Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2023 dwar id-deterjorament tal-libertajiet fundamentali f’Hong Kong, b’mod partikolari l-każ ta’ Jimmy Lai ()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Hong Kong u dwar iċ-Ċina,
–wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi mindu r-reġim Ċiniż impona l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali (LSN) fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura f’Hong Kong iddeterjoraw b’mod allarmanti; billi r-RPĊ kisret bis-sħiħ il-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”, id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika u dik Sino-Portugiża u l-ICCPR;
B.billi Jimmy Lai ilu detenut minn Frar 2021 fuq akkużi foloz, akkużat taħt il-LSN b’kollużjoni ma’ forzi barranin u bi frodi; billi l-proċess tiegħu jibda f’Settembru 2023 u qed jiffaċċja piena possibbli ta’ għomor il-ħabs; billi l-avukat Brittaniku tiegħu ġie rrifjutat il-permess li jirrappreżentah fil-proċess; billi diversi mezzi tal-media indipendenti, bħal Apple Daily u Stand News, ġew imġiegħla jwaqqfu l-ħidma tagħhom;
C.billi l-priġunieri politiċi ġeneralment jinżammu l-ħabs għal perjodu twil ta’ arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża f’kundizzjonijiet diffiċli ħafna, filwaqt li ħafna minnhom ikollhom kundizzjonijiet serji tas-saħħa; billi dan kien il-każ għal rappreżentanti prominenti tal-kamp favur id-demokrazija bħal Jimmy Lai, Albert Ho, Benny Tai, Chow Hang-Tung, Lee Cheuk-yan, Joshua Wong u Cyd Ho;
1.Iħeġġeġ lill-Gvern ta’ Hong Kong jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet u jwaqqa’ l-akkużi kollha kontra Jimmy Lai u r-rappreżentanti u l-attivisti l-oħra kollha favur id-demokrazija li eżerċitaw il-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet bażiċi u d-drittijiet tal-bniedem tagħhom;
2.Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għas-Sa Chow Hang-tung, li tqiegħdet f’reklużjoni matul l-istrajk tal-ġuħ tagħha ta’ 34 siegħa, u għas-Sur Albert Ho, li l-pleġġ tiegħu ġie revokat għal raġunijiet legali arbitrarji u li għandu kanċer;
3.Itenni l-appelli tiegħu lill-Kunsill biex jintroduċi sanzjonijiet immirati taħt ir-reġim globali ta’ sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem kontra John Lee u l-uffiċjali l-oħra kollha ta’ Hong Kong u tar-RPĊ responsabbli għar-repressjoni kontinwa tad-drittijiet tal-bniedem f’Hong Kong;
5.Jistieden lis-SEAE jappoġġja b’mod adegwat lill-Uffiċċju tal-UE f’Hong Kong biex jintensifika l-osservazzjoni tal-proċessi, b’koordinazzjoni mar-rappreżentanzi tal-Istati Membri tal-UE u ta’ pajjiżi tal-istess fehma, jimmonitorja d-drittijiet tal-bniedem billi joħroġ dikjarazzjonijiet pubbliċi, u jistabbilixxi punt fokali dwar id-drittijiet tal-bniedem għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jqajjem il-każijiet tagħhom mal-awtoritajiet fil-livelli kollha; jistieden lis-SEAE u lill-Uffiċċju tal-UE jirrapportaw dwar l-aktar proċessi prominenti; jistieden lill-Uffiċċju tal-UE jitlob żjara fil-ħabs;
6.Jikkundanna t-tentattivi tal-awtoritajiet Ċiniżi li jieħdu fil-mira lill-komunitajiet tad-dijaspora ta’ Hong Kong fi ħdan l-UE; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jissospendu t-trattati ta’ estradizzjoni mar-RPĊ u Hong Kong;
7.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Gvern u lill-Parlament tar-RPĊ, u lill-Kap Eżekuttiv u lill-Kunsill Leġiżlattiv tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong.