l-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2013 tgħid li "[i]nċident jew attakk ċibernetiku partikolarment serju jista' jkun biżżejjed biex Stat Membru jsejjaħ il-Klawżola ta' Solidarjetà tal-UE (l-Artikolu222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)"; ifakkar ukoll li d-Deċiżjoni tal-Kunsill2014/415/UE dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawżola ta' solidarjetà tistabbilixxi li l-klawżola ta' solidarjetà titlob li l-Unjoni timmobilizza l-istrumenti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi l-istrutturi żviluppati fil-qafas tal-PSDK; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-attivazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà fil-futur.

60.Jemmen li l-implimentazzjoni tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK għandha tkun akkumpanjata minn strumenti flessibbli sabiex tiġi ffaċilitata l-kapaċità tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jimpenjaw ruħhom sabiex jiżguraw l-awtonomija strateġika Ewropea, għas-servizz tal-istabbiltà tal-kontinent Ewropew; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-effikaċja ta' strutturi ta' kmand modulari, versatili u tassew operattivi bħall-Korp Ewropew (Eurocorps); jinnota li l-missjonijiet ta' dan il-persunal militari ġew estiżi u ddiversifikati b'suċċess; bejn l-2015 u l-2018, il-Korp Ewropew ġie stazzjonat erba' darbiet fil-qafas tal-missjonijiet ta' taħriġ tal-Unjoni fil-Mali u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM Mali u EUTMRCA); jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimxu fuq dan l-eżempju ta' kooperazzjoni flessibbli u operattiva li diġà ta prova tal-utilità u l-effikaċja tiegħu;

61.Jistenna li l-Unjoni tuża b'mod effikaċi l-istrumenti politiċi eżistenti kollha tal-PESK u tal-PSDK fl-oqsma tad-diplomazija, tal-kooperazzjoni, tal-iżvilupp, tal-għajnuna umanitarja, tal-ġestjoni tal-kunflitti u taż-żamma tal-paċi; ifakkar li l-istrumenti militari u ċivili tal-PSDK fl-ebda każ ma jistgħu jkunu l-unika soluzzjoni għall-problemi ta' sigurtà u li dejjem għandu jiġi adottat "approċċ integrat"; iqis li l-użu ta' dawn l-istrumenti kollha bbażat fuq dan l-"approċċ integrat" biss se jipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex jintlaħqu b'mod effikaċi l-aktar għanijiet ambizzjużi ta' sigurtà;

62.Ifakkar li, meta l-ugwaljanza u l-parità bejn il-ġeneri jiġu rispettati tul il-proċess, jiżdied is-suċċess tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jitlob li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa u jiżdied in-numru ta' pożizzjonijiet maniġerjali okkupati min-nisa f'missjoni bħal dawn, li perspettiva tal-ġeneru tkun integrata b'mod aktar sistematiku fil-missjonijietPSDK u kontribut attiv fl-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal azzjonijiet ambizzjużi biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fost l-esperti internazzjonali fil-livelli kollha tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK, possibbilment permezz ta' pjan ta' azzjoni ddedikat, inċentivi mmirati, miżuri ta' ppjanar tal-karriera għan-nisa jew mekkaniżmi ta' reklutaġġ li jiżguraw rappreżentanza akbar;

63.Jistieden lill-VP/RGħ jikkonsulta regolarment lill-Parlament dwar kwistjonijiet urġenti marbuta mal-implimentazzjoni tal-PSDK; jemmen li VP/RGħ, jew uffiċjal kompetenti tas-SEAE li jista' jeżerċita superviżjoni diretta fuq l-istrutturi ta' kmand tal-PSDK u involut fil-proġettazzjoni, fl-implimentazzjoni u fil-valutazzjoni tal-operazzjonijiet ċivili u militari attwali, għandu jinforma fil-pront lill-Parlament bil-bidliet importanti fl-istruttura ta' dawn l-operazzjonijiet, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam man-natura kumplessiva, mal-mandat, mat-tul ta' żmien jew mat-tmiem antiċipat tagħhom;

64.Jenfasizza r-rwol dejjem akbar u essenzjali tan-nisa fil-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi u fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża u jistieden lill-VP/RGħ jidħol fi djalogu mal-Parlament dwar l-istrumenti li għandhom jiddaħħlu u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu;

65.Jissottolinja l-bżonn li jiġu żviluppati ulterjorment in-natura u d-dimensjoni parlamentari u demokratika tal-PSDK; jemmen li PSDK effikaċi u adatta għall-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tas-sekluXXI trid tmur id f'id ma' skrutinju parlamentari sod u standards ta' trasparenza għoljin fil-livell kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE; huwa tal-fehma li t-tisħiħ tad-dimensjoni parlamentari tal-PSDK tikkorrispondi għar-rikjesti ta' sigurtà, paċi u aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fis-setturi tas-sigurtà u tad-difiża, imressqa miċ-ċittadini tal-UE;

Il-qasam tal-kapaċitajiet u dak industrijali

66.Jenfasizza li l-ksib tal-awtonomija strateġika Ewropea huwa bbażat neċessarjament fuq żieda fil-kapaċitajiet tal-Istati Membri u tal-baġit tagħhom iddedikat għad-difiża, kif ukoll fuq it-tisħiħ ta' bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea;

67.Josserva li hekk kif qegħdin ifiġġu teknoloġiji avvanzati (ir-robotika, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċiberteknoloġija, eċċ.), l-industrija tad-difiża u dik spazjali qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' kompetizzjoni dinjija liema bħala u sfidi teknoloġiċi importanti;

68.Jilqa' pożittivament il-fatt li fil-baġits tad-difiża hemm inverżjoni tat-tendenza favur il-forzi armati; jistieden, b'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jinvestu b'mod intelliġenti ż-żieda fil-finanzjamenti fi programmi ta' kooperazzjoni; huwa tal-fehma li dan għandu jkun appoġġjat u mħeġġeġ fil-livell tal-Unjoni; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jgħollu l-infiq tagħhom għad-difiża għal 2% tal-PDG;

69.Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi reċenti tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri li segwew il-pubblikazzjoni tal-"Istrateġija Globali tal-UE" sabiex jagħtu ħajja ġdida lill-istrumenti tal-PSDK attwali u jimplimentaw kompletament id-dispożizzjonijiet previsti fit-Trattat ta' Lisbona; jenfasizza li dawn l-ambizzjonijiet promettenti issa għandhom jiġu kkonsolidati u jkunu segwiti minn azzjonijiet konkreti sabiex jikkontribwixxu b'mod effikaċi għas-sigurtà tal-kontinent Ewropew u tal-viċinat immedjat tiegħu;

70.Jinnota b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tat-2ta'Mejju2018 li tinħoloq linja baġitarja ta' EUR13-il biljun iddedikata għall-kooperazzjoni għad-difiża tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss, li ssostni r-riċerka kollaborattiva u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fis-settur tad-difiża; jinnota li din il-proposta, li tirrifletti impenn mingħajr preċedenti tal-Kummissjoni, tibqa' suġġetta għall-ftehim unanimu tal-Istati Membri u sussegwentement għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-QFP li jmiss;

71.Jilqa' favorevolment il-proposta tal-Kummissjoni ta' Ġunju2017 biex jinħoloq Fond Ewropew għad-Difiża (FED) li jikkoordina, jikkompleta u jamplifika l-investimenti nazzjonali fid-difiża, irawwem il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bil-għan li jiġu żviluppati teknoloġiji u tagħmir tad-difiża ultramoderni u interoperabbli u jsostni, fl-Unjoni kollha, industrija tad-difiża innovattiva u kompetittiva, li tinkludi lill-SMEs transfruntieri; josserva li din il-proposta hija l-ewwel inizjattiva li għaliha jintużaw fondi Komunitarji biex jiġu appoġġjati direttament proġetti komuni kooperattivi tal-UE fis-settur tad-difiża; jirrikonoxxi li dan huwa pass importanti fid-difiża Ewropea, kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak industrijali; josserva li l-FED jista' jikkontribwixxi għall-finanzjament tar-riċerka u tal-iżvilupp għal proġetti strutturali bħas-sistema tal-ajru futura Ewropea tal-kumbattiment, il-karrijiet armati Ewropej tal-futur, l-inġenju tal-ajru Ewropew tal-futur għal tagħbijiet tqal jew difiża antimissilistika Ewropea, kif ukoll proġetti żgħar u medji maħsuba biex joħolqu soluzzjonijiet innovattivi għad-difiża orjentata lejn il-futur; jilqa' pożittivament il-programm ta' ħidma2019 għall-azzjoni preparatorja, li se tiddedika EUR25miljun lir-riċerka dwar il-prevalenza tal-ispettru elettromanjetiku u t-teknoloġiji rivoluzzjonarji futuri fis-settur tad-difiża, li huma żewġ setturi essenzjali biex l-indipendenza teknoloġika tal-Ewropa tinżamm fit-tul; jilqa' wkoll b'mod pożittiv l-adozzjoni mill-Kummissjoni, f'Marzu2019, tal-ewwel Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP), li jipprevedi kofinanzjament ta' EUR500miljun għall-iżvilupp konġunt ta' kapaċitajiet ta' difiża fil-perjodu2019-2020, u l-pubblikazzjoni ta' disa' sejħiet għal proposti għall-2019, fosthom il-Eurodrone, li hija kapaċità essenzjali għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa; jirrimarka li tnax-il sejħa għal proposti oħra se jsegwu fl-2020, li jkopru temi ta' prijorità fl-oqsma kollha (tal-ajru, tal-art, tal-baħar, taċ-ċibernetika u tal-ispazju); josserva r-rabta bejn id-deċiżjonijiet ta' akkwist meħuda llum il-ġurnata mill-Istati Membri u l-prospetti ta' kooperazzjoni industrijali u teknoloġika skont il-FED;

72.Jilqa' favorevolment l-implimentazzjoni effikaċi ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), li hija pass essenzjali lejn kooperazzjoni msaħħa fis-setturi tas-sigurtà u tad-difiża bejn l-Istati Membri; jenfasizza li din id-dispożizzjoni, introdotta fit-Trattat ta' Lisbona tal-2009 (Artikolu46 tat-TUE), hija ġuridikament vinkolanti u tinkludi sensiela ta' impenji ambizzjużi għall-pajjiżi Ewropej li jixtiequ jħaffu l-progress fir-rigward tal-proġetti ta' difiża komuni; jirrikonoxxi l-parti li tista' tiżvolġi l-PESCO fl-istrutturar tad-domanda Ewropea; jinnota li għadd konsiderevoli ta' proġetti eliġibbli għall-programm EDIDP huma żviluppati fil-qafas tal-PESCO u jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rati ogħla ta' sussidji; jappoġġja l-konsistenza sħiħa bejn il-proġetti PESCO u l-FED;

73.Jevidenzja li huwa indispensabbli li l-PESCO tkun allinjata mar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), imniedi fl-2017, u mal-FED, biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' difiża tal-pajjiżi Ewropej u jiġu ottimizzati n-nefqa tagħhom fil-baġit f'dan is-settur; jikkritika għal darb'oħra l-fatt li, s'issa, ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni strateġika tal-miżuri fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' politika tad-difiża; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jfasslu, flimkien mal-Parlament Ewropew, white paper tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża f'forma ta' ftehim interistituzzjonali u dokument strateġiku dwar l-industrija tad-difiża għall-perjodu2021-2027; jenfasizza li l-proġetti l-ġodda għandhom jiġu inklużi fil-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) li se jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġu eliminati d-diskrepanzi fil-kapaċitajiet, fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; iqis li l-CARD għandu jikkontribwixxi b'mod effikaċi għall-armonizzazzjoni u għall-komplementarjetà tal-investimenti u tal-kapaċitajiet tal-forzi armati nazzjonali, u b'hekk jiggarantixxi l-awtonomija strateġika u operattiva tal-Unjoni u jippermetti lill-Istati Membri jinvestu b'mod aktar effikaċi fid-difiża;

74.Jilqa' pożittivament il-koordinament sħiħ bejn il-pjan direzzjonali tal-kapaċitajiet stabbilit mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-ippjanar tal-kapaċitajiet li sar sal-lum, li juru li hemm interoperabbiltà miżjuda bejn l-armati tal-Istati Membri tal-UE li huma membri tan-NATO;

75.Jissottolinja l-importanza tal-mobbiltà militari; jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu allokati EUR6,5biljun għall-proġetti ta' mobbiltà militari fil-QFP li jmiss; jenfasizza li jeħtieġ li jsir progress fil-qasam tal-mobbiltà militari għas-servizz kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO; japprezza l-fatt li dan il-proġett jagħmel parti mill-PESCO; jisħaq fuq il-fatt li l-mobbiltà militari għandha żewġ sfidi quddiemha: tissemplifika l-proċeduri u tespandi l-infrastrutturi; jirrimarka li s-sigurtà u d-difiża kollettivi tal-Istati Membri u l-kapaċità tagħhom li jintervjenu fil-kriżijiet barranin jiddependu b'mod sostanzjali mill-fakultà tagħhom li jiċċaqalqu, malajr u bla impedimenti, truppi alleati u persunal, materjal u tagħmir għall-ġestjoni ċivili tal-kriżijiet bejn it-territorji rispettivi tagħhom u lil hinn mill-konfini tal-UE; jevidenzja li l-mobbiltà militari hija strument strateġiku li se jippermetti lill-UE ssegwi l-interessi tagħha fis-settur tas-sigurtà u tad-difiża b'mod effikaċi u komplementari ma' ħidmet organizzazzjonijiet oħra, bħan-NATO;

76.Iqajjem dubji dwar ir-ritmu bil-mod li ħa l-bidu tal-34proġett PESCO u d-dewmien fil-varar tat-tielet sensiela ta' 13-ilproġett, peress li l-ebda wieħed minnhom għadu ma beda, u jisħaq fuq il-bżonn ta' skadenzi konkreti għar-realizzazzjoni tal-proġetti u ħarsa ġenerali aktar ċara tal-kontenut tal-prodotti finali tagħhom; josserva li, fl-2019, erba' proġetti biss se jilħqu l-kapaċità operattiva inizjali tagħhom; iqajjem il-kwistjoni ta' nuqqas ta' ambizzjoni u ta' forza ta' ċerti proġetti, li ma jindirizzawx in-nuqqasijiet tal-kapaċità l-aktar evidenti, b'mod partikolari dawk tal-ewwel sensiela li huma essenzjalment proġetti ta' kapaċità li jinkludu l-akbar għadd ta' Stati Membri; jistieden lill-VP/RGħ jgħarraf minnufih lill-Parlament dwar liema proġetti PESCO għandhom jiġu interrotti qabel iż-żmien u fuq liema bażi; josserva li l-inklużjoni mixtieqa tal-parteċipazzjoni fil-proġetti tal-PESCO ma għandhiex tikkomprometti ambizzjoni ta' livell għoli min-naħa tal-Istati Membri parteċipanti; iqis li l-involviment ta' pajjiżi terzi u entitajiet ta' pajjiżi terzi fil-PESCO għandu jkun suġġett għal kundizzjonijiet rigorużi stabbiliti sa mill-bidu nett u bbażati fuq reċiproċità ddefinita u effikaċi; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għad-drittijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawżaC-658/11; jistieden lill-Istati Membri jippreżentaw proġetti b'dimensjoni strateġika Ewropea, biex b'hekk tissaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB), sabiex jiġu sodisfatti direttament il-bżonnijiet operattivi tal-forzi armati Ewropej;

77.Jistieden lill-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-Artikolu5 tar-regolament futur dwar il-FED; jissottolinja l-bżonn li jiġi finalizzat mill-aktar fis il-FED; jirrimarka li dan l-istrument għadu ma ġiex approvat b'mod definittiv, billi f'April2019 ġie ffinalizzat biss il-Ftehim Parzjali u Politiku; jisħaq fuq l-importanza li tinżamm il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-ammont tal-FED, il-ftuħ għall-pajjiżi terzi u l-istabbiliment ta' politika dwar il-proprjetà intellettwali adegwata b'rabta mas-sigurtà u d-difiża sabiex jiġu protetti r-riżultati tar-riċerka; ifakkar li s-suq Ewropew tad-difiża huwa notevolment miftuħ għal fornituri ta' pajjiżi terzi; jafferma mill-ġdid li l-Fond Ewropew għad-Difiża ma jista' bl-ebda mod jiġi konfuż ma' kwalunkwe tip ta' strument protezzjonist; jitlob lill-pajjiżi alleati tal-Unjoni Ewropea biex jikkunsidraw jiftħu b'mod reċiproku s-swieq tad-difiża tagħhom;jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għan-natura sensittiva u strateġika ħafna tar-riċerka dwar id-difiża, kemm għall-kompetittività industrijali kif ukoll għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni; jitlob li jitqiesu b'mod xieraq l-ewwel tagħlimiet li ttieħdu mill-implimentazzjoni tal-EDIDP, b'mod partikolari dwar l-applikazzjoni tad-derogi għall-entitajiet eliġibbli, tal-proġett pilota u tal-azzjoni preparatorja tal-Unjoni fir-rigward tar-riċerka dwar id-difiża; jitlob li l-Istati Membri jkunu involuti bis-sħiħ fil-proċess deċiżjonali inkwantu huma l-klijenti finali tal-industriji tad-difiża, bil-għan li jiġi żgurat li l-programmi jilħqu l-bżonnijiet strateġiċi tal-PSDK u tal-Istati Membri; iqis li s-suċċess tal-FED se jiddependi mill-kapaċità tiegħu li jintegra l-bżonnijiet speċifiċi tad-difiża tal-Istati parteċipanti, jippromwovi l-materjal ta' difiża li jista' jintuża u jiggarantixxi d-disponibbiltà ta' biżżejjed riżorsi baġitarji filwaqt li jiżgura li l-għarfien espert industrijali ma jiġix idduplikat, li l-investimenti fil-qasam tad-difiża nazzjonali jkunu kkomplementati u li l-kooperazzjoni ma ssirx eċċessivament ikkumplikata u tissejjes fuq l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà tal-armamenti u tat-tagħmir militari komuni tal-UE' iqis li l-iżvilupp tal-industrija Ewropea tad-difiża, billi jiġi rregolat l-aċċess tal-entitajiet ikkontrollati minn partijiet terzi mhux tal-UE għall-proġetti ffinanzjati mill-Fond, huwa konformi bis-sħiħ mal-ambizzjoni Ewropea tal-awtonomija strateġika u ma jmurx kontra l-interessi ta' sigurtà u difiża tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

78.Jittama li fl-ebda każ id-deċiżjonijiet dwar il-parteċipazzjoni ta' partijiet terzi fi proġetti tal-PESCO ma jippreġudikaw il-kundizzjonijiet maqbula fin-negozjati dwar il-FED u l-EDIDP, billi l-finanzjament ta' dawn il-programmi jevidenzja l-valur miżjud Ewropew;

79.Jenfasizza d-dimensjoni strateġika tas-settur spazjali għall-Ewropa, iqis li politika spazjali ambizzjuża tista' tikkontribwixxi b'mod effikaċi għat-titjib tal-PSDK u jissottolinja l-ħtieġa li jsir progress fl-iżvilupp ta' teknoloġiji li għandhom applikazzjonijiet kemm ċivili kif ukoll militari li huma kapaċi jiżguraw l-awtonomija strateġika Ewropea; jilqa' favorevolment l-inklużjoni fil-QFP li jmiss tal-proposta għal regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi programm spazjali tal-UE u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali biex tingħata spinta lir-rwol ta' tmexxija tal-UE fis-settur spazjali; itenni l-proposta tiegħu għall-finanzjament tal-programm sal-ammont massimu ta' EUR16,9-ilbiljun; jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fil-livell tas-servizzi satellitari fl-UE (Galileo, Copernicus, EGNOS); jenfasizza l-bżonn, għall-finijiet tal-awtonomija deċiżjonali u operattiva tal-Unjoni, li jkunu disponibbli mezzi satellitari adegwati fl-oqsma tat-teħid ta' immaġnijiet spazjali, tal-ġbir tal-informazzjoni, tal-komunikazzjonijiet u tas-sorveljanza tal-ispazju; jisħaq fuq l-importanza għall-UE li jkollha aċċess awtonomu għall-ispazju; iqis li s-servizzi spazjali għandhom ikunu kompletament operattivi sabiex jappoġġjaw il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK permezz ta' immaġnijiet bis-satellita b'riżoluzzjoni għolja; jisħaq fuq il-bżonn li jiġu ffinanzjati, permezz tal-FED, proġetti industrijali b'dimensjoni spazjali li fihom l-Unjoni jista' jkollha tabilħaqq valur miżjud;

80.Jenfasizza li l-komunikazzjonijiet bis-satellita huma elementi essenzjali għad-difiża, għas-sigurtà, għall-għajnuna umanitarja, għall-interventi urġenti u għall-komunikazzjoni diplomatika u li huma element fundamentali għall-missjonijiet ċivili u għall-operazzjonijiet militari; jilqa' favorevolment l-inizjattiva fil-qasam tal-komunikazzjoni governattiva bis-satellita (GOVSATCOM) li se tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni billi tagħti lill-Istati Membri aċċess garantit għal telekomunikazzjonijiet satellitari siguri;

81.Jitlob analiżi urġenti tal-applikazzjonijiet ċivili possibbli tal-kapaċitajiet ġeospazjali taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea; jemmen li, lil hinn mis-sigurtà, il-kapaċitajiet satellitari tal-UE għandhom jintużaw bħala sostenn tal-attivitajiet tal-UE u tal-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-oqsma tal-migrazzjoni, tal-agrikoltura, tal-ġestjoni forestali, tat-tiftix għal riżorsi naturali, tas-sigurtà tal-fruntieri, tal-istat tal-icebergs u ta' bosta aspetti oħra;

82.Jenfasizza l-vulnerabbiltà tal-infrastrutturi spazjali fil-konfront tal-indħil, tal-attakki u ta' sensiela ta' theddid ieħor, inklużi kolliżjonijiet ma' skart spazjali u satelliti oħra; itenni li huwa importanti li jiġu żgurati s-sigurtà tal-infrastrutturi u tal-mezzi ta' komunikazzjoni kritiċi kif ukoll li jiġu żviluppati teknoloġiji reżiljenti; huwa tal fehma li jeħtieġ li jissaħħu l-kapaċitajiet biex jiġi indirizzat it-theddid emerġenti fl-ambitu spazjali, u jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni, bħala parti mill-programm spazjali, biex jissaħħu s-servizzi attwali ta' sorveljanza u insegwiment fl-ispazju (SST);

83.Jenfasizza li llum numru dejjem akbar ta' potenzi għandu kapaċitajiet militari fl-ispazju; ifakkar fil-prinċipju kontra l-"arsenalizzazzjoni" tal-ispazju stabbilit mid-dritt internazzjonali; josserva, madankollu, li ċerti potenzi kisru dan il-prinċipju billi ressqu proposta għal leġiżlazzjoni biex titwaqqaf forza armata speċjalizzata fl-ambjent spazjali fil-veru sens tal-kelma u jiddefinixxu l-ispazju bħala ambitu ta' kunflitt armat; huwa tal-fehma li l-Unjoni jeħtiġilha tikkundanna din it-tendenza ta' arsenalizzazzjoni tal-ispazju kif ukoll l-implimentazzjoni ta' deterrenti spazjali maħsuba biex jimminaw il-kapaċitajiet spazjali tal-għedewwa, peress li dawn il-fenomeni huma sinjali ta' sitwazzjoni ta' instabbiltà strateġika;

84.Huwa tal-fehma li d-Direttorat Ġenerali futur għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju fi ħdan il-Kummissjoni għandu janalizza s-sinerġiji bejn il-programmi spazjali Ewropej u l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża ta' Novembru2016, biex tkun garantita l-konsistenza ġenerali ta' dan is-settur strateġiku;

85.Jinsab konvint li l-Unjoni għandha interess vitali fl-implimentazzjoni ta' ambjent marittimu sikur u miftuħ u li jippermetti l-passaġġ ħieles ta' oġġetti u ta' persuni; jisħaq fuq il-fatt li l-libertà ta' navigazzjoni hija fundamentali u ma tistax tiġi kompromessa; josserva li l-biċċa l-kbira tar-riżorsi strateġiċi, l-infrastruttura kritika u l-kapaċitajiet huma taħt il-kontroll tal-Istati Membri u li r-rieda tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni hija ta' importanza kbira għas-sigurtà Ewropea; jafferma mill-ġdid ir-rwol tal-Unjoni bħala fornitur tas-sigurtà marittima fuq livell dinji u jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati kapaċitajiet militari u ċivili rilevanti; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, ir-reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea f'Ġunju2018;

86.Jemmen li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw theddid mingħajr preċedenti fil-forma ta' attakki ċibernetiċi, kriminalità u terroriżmu ċibernetiċi min-naħa ta' atturi statali u mhux statali; jisħaq fuq il-fatt li l-inċidenti ċibernetiċi sikwit ħafna għandhom element transfruntier u, għaldaqstant, jikkonċernaw aktar minn Stat Membru wieħed tal-UE; jemmen li n-natura tal-attakki ċibernetiċi tagħmilhom theddida li tirrikjedi risposta fil-livell tal-Unjoni li tinkludi kapaċitajiet komuni ta' sostenn analitiku; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu assistenza reċiproka f'każ ta' attakk ċibernetiku kontra kwalunkwe wieħed minnhom;

87.Iqis bħala essenzjali li l-UE u n-NATO mhux biss ikomplu iżda jintensifikaw il-kondiviżjoni tal-intelligence sabiex jippermettu l-attribuzzjoni formali tal-attakki ċibernetiċi u, konsegwentement, jippermettu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet restrittivi fuq dawk responsabbli minn tali attakki; iqis neċessarja ż-żamma ta' interazzjoni attiva bejn l-UE u n-NATO permezz tal-parteċipazzjoni u f'eżerċizzji ċibernetiċi u taħriġ konġunt fis-settur tas-sigurtà u d-difiża ċibernetiċi;

88.Jitlob sors ta' finanzjament stabbli għat-Taqsima għall-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE, b'allokazzjonijiet sostanzjali għat-Task Force East StratCom;

89.Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill jintensifikaw l-isforzi tagħhom ta' bħalissa biex itejbu ċ-ċibersigurtà, b'mod partikolari għall-missjonijiet tal-PSDK, fost l-oħrajn billi jieħdu miżuri fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jittaffa t-theddid għall-PSDK, pereżempju bit-tisħiħ tar-reżiljenza permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-eżerċizzji u bis-semplifikazzjoni tal-offerta ta' edukazzjoni u taħriġ għaċ-ċiberdifiża tal-UE;

90.Jilqa' favorevolment l-isforzi biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tindirizza t-theddid magħruf bħala "ibridu", li huwa kombinazzjoni ta' pożizzjonijiet ambigwi, ta' pressjonijiet diretti u indiretti u ta' assoċjazzjoni ta' kapaċitajiet militari u mhux militari u li huwa kontinwità tal-isfidi tas-sigurtà interni u esterni li tiffaċċja l-UE; jieħu nota tar-riflessjonijiet dwar l-attivazzjoni tal-klawżola ta' assistenza reċiproka fir-rigward tat-theddid ibridu sabiex l-Unjoni Ewropea jkollha tweġiba komuni effikaċi;

91.Jirrikonoxxi l-importanza dejjem akbar tal-kapaċitajiet ta' intelligence ċibernetiċi u awtomatizzati; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-kapaċitajiet jirrappreżentaw theddid għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri kollha tal-UE jkomplu jtejbu t-teknoloġiji ċibernetiċi u awtomatizzati tagħhom; ikompli jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni f'dan il-progress teknoloġiku;

92.Jirrikonoxxi r-rwol dejjem aktar importanti tal-intelliġenza artifiċjali fid-difiża Ewropea; josserva, b'mod partikolari, il-bosta applikazzjonijiet militari li jirriżultaw mill-kontroll tal-intelliġenza artifiċjali biex jiġi ġestit u stimolat l-ambjent operattiv, tingħata għajnuna fil-proċess deċiżjonali, jiġi identifikat it-theddid u tiġi pproċessata l-informazzjoni miġbura; jenfasizza li l-iżvilupp ta' intelliġenza artifiċjali affidabbli fil-qasam tad-difiża hija teknoloġija indispensabbli biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika Ewropea fil-qasam tal-kapaċitajiet u dak operattiv; jistieden lill-Unjoni mhux biss tappoġġja iżda wkoll iżżid l-investimenti tagħha f'dan il-qasam u, b'mod partikolari, fit-teknoloġiji rivoluzzjonarji permezz tal-istrumenti eżistenti (Fond Ewropew għad-Difiża, Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, Orizzont Ewropa futur, programm Ewropa diġitali); jistieden lill-Unjoni tieħu sehem attiv fir-regolamentazzjoni dinjija tas-sistemi ta' armi letali awtonomi;

93.Josserva li għandhom jiġu żviluppati u applikati t-teknoloġiji emerġenti, fosthom l-intelliġenza artifiċjali, użati fis-sistemi tal-armi skont il-prinċipji tal-innovazzjoni responsabbli u l-prinċipji etiċi, bħar-responsabbiltà u r-rispett tad-dritt internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-UE jeħtiġilha teżamina il-possibbiltajiet tal-intelliġenza artifiċjali u tiggarantixxi, fl-istess ħin, ir-rispett totali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali, u tieħu kont tal-kunċett ferm kontroversjali tas-sistemi tal-armi totalment awtonomi;

94.Josserva li, skont ir-rapport tal-Europol tal-2019 dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu tal-UE, fl-2018 kien hemm żieda ġenerali fil-propaganda terroristika, fit-tutorials u fit-theddid kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN) u tnaqqsu l-ostakli għall-akkwiżizzjoni tal-għarfien dwar l-użu tal-armiCBRN; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn li tiżdied is-sigurtàCBRN fl-Ewropa;

95.Jirrikonoxxi kapaċità ġdida li se toffri lill-unitajiet fit-teatru tal-operazzjonijiet opportunitajiet ġodda biex jikkollaboraw f'ambjent diġitali immersiv u jibqgħu jkunu protetti kważi f'ħin reali, speċjalment meta l-5G ikun assoċjat ma' innovazzjonijiet oħra bħall-cloud tad-difiża u sistemi ta' difiża ipersoniċi;

96.Jissottolinja li, billi r-riskju ta' proliferazzjoni u użu ta' armi kimiċi jirrappreżenta theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, l-UE jeħtiġilha tkompli ssostni bil-qawwa u b'mod konsistenti l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fl-implimentazzjoni tal-mandat tiegħu, f'livell kemm politiku kif ukoll finanzjarju, u tintensifika r-reżiljenza tagħha għat-theddid ibridu u fl-ambituCBRN;

97.Josserva li kooperazzjoni fil-qasam tal-kapaċitajiet tinsab biss fi stadju bikri qabel ma l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-riżultati konkreti ta' kooperazzjoni kontinwa u msaħħa; jemmen li l-implimentazzjoni operattiva tal-ambizzjonijiet Ewropej hija waħda fit-tul u bbażata fuq rieda politika kontinwa min-naħa tal-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni flessibbli permezz ta' strumenti flessibbli u modulari li jiffaċilitaw l-approssimazzjoni tal-kulturi strateġiċi u l-interoperabbiltà bejn sħab volontiera u b'kapaċitajiet; jitlob kooperazzjoni spontanja jew mekkaniżmi ta' mutwalizzazzjoni bħall-EATC (Kmand Ewropew tat-Trasport bl-Ajru), li diġà wera l-effikaċja tiegħu, u jappoġġja l-estensjoni tiegħu għal oqsma oħra (ħelikopter, appoġġ mediku);

98.Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi applikata perspettiva tal-ġeneru fl-azzjoni tal-PSDK tal-UE, filwaqt li jitqies ir-rwol li n-nisa għandhom fil-gwerer, fl-istabbilizzazzjoni ta' wara kunflitt u fil-proċessi tal-konsolidament tal-paċi; jenfasizza l-ħtieġa li l-vjolenza sessista tiġi indirizzata bħala strument ta' gwerra f'reġjuni ta' kunflitt; jissottolinja li n-nisa huma affettwati b'mod aktar negattiv mill-gwerer meta mqabbla mal-irġiel; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jinvolvu lin-nisa b'mod attiv fil-proċessi ta' paċi u stabbilizzazzjoni, u jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tas-sigurtà tagħhom;

99.Josserva l-importanza dejjem akbar tas-sigurtà fl-ispazju u tas-satelliti; jisħaq fuq l-importanza taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u jitlob lill-aġenzija tanalizza u tipproduċi rapport dwar is-sigurtà tas-satelliti tal-UE u tal-Istat Membru u/jew dwar il-vulnerabbiltajiet tagħhom għall-iskart spazjali, għall-attakki ċibernetiċi u għall-attakki missilistiċi diretti;

Kooperazzjoni ta' difiża u sħubijiet tal-PSDK

100.Jenfasizza li l-ambizzjoni tal-awtonomija strateġika Ewropea hija bbażata fuq il-kapaċità tal-Ewropej li jaġixxu biex jiddefendu l-interessi tagħhom, kemm b'mod awtonomu jew, preferibbilment, fil-qafas ta' kooperazzjoni istituzzjonali (NATO, Nazzjonijiet Uniti);

101.Iqis li l-multilateraliżmu huwa valur essenzjali għas-sigurtà u d-difiża u jissottolinja li l-UE se tirriżulta bħala attur effikaċi u kredibbli tas-sigurtà biss jekk azzjonijietha jkunu bbażati fuq kooperazzjoni sostenibbli u sħubijiet strateġiċi ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet li jikkondividu l-valuri tal-Unjoni; jilqa' favorevolment, barra minn hekk, il-kontributi li s-sħab tal-PSDK jagħtu lill-missjonijiet u lill-operazzjonijiet tal-Unjoni;

102.Jisħaq fuq il-fatt li s-sħubijiet u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi u mal-organizzazzjonijiet li jikkondividu l-istess valuri tal-UE jikkontribwixxu għal PSDK aktar effikaċi; jilqa' favorevolment il-kontributi tas-sħab tal-PSDK għall-missjonijiet u għall-operazzjonijiet tal-UE li għaddejjin bħalissa li jikkontribwixxu biex jissaħħu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;

103.Jenfasizza li wara l-Brexit l-UE u r-Renju Unit xorta se jikkondividu l-istess ambjent strateġiku u l-istess theddid għall-paċi u s-sigurtà tagħhom u iqis għaldaqstant essenzjali li tinżamm kooperazzjoni b'saħħitha, stretta u speċjali fis-settur tad-difiża u tas-sigurtà bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara l-Brexit; jenfasizza li l-ħidma b'kooperazzjoni mar-Renju Unit se tipprovdi lill-Unjoni kapaċitajiet tal-ogħla livell fil-qasam tal-kapaċitajiet u dak operattiv; iqis li mhuwiex il-każ li tkun prevista kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża li teskludi lir-Renju Unit b'mod sistematiku; jipproponi li jiġi konkluż trattat ta' difiża u ta' sigurtà mar-Renju Unit li permezz tiegħu dan ikun jista' jipparteċipa kemm jista' jkun fl-istrumenti tal-Unjoni;

104.Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol fundamentali tan-NATO fid-difiża kollettiva, kif rikonoxxut b'mod espliċitu fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jemmen li s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà li l-Ewropa u l-viċinat tagħha jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom; jemmen li l-kooperazzjoni EU-NATO għandha tissaħħaħ reċiprokament, tieħu kont sħiħ tal-ispeċifiċitajiet u tar-rwoli ta' kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet u tkompli turi rispett sħiħ lill-prinċipji ta' inklużività u reċiproċità u l-awtonomija deċiżjonali taż-żewġ organizzazzjonijiet, partikolarment meta jkunu involuti l-interessi komuni jew tal-UE; jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni UE-NATO permezz tal-eżerċizzju Defender-Europe20 u jqis li dan l-eżerċizzju jikkostitwixxi opportunità reali biex tiġi sperimentata l-kapaċità tal-Ewropa li tirreaġixxi għal atti ta' aggressjoni, iżda wkoll jiġu eżaminati l-iżviluppi u t-titjib fil-qsim tal-fruntieri u fil-mobbiltà militari;

105.Josserva l-importanza tas-sħubija bejn l-UE u n-NU fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti internazzjonali u fl-attivitajiet ta' konsolidament tal-paċi; jistieden liż-żewġ organizzazzjonijiet jikkoordinaw aktar l-isforzi tagħhom fiż-żoni fejn jistazzjonaw missjonijiet ċivili u militari importanti, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu massimizzati s-sinerġiji;

106.Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-istituzzjonijiet internazzjonali l-oħra, b'mod partikolari l-Unjoni Afrikana u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni (OSKE); iqis li l-Unjoni għandha ssaħħaħ ukoll id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi li jikkondividu l-valuri u l-prijoritajiet strateġiċi tagħha kif ukoll mal-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

107.Jappoġġja, b'mod parallel mal-kooperazzjoni u s-sħubijiet istituzzjonali, il-kombinazzjoni ta' forom differenti ta' kooperazzjoni flessibbli, multidimensjonali, miftuħa u fl-istess ħin operattivi, ambizzjużi u impenjattivi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-istrutturi tal-UE, tan-NATO u tan-NU, li jistgħu jiffaċilitaw l-impenji konġunti fl-operazzjonijiet u b'hekk isaħħu l-objettivi operattivi tal-Unjoni; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-eżempji ta' kooperazzjoni bħall-Inizjattiva Ewropea ta' Intervent, il-Kooperazzjoni Nordika għad-Difiża (NORDEFCO), il-Grupp ta' Visegrád jew l-integrazzjoni dejjem akbar tal-forzi armati Ġermaniżi u Netherlandiżi jagħmlu parti minn din il-loġika ta' tisħiħ tal-kooperazzjoni militari bejn l-Istati Membri;

108.Jirrikonoxxi li l-istabbiltà politika u ekonomika, flimkien mal-kapaċitajiet militari u mal-kooperazzjoni fl-Afrika Sub-Saħarjana, huma fundamentali biex tittaffa ż-żieda fl-attività ġiħadista u l-kriżijiet tal-migranti u biex ikunu miġġielda t-tixrid u l-influwenza tal-estremiżmu;

109.Jirrikonoxxi u jsostni l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) fil-Libja, li assistiet fit-tranżizzjoni lejn id-demokrazija billi forniet taħriġ u servizzi ta' konsulenza fis-settur tas-sigurtà tal-fruntieri u ħadmet biex tiżviluppa s-sigurtà tal-fruntieri fil-konfini Libjani tal-art, tal-ajru u tal-baħar;

110.Jistieden lill-UE żżomm l-impenji li ħadet fir-Raba' Summit UE-Afrika biex issostni l-istabbiltà ekonomika u politika u l-kapaċitajiet tal-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront;

111.Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jkomplu l-kooperazzjoni mal-Unjoni Afrikana u jonoraw l-impenji li ħadu s'issa;

112.Jirrikonoxxi l-valur politiku, ekonomiku, ambjentali, tas-sigurtà u strateġiku dejjem akbar taċ-Ċirku Artiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jikkooperaw mal-Kunsill tal-Artiku fil-kwistjonijiet kollha ta' interess għall-UE u jifformulaw strateġija komprensiva għar-reġjun;

Qafas istituzzjonali

113.Iqis li l-progress fil-qasam tad-difiża Ewropea jwitti t-triq għal bidliet strutturali importanti; jilqa' pożittivament t-tħabbira tal-ħolqien ta' Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissarju għas-Suq Intern; jilqa' pożittivament il-fatt li dan id-DĠ il-ġdid se jkun responsabbli biex jappoġġja, jikkoordina u jikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tad-difiża Ewropea u b'hekk se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-awtonomija strateġika Ewropea; jieħu nota tad-definizzjoni tal-ħames kompiti prinċipali tiegħu (implimentazzjoni u kontroll tal-FED, ħolqien ta' suq Ewropew tat-tagħmir ta' difiża miftuħ u kompetittiv, implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari, tisħiħ ta' industrija spazjali b'saħħitha u innovattiva, implimentazzjoni tal-programm spazjali futur); jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika f'aktar dettall dwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet tad-DĠ il-ġdid; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippreżenta pjan li jispjega l-mod kif se tikkoordina xogħolha mal-istrutturi l-oħra attivi fil-qasam tal-politika tad-difiża b'responsabbiltajiet oħra (l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, is-SEAE, eċċ.), bil-għan li timmassimizza l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi disponibbli u tiżgura kooperazzjoni effikaċi;

114.Jimpenja ruħu li jiggarantixxi monitoraġġ u skrutinju parlamentari rigoruż tal-missjonijiet, tal-istrumenti u tal-inizjattivi fl-ambitu tad-difiża Ewropea; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kunsill u lid-diversi strutturi Ewropej ikkonċernati jirrapportaw regolarment lis-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża dwar it-tlestija tal-mandat tagħhom;

115.Jitlob li titfassal strateġija Ewropea ta' difiża, peress li hija komplement neċessarju tal-Istrateġija Globali tal-2016 u qafas għall-orjentament u l-ippjanar, it-tnejn li huma kruċjali għall-implimentazzjoni effikaċi tal-istrumenti u tar-riżorsi l-ġodda;

116.Jevidenzja li, filwaqt li jiġu rispettati t-tradizzjonijiet tan-newtralità militari f'għadd ta' Stati Membri, huwa kruċjali li jiġi żgurat l-appoġġ taċ-ċittadini tal-UE biex tintrifed l-ambizzjoni politika tal-politika ta' difiża tal-UE; jissottolinja l-fatt li, skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, tliet kwarti taċ-ċittadini tal-UE huma favur li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, u b'hekk jappoġġjaw politika ta' difiża u sigurtà komuni għall-Istati Membri, perċentwal li, mill-2004 'l hawn baqa' ogħla minn 70%;

117.Jitlob li jittieħdu passi progressivi lejn politika ta' difiża komuni (l-Artikolu 42(2) tat-TUE) u, imbagħad, difiża komuni, filwaqt li jissaħħu wkoll l-approċċi ta' prevenzjoni u riżoluzzjoni tal-kunflitti, anki permezz ta' żieda fir-riżorsi finanzjarji, amministrattivi u umani ddedikati għall-medjazzjoni, id-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni, il-bini tal-paċi u r-risposti immedjati għall-kriżijiet;

118.Iqis li White Paper tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża tkun għodda strateġika essenzjali biex tissaħħaħ il-governanza tal-politika ta' difiża tal-UE u li, hi u tiddefinixxi b'mod progressiv l-Unjoni Ewropea tad-Difiża, ikun jipprevedi ppjanar strateġiku fit-tul u jippermetti s-sinkronizzazzjoni gradwali taċ-ċikli ta' difiża fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ ifasslu għodda bħal din, bil-għan li jinkluduha, fost oħrajn, fl-ippjanar tal-QFP, bl-objettiv ulterjuri li tkun żgurata l-konsistenza bejn il-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE fil-qasam tas-Sigurtà u d-Difiża, il-CARD u l-PESCO;

119.Ifakkar fl-eżistenza tal-Artikolu44 tat-TUE, li jipprevedi aktar flessibbiltà u jintroduċi l-possibbiltà li tiġi fdata l-implimentazzjoni ta' kompiti ta' ġestjoni tal-kriżijiet lil grupp ta' Stati Membri, li jwettqu tali kompiti f'isem l-UE u taħt il-kontroll politiku u l-gwida strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u tas-SEAE;

120.Jisħaq fuq il-fatt li l-Konferenza li ġejja dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tinkludi riflessjonijiet fuq il-futur tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża u, b'mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi stabbilita forza ta' intervent Ewropea mogħnija b'kapaċitajiet ta' difiża biżżejjed effikaċi biex twettaq attivitajiet ta' żamma tal-paċi u ta' prevenzjoni tal-kunflitti u biex issaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont il-Karta tan-NU u l-kompiti previsti fl-Artikolu43(1) tat-TUE;

121.Iwissi dwar il-multipliċità ta' atturi istituzzjonali u s-sovrappożizzjoni tal-ambjent tad-difiża tal-UE; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jirriflettu dwar il-mod kif dan l-ambjent jista' jittejjeb sabiex ikun jista' jinftiehem aħjar miċ-ċittadini, ikun aktar loġiku u koerenti mil-lat istituzzjonali u aktar effikaċi biex jilħaq l-objettivi;

122.Jappella għal riflessjoni dwar ir-rwol li l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għandu jkollha fid-definizzjoni progressiva ta' politika ta' difiża komuni tal-UE;

o
oo

123.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissarju għas-Suq Intern, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C93, 9.3.2016, p.144.
(2) ĠU C337, 20.9.2018, p.11.
(3) ĠU C356, 4.10.2018, p.130.
(4) ĠU C224, 27.6.2018, p.18.
(5) ĠU C263, 25.7.2018, p.125.
(6) ĠU C334, 19.9.2018, p.253.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0498.
(8) ĠU L200, 7.8.2018, p.30.
(9) Testi adottati, P8_TA(2019)0430.
(10) ĠU C224, 27.6.2018, p.50.
(11) ĠU C369, 11.10.2018, p.36.
(12) Testi adottati, P8_TA(2018)0514.
(13) Testi adottati, P8_TA(2018)0257.
(14) ĠU C238, 6.7.2018, p.89.
(15) ĠU C369, 11.10.2018, p.47.
(16) Testi adottati, P8_TA(2018)0513.
(17) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), tal-24ta'Ġunju2014, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-658/11, ECLI:EU:C:2014:2025.
(18) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill2008/944/PESK tat-8ta'Diċembru2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L335, 13.12.2008, p.99).

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' April 2020Avviż legali-Politika tal-privatezza