MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
20.1.2025-()
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Adam Bielan, Mariusz Kamiński, Małgorzata Gosiewska, Joachim Stanisław Brudziński, Rihards Kols, Ondřej Krutílek, Jaak Madison, Ivaylo Valchev, Sebastian Tynkkynen, Veronika Vrecionová, Roberts Zīle, Aurelijus Veryga, Maciej Wąsik, Michał Dworczyk, Cristian Terheş, Reinis Pozņaks, Alexandr Vondra
f’isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B10-0074/2025
10‑0079/2025
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar il-proklamazzjoni tat-23 ta’ Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta’ Tifkira tal-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Nażiżmu[1],
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-tifkira tal-istorja, inklużi r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-2 ta’ April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu[2], tad-19 ta’ Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa[3], u tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar id-90 sena wara l-Holodomor: ir-rikonoxximent tal-qtil tal-massa bil-ġuħ bħala ġenoċidju[4],
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja,
–wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni1481 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħtieġa ta’ kundanna internazzjonali tad-delitti tar-reġimi totalitarji Komunisti,
–wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Nru 3078-IX tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna tat-2 ta’ Mejju 2023 dwar l-użu, mir-reġim politiku tal-Federazzjoni Russa, tal-ideoloġija tar-Russofaxxiżmu u l-kundanna tal-bażijiet u l-prattiki ta’ din l-ideoloġija bħala totalitarji u miżantropiċi,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi fl-2025 jaħbat il-85 anniversarju tal-Patt Molotov-Ribbentrop u tal-protokolli sigrieti tiegħu, li permezz tagħhom Stalin u Hitler ikkonfoffaw biex jaqsmu lill-Ewropa fi sferi ta’ influwenza bejn żewġ reġimi totalitarji, il-Ġermanja Nażista u l-Unjoni Sovjetika, u li wittew it-triq biex faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, li wasslet għal livelli bla preċedent ta’ tbatija umana u għall-okkupazzjoni ta’ pajjiżi fl-Ewropa għal għexieren ta’ snin;
B.billi l-konklużjoni tal-protokolli sigrieti tal-Patt Molotov-Ribbentrop, li pprevedew l-ippjanar u l-bidu ta’ gwerra ta’ aggressjoni, ikkostitwiet delitt internazzjonali kontra l-paċi, li ma jista’ jinstab ebda ġustifikazzjoni għalih fid-dritt internazzjonali;
C.billi, mill-2009, it-23 ta’ Awwissu jiġi kkommemorat bħala l-Jum Ewropew ta’ Tifkira għall-Vittmi tar-Reġimi Totalitarji u Awtoritarji kollha;
D.billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa, il-Parlament Ewropew ippropona li l-25 ta’ Mejju (l-anniversarju tal-eżekuzzjoni ta’ Witold Pilecki, eroj ta’ Auschwitz) jiġi stabbilit bħala l-Jum Internazzjonali tal-Eroj tal-Ġlieda Kontra t-Totalitarjaniżmu;
E.billi, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, nofs l-Ewropa saret ħielsa u demokratika, filwaqt li n-nofs l-ieħor baqa’ wara l-Purtiera tal-Ħadid ikkontrollat mill-Unjoni Sovjetika totalitarja, li imponiet brutalment ir-reġimi Komunisti satelliti tagħha, li qasmu l-kontinent għal nofs seklu, filwaqt li l-konsegwenzi ta’ din il-qasma għadhom jinħassu sal-lum;
F.billi għexieren ta’ miljuni ta’ nies ġew iġġustizzjati, ippersegwitati politikament u ġarrbu atroċitajiet mis-Sovjetiċi matul u wara t-Tieni Gwerra Dinjija, inklużi bejn 18-il miljun ruħ u 20 miljun ruħ li ġew inkarċerati fil-kampijiet tax-xogħol furzat tas-sistema tal-Gulag, li minnhom bejn 1,5 miljun u 2 miljuni ma ssopravivewx, 6 miljun ruħ li ġew iddeportati bil-forza u kważi 5 miljun ruħ li ġew repressi politikament mill-istrutturi tas-sigurtà, li minnhom mill-inqas 1 miljun suċċessivament ġew iġġustizzjati; billi l-ġenoċidju permezz tal-Holodomor organizzat mir-reġim Komunista tal-USSR fl-Ukrajna fl-1932-1933 wassal għal telf demografiku stmat ta’ minimu ta’ 4,5 miljun ruħ; billi, bħala mezz biex jissottomettu lin-nazzjonijiet maħkuma u lill-popli indiġeni, ir-reġim Sovjetiku wettaq ġenoċidju kontra t-Tartari tal-Krimea, iċ-Ċeċeni u popli oħra, li kien jixbah lill-ġenoċidju Ċirkassjan imwettaq mill-Imperu Russu fis-seklu 19; billi għexieren ta’ eluf ġew furzati jitilqu minn pajjiżhom biex jaħarbu mill-invażjoni tal-Armata l-Ħamra, u ħafna minnhom mietu filwaqt li l-biċċa l-kbira ta’ dawk li baqgħu ħajjin wara l-vjaġġ qatt ma reġgħu rritornaw f’pajjiżhom;
G.billi r-Russja naqset milli tirrikonoxxi r-rwol tagħha fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, milli tassumi r-responsabbiltà tagħha għall-atroċitajiet imwettqa fit-territorji okkupati mill-Unjoni Sovjetika jew milli tipprovdi rimedju lill-vittmi; billi, għall-kuntrarju tad-delitti mwettqa mir-reġim Nażista, id-delitti u l-ġenoċidji mwettqa mid-dittatorjati Komunisti fl-Ewropa fis-seklu 20, bħad-deportazzjonijiet tal-massa mill-Istati Baltiċi, mill-Polonja u minn pajjiżi oħra, l-eżekuzzjonijiet tal-massa bħall-massakru ta’ uffiċjali Pollakki fil-foresta ta’ Katyn, il-massakru ta’ uffiċjali tal-armata Latvjana f’Litene, ir-Roundup ta’ Augustów tal-1945, il-ħolqien u l-operat tal-kampijiet ta’ konċentrament u l-Gulag jew il-karestija kkaġunata mill-bniedem fl-Ukrajna, l-invażjonijiet biex titrażżan ir-Rivoluzzjoni Ungeriża tal-1956 u r-Rebbiegħa ta’ Praga fl-1968, ma kinux soġġetti għal valutazzjoni u kundanna ġuridiċi u politiċi sħaħ fil-livell internazzjonali, u dan ikkontribwixxa għall-istrumentalizzazzjoni tal-istorja taħt ir-reġim ta’ Putin fir-Russja;
H.billi r-Russja, bħala l-Istat li jiddikjara li huwa kemm il-kontinwatur kif ukoll is-suċċessur tal-Unjoni Sovjetika u tal-Imperu Russu, tkompli tiddikjara b’mod falz li għandha sfera ta’ influwenza esklużiva li tħaddan l-Istati tal-viċinat tagħha u tiċħad b’mod attiv is-sovranità, l-identità nazzjonali u d-dritt tagħhom li jeżistu, u b’hekk tipperpetwa l-legat tal-Patt Molotov-Ribbentrop u tqajjem mill-ġdid l-ambizzjoni Kżarista ta’ konkwista u kolonizzazzjoni imperjali; billi l-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna, varata fl-24 ta’ Frar 2022, kienet preċeduta mit-talbiet assurdi tar-Russja li l-Istati Uniti u pajjiżi oħra tan-NATO jirrikonoxxu l-interessi esklużivi tagħha fl-Ukrajna u f’pajjiżi oħra eks Sovjetiċi, okkupati mis-Sovjetiċi u satelliti tas-Sovjetiċi;
I.billi l-politika imperjali kolonjali tar-Russja li għadha fis-seħħ irriżultat fl-invażjoni taċ-Ċeċenja, fl-aggressjoni militari kontra l-Georgia fl-2008, fl-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna bl-okkupazzjoni tal-Krimea u l-gwerra fid-Donbas fl-2014, u laħqet il-qofol tagħha bl-aggressjoni illegali, mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata fuq skala kbira mir-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, aggressjoni li permezz tagħha l-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna qed tiġi tterrorizzata sistematikament, l-infrastruttura strateġika tagħha qed tinqered, l-identità u l-patrimonju Ukreni qed jiġu mminati, u qed jitwettqu delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra b’turija ċara ta’ intenzjoni ta’ ġenoċidju fil-konfront tal-poplu Ukren;
J.billi r-Russja thedded sistematikament lill-pajjiżi tal-UE b’aggressjoni militari, u wettqet operazzjonijiet ta’ sabotaġġ u attakki kontra individwi fit-territorju tal-UE u tan-NATO; billi r-Russja qed twettaq gwerra ibrida kontra l-alleati tan-NATO, l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi kandidati għal adeżjoni fl-UE, u ġie ppruvat li ndaħlet fi proċessi demokratiċi tal-UE;
K.billi l-Kremlin qed juża l-falsifikazzjoni tal-istorja bħala casus belli, u qed jgħatti b’mod sistematiku d-delitti Sovjetiċi u jxerred diżinformazzjoni tal-istorja biex jiġġustifika l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Istati tal-viċinat tagħha; billi r-reġim ta’ Putin strumentalizza l-istorja f’tentattiv li jiżgura l-lealtà tal-popolazzjoni billi ħoloq nostalġija tal-kobor preżunt tal-imperu Sovjetiku, iffalsifika l-istorja tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, irrifjuta l-politika ta’ Khrushchev li tirrikonoxxi u tikkundanna d-delitti Stalinisti, irtira r-rikonoxximent u l-kundanna minn Gorbachev tal-Patt Molotov-Ribbentrop u tad-delitti sussegwenti, u ddikjara l-kollass tal-Unjoni Sovjetika bħala l-akbar traġedja tas-seklu preċedenti;
L.billi l-Russja qatt ma verament għamlet it-tranżizzjoni lejn Stat nazzjon postimperjali u, taħt Vladimir Putin, ġenerazzjonijiet ġodda ta’ Russi ġew żgwidati biex jadottaw l-identità imperjali tal-pajjiż; billi dan l-imperjaliżmu li ma jindimx mit-twemmin tiegħu kkontribwixxa direttament għall-invażjoni attwali fuq skala kbira tal-Ukrajna, u għadu theddida sinifikanti għas-sigurtà internazzjonali;
M.billi r-Russja qed tostakola r-riċerka tal-istorja, tirrifjuta l-aċċess għall-arkivji Sovjetiċi, u tippersegwita lill-istoriċi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed jaħdmu biex jinvestigaw u jivvalutaw id-delitti Sovjetiċi, kif ukoll id-delitti mwettqa mir-reġim attwali; billi t-tentattivi biex tintqal il-verità dwar dawk id-delitti, inkluż il-Patt Molotov-Ribbentrop, u dwar il-gwerra ta’ aggressjoni li għaddejja kontra l-Ukrajna qed jitrażżnu skont id-dritt Russu; billi sal-lum, Moska u r-reġim alleat tagħha f’Minsk irrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti dwar il-massakru ġenoċidali ta’ Katyn u r-Roundup ta’ Augustów, u ppruvaw jgħawġu l-verità dwar dawn id-delitti billi jsikktu r-riċerka, jippersegwitaw l-istoriċi u l-ġurnalisti, u jneħħu mill-ispazju pubbliku s-siti ta’ tifkira ddedikati lil dawn l-atroċitajiet Sovjetiċi orribbli;
N.billi l-ħabi u l-glorifikazzjoni tad-delitti Sovjetiċi, inkluża l-ġustifikazzjoni sħiħa tal-Patt Molotov-Ribbentrop u l-atti ta’ aggressjoni sussegwenti, id-dikjarazzjonijiet li r-Russja għandha żona ta’ interess esklużiv li jinkludi t-territorju kollu tal-eks Unjoni Sovjetika u l-eks imperu Kżarist Russu, flimkien mal-enfasi fuq is-superjorità u l-missjoni esklużiva falza tal-Istat Russu u r-rifjut tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt bħala valuri allegatament aljeni tal-Punent, saru l-pilastri ewlenin tal-ideoloġija ta’ “Ruxxiżmu” jew “Russofaxxiżmu”, li tifforma l-bażi tal-pożizzjoni imperjali u neokolonjali tar-Russja;
O.billi, f’xi Stati Membri, l-ideoloġiji u s-simboli Komunisti u Nażisti, kif ukoll is-simboli tal-aggressjoni Russa li għaddejja, huma pprojbiti bil-liġi;
P.billi, mill-2023, il-Parlament qed jorganizza kommemorazzjoni annwali tal-vittmi tad-deportazzjonijiet tal-massa Sovjetiċi, li matulha jingħata ġieħ lill-vittmi u jinqraw l-ismijiet ta’ dawk li ġew iddeportati mill-artijiet okkupati mis-Sovjetiċi;
1.Jirrikonoxxi r-responsabbiltà kondiviża tar-reġimi totalitarji kemm fil-Ġermanja Nażista kif ukoll fl-Unjoni Sovjetika għall-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija bl-għan tal-ħakma u l-qsim tal-Ewropa f’żewġ sferi ta’ influwenza esklużiva abbażi tal-Patt Molotov-Ribbentrop u tal-protokolli sigrieti tiegħu, u jikkundanna t-tentattivi reċenti ta’ Moska li timponihom mill-ġdid;
2.Jiddenunzja l-prattiki u d-dikjarazzjonijiet li jirrigwardaw l-istabbiliment ta’ żoni ta’ interess esklużiv askapitu tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Istati bħala inkompatibbli mad-dritt internazzjonali, skont liema kull Stat għandu dritt sovran li jagħżel il-futur tiegħu stess, inklużi l-alleanzi tiegħu fir-rigward tad-difiża; ifakkar li ebda kunsiderazzjoni, tkun xi tkun in-natura tagħha, kemm jekk politika, ekonomika, militari jew oħra, ma tista’ sservi bħala ġustifikazzjoni għall-aggressjoni;
3.Ifakkar li t-Tieni Gwerra Dinjija kienet il-kunflitt l-aktar brutali u li fih mietu l-aktar nies fl-istorja tal-bniedem; jirrikonoxxi, bħala konsegwenza tagħha, l-okkupazzjoni u d-delitti tal-massa mis-Sovjetiċi fil-konfront tal-popli u tan-nazzjonijiet li waqgħu taħt il-kontroll tal-imperu Sovjetiku, delitti li ma kinux soġġetti għal evalwazzjoni internazzjonali konsistenti u bbażata fuq il-prinċipji u li ma wasslux biex il-vittmi jingħataw rimedju xieraq; jenfasizza li l-iżgurar tal-akkontabbiltà huwa kundizzjoni essenzjali għall-prevenzjoni effettiva ta’ tali delitti fil-futur, u jinnota li l-impunità għad-delitti mhux evalwati tippermetti li dawn jiġu ripetuti;
4.Jiddispjaċih li l-Federazzjoni Russa ma rrikonoxxietx id-delitti Sovjetiċi, ma kkundannatx id-delitti Stalinisti u ma rrinunzjatx il-passat imperjali tagħha, ikkaratterizzat mill-approċċ kolonjali tagħha fil-konfront tal-Istati tal-viċinat tagħha u tan-nazzjonijiet maħkuma, u li dan jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi għall-mewġa ġdida tagħha ta’ gwerer imperjali ta’ aggressjoni;
5.Jenfasizza li kwistjonijiet ta’ dieqa u li għad mhumiex kompletament ċari, bħall-massakru ta’ Volyn tal-1943-45, qed jiġu sfruttati wkoll mir-Russja biex tiżra’ l-firda, u jistieden lill-awtoritajiet Ukreni jindirizzaw serjament din il-problema, filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li ssir tfittxija għall-vittmi, li l-fdalijiet tagħhom jiġu eżumati u li jiġi żgurat li jindifnu kif xieraq;
6.Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-invażjoni mir-Russja tal-Ukrajna, atti oħra ta’ aggressjoni bħall-okkupazzjoni u l-annessjoni tat-territorju tal-Ukrajna, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità li r-Russja wettqet fl-Ukrajna, il-politika tagħha ta’ deumanizzazzjoni tal-Ukreni u ċ-ċaħda tal-identità nazzjonali tagħhom;
7.Jesprimi tħassib kbir ħafna dwar l-istrateġija ta’ sigurtà nazzjonali tar-Russja, approvata minn Vladimir Putin fil-31 ta’ Diċembru 2015, li tadotta kunċetti aggressivi ġodda mid-duttrina militari tagħha ppubblikata fil-25 ta’ Diċembru 2014; jissottolinja li bidla fundamentali f’din l-istrateġija hija l-enfasi espliċita fuq il-protezzjoni “tal-valuri spiritwali-morali tradizzjonali Russi” mill-Punent, li tindika li r-Russja lesta tuża dawn il-valuri, kif ukoll l-istituzzjonijiet li jippromwovuhom, bħala arma;
8.Jikkundanna l-isfruttament tal-Ortodossija, min-naħa ta’ Moska, għal raġunijiet ġeopolitiċi, b’mod partikolari permezz tal-istrumentalizzazzjoni tal-Knisja Ortodossa Russa (Patrijarkat ta’ Moska) bħala għodda biex tinfluwenza u tikkontrolla l-popolazzjonijiet Ortodossi fl-Ukrajna, fil-Georgia u fil-Moldova;
9.Jikkundanna l-falsifikazzjoni u t-tgħawiġ sistematiċi tal-istorja mwettqa mill-Kremlin u mill-alleati tiegħu, li jintużaw bħala arma fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, bl-għan li jiġġustifika d-delitti tar-Russja u li jippromwovi n-nostalġija imperjali fl-imħuħ tal-popolazzjoni Russa;
10.Itenni r-rikonoxximent tiegħi tad-deportazzjoni tal-massa Sovjetiċi u tas-sistema tal-Gulag bħala delitt kontra l-umanità u tal-Holodomor bħala ġenoċidju kontra l-poplu Ukren; iqis id-deportazzjoni tat-Tartari tal-Krimea kollha fl-1994 u ta’ nazzjonijiet oħra, bħaċ-Ċeċeni, kif ukoll id-delitti mwettqa matul l-okkupazzjoni tal-Polonja mill-1939 ’il quddiem u tal-Istati Baltiċi u ta’ pajjiżi oħra, bħala ġenoċidju, inklużi d-deportazzjonijiet tal-massa lejn is-Siberja, il-massakru ta’ Katyn u r-Roundup ta’ Augustów;
11.Ifaħħar l-inizjattivi ġudizzjarji, leġiżlattivi, diplomatiċi u tas-soċjetà ċivili, kif ukoll inizjattivi oħra bl-għan li ssir ġustizzja u li jinbdew proċedimenti għad-delitti jew li jingħata rimedju lill-vittmi u kumpens għad-danni, kif ukoll ir-riċerka, is-sensibilizzazzjoni, ir-rikonoxximent u l-evalwazzjoni tad-delitti tat-totalitarjaniżmu fl-Ewropa, b’mod partikolari dawk tar-reġimi Nażisti u Komunisti; jinkoraġġixxi r-riċerka akkademika u l-edukazzjoni dwar l-istorja u l-kultura tal-Ewropa tal-Lvant u dwar il-kolonjaliżmu Russu mis-seklu 18 sas-seklu 21; ifakkar li l-pajjiżi li ġew inkorporati bil-forza fil-blokk Sovjetiku wara t-Tieni Gwerra Dinjija qatt ma ngħataw kumpens xieraq la mill-Ġermanja u lanqas mill-Unjoni Sovjetika, minkejja d-danni atroċi fl-infrastruttura u lill-popolazzjoni tagħhom ikkawżati miż-żewġ reġimi totalitarji;
12.Jissottolinja li ħafna vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija li huma ħajjin illum jiġu mċaħħda minn aċċess għall-qrati biex ikunu jistgħu jitolbu l-ġustizzja u kumpens għad-delitti mwettqa min-Nażisti u mis-Sovjetiċi; jistieden lill-Kummissjoni, u b’mod partikolari lill-Kummissarju Marta Kos, tiżviluppa mekkaniżmi effettivi li jiżguraw perkors ġuridiku ċar u rikonoxxut internazzjonalment biex il-vittmi kollha ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu t-talbiet tagħhom u jkunu jistgħu jirċievu reparazzjonijiet mill-Istat li wettaq id-delitti jew mis-suċċessur tiegħu;
13.Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jagħmlu valutazzjoni ċara u bbażata fuq il-prinċipji tad-delitti u l-atti ta’ aggressjoni mwettqa mir-reġimi totalitarji Komunisti u mir-reġim Nazista u tal-ħsara kawżata lill-vittmi; jappella għal kundanna f’livell internazzjonali tad-delitti Komunisti Sovjetiċi, pereżempju fin-NU; jappella għal sensibilizzazzjoni u integrazzjoni sistemika tal-istorja tad-delitti totalitarji Nażisti u Komunisti fil-kurrikuli tal-iskola fl-Istati Membri kollha tal-UE;
14.Jistieden lill-Istati Membri joħolqu proġetti ta’ tifikira u kommemorazzjoni tal-istorja;
15.Jiddispjaċih dwar l-użu kontinwu ta’ simboli ta’ reġimi totalitarji fl-ispazji pubbliċi u jappella għal projbizzjoni fl-UE kollha tal-użu kemm tas-simboli Nażisti u Komunisti Sovjetiċi, kif ukoll tas-simboli tal-aggressjoni attwali tar-Russja kontra l-Ukrajna; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-bini ta’ mafkar pan-Ewropew fi Brussell għall-vittmi tar-reġimi totalitarji tas-seklu 20;
16.Jirrispondi għall-appell tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna billi jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-ideoloġija imperjalista nazzjonalista, il-politika u l-prattiki “Russofaxxisti” tar-reġim Russu attwali, li jiffurmaw il-bażi tal-aggressjoni militari tar-Russja, tal-isforzi tagħha li tisfida l-ordni tas-sigurtà Ewropea u tat-theddid tagħha ta’ aggressjoni ulterjuri kontra l-Ewropa;
17.Jinnota bi tħassib li, matul is-snin, parti mill-istrateġija Russa biex tiġġustifika l-aggressjoni tagħha involviet il-falsifikazzjoni tal-istorja, inklużi l-qerda jew is-sakkeġġ tal-patrimonju nazzjonali; jissottolinja li dan huwa partikolarment evidenti matul l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, fejn il-forzi Russi serqu, issakkeġġaw jew qerdu għexieren ta’ eluf ta’ opri tal-arti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-restituzzjoni sħiħa tal-patrimonju kulturali tal-Ukrajna, kif ukoll it-Teżor Nazzjonali tar-Rumanija u l-patrimonju nazzjonali ta’ Stati Membri oħra affettwati, tingħata prijorità fi kwalunkwe azzjoni futura li tinvolvi l-Federazzjoni Russa;
18.Itenni l-appell tiegħu biex jitwaqqaf tribunal internazzjonali speċjali għall-kundanna tad-delitt ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, biex jintemmu l-impunità u n-nuqqas ta’ evalwazzjoni ċara tal-aggressjonijiet u l-atroċitajiet imperjalisti Sovjetiċi u Russi ripetuti mwettqa kontra l-pajjiżi tal-viċinat u dwar l-ideoloġija kollha li tifforma l-bażi ta’ dawk l-atti;
19.Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex tibda proċedimenti fir-rigward tad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u, possibbilment, il-ġenoċidju fl-ambitu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jikkundanna bil-qawwa l-każijiet ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-Qorti fl-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest;
20.Itenni l-appell tiegħu biex il-25 ta’ Mejju (l-anniversarju tal-eżekuzzjoni ta’ Witold Pilecki, eroj ta’ Auschwitz) jiġi stabbilit u ċċelebrat uffiċjalment bħala l-Jum Internazzjonali tal-Eroj tal-Ġlieda kontra t-Totalitarjaniżmu, li jkun turija ta’ rispett u ġieħ lil dawk kollha li, billi ġġieldu kontra t-tirannija, taw xhieda tal-eroiżmu tagħhom u ta’ mħabba vera fil-konfront tal-umanità, u b’hekk taw lill-ġenerazzjonijiet tal-futur eżempju ċar tal-mod korrett li bih għandhom iġibu ruħhom meta jħabbtu wiċċhom mat-theddida tat-tjassir totalitarju;
21.Jemmen li l-legat distruttiv tal-Patt Molotov-Ribbentrop jista’ jintemm biss meta n-nazzjonijiet sovrani fil-viċinat tar-Russja li għandhom aspirazzjonijiet Ewro-Atlantiċi, bħall-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia, ikunu jistgħu jimplimentaw liberament l-għażliet tagħhom ta’ politika barranija mingħajr indħil jew ostakli;
22.Jemmen li l-introduzzjoni rapida ta’ riformi li jwasslu għall-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-Ukrajna u ta’ pajjiżi oħra fir-reġjun ikollha effett pożittiv fuq it-trasformazzjoni tar-Russja billi turi lill-popolazzjoni Russa li dawk il-pajjiżi m’għadhomx jappartjenu għall-isfera ta’ influwenza Russa u billi tipprovdi eżempju li jispira ta’ prosperità u żvilupp demokratiku abbażi tal-valuri Ewropej tad-drittjiet tal-bniedem u tal-paċi, li jista’ jissostitwixxi x-xewqa ta’ glorja imperjali nostalġika bix-xewqa ta’ benesseri ekonomiku u soċjali;
23.Isostni li rebħa militari sħiħa tal-Ukrajna hija l-unika triq lejn paċi sostenibbli fl-Ewropa u lejn it-tmiem tal-pożizzjoni imperjali tal-Federazzjoni Russa, peress li mhux biss ittemm it-tbatija tal-Ukreni, iżda tgħin ukoll lir-Russja tabbanduna l-mentalità u l-ideoloġija imperjalisti tagħha, u b’hekk tiftaħ possibbiltajiet ta’ tibdil demokratiku fir-Russja kif ukoll f’pajjiżi awtoritarji oħra bħall-Belarussja;
24.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Duma Russa, lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u lill-Assemblea Ġenerali tan-NU.