Kliem il-ħoss
Kelmtejn ta’ merħba

Merħba fi ħdan il-Kumitat FEMM.
Huwa ta' unur għalija li nkun il-President il-ġdid tal-Kumitat FEMM. Ilni ħafna niġġieled għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u kburi bil-ħidma ta' dan il-kumitat, iżda għad hemm ħafna sfidi li rridu nħabbtu wiċċna magħhom.
Il-pandemija tal-COVID affettwat b'mod sproporzjonat lin-nisa u l-bniet f'għadd kbir ta' modi. Minn żieda fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru, għal piż akbar ta' kura, mill-impatt ekonomiku fuq setturi komposti b'mod sproporzjonat min-nisa, għan-nuqqas ta' sigurtà tal-kuntratti tax-xogħol. L-irkupru għandu għalhekk iqiegħed lin-nisa fil-qalba tas-soluzzjonijiet, u dan se mmexxuh 'il quddiem aħna wkoll permezz tal-ħidma tagħna, bħal pereżempju dwar it-trasparenza fil-pagi jew in-nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji.
Se nibqgħu b'saħħitna kontra r-rigressjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-azzjonijiet diskriminatorji sfaċċati li qed naraw fid-dell tal-pandemija. L-UE ma tistax tippermetti lill-Istati Membri jiddiskriminaw b'mod attiv kontra n-nisa, il-komunità LGBTIQ+, jew gruppi vulnerabbli oħra - dan imur kontra l-qalba tal-valuri tal-UE u jrid jiġi penalizzat b'mod ċar. Huwa kruċjali li lkoll niġbdu ħabel wieħed għall-valuri u t-twemmin tagħna minkejja l-oppożizzjoni.
Bħala raġel, nemmen li huwa vitali li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri titqies bħala l-kawża ta' kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru. Għandna ninvolvu lis-subien u lill-irġiel, u għandi l-għan li nuża l-mandat tiegħi bħala President biex nuri r-rwol importanti li għandu jkollna bħala alleati u difensuri.
Nistednuk tipparteċipa u tgħin.
Robert Biedroń