MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem
11.3.2019-()
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Laima Liucija Andrikienė, Sandra Kalniete, Esther de Lange, Cristian Dan Preda, David McAllister, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Dubravka Šuica, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Jaromír Štětina, Fernando Ruasf'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0177/2019
B8-0178/2019
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem
()
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li jappellaw għal mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' individwi involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viżi għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċeċenja u l-każ ta' Oyub Titiev[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2019 dwar l-istat tar-relazzjonijiet politiċi UE-Russja[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2017 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh'[6],
– wara li kkunsidra r-rapport tat-30 ta' Ottubru 2018 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, bit-titolu "Il-kwistjoni ta' Sergei Magnitsky u sitwazzjonijiet analogi: il-ġlieda kontra l-impunità permezz ta' sanzjonijiet immirati",
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fl-2003 u rieżaminati u aġġornati fl-2005, l-2009, l-2012 u l-2017,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Diċembru 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE dwar Jum id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fit-12 ta' Settembru 2018, li tipproponi li l-Istati Membri jagħmlu użu mill-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'ċerti oqsma tal-PESK tal-UE, bħal pereżempju li jirreaġixxu kollettivament għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li japplikaw sanzjonijiet effikaċi,
– wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' April 2018 dwar "Sanzjonijiet immirati kontra individwi li wettqu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem – l-impatt, ix-xejriet u l-prospetti fil-livell tal-UE",
– wara li kkunsidra l-proposta tal-14 ta' Novembru 2018 għal Kummissjoni Ewropea għall-Projbizzjoni ta' Dħul minħabba Ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Netherlandiż għal reġim ta' sanzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Titolu V, Kapitolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), dwar l-adozzjoni ta' sanzjonijiet fl-ambitu tal-PESK,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-adozzjoni ta' sanzjonijiet kemm kontra pajjiżi terzi kif ukoll kontra individwi, gruppi u entitajiet mhux statali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sanzjonijiet huma għodda essenzjali tal-PESK; billi s-sanzjonijiet matul dawn l-aħħar għoxrin sena saru parti integrali tas-sett ta' għodod tal-UE għar-relazzjonijiet esterni, b'aktar minn 40 miżura restrittiva differenti attwalment fis-seħħ kontra 34 pajjiż; billi huwa stmat li żewġ terzi tas-sanzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-UE ġew imposti b'appoġġ għall-għanijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;
B. billi s-sanzjonijiet jippruvaw iwasslu għal bidliet fil-politika jew fl-imġiba ta' dawk fil-mira, bil-ħsieb li jiġu promossi l-objettivi tal-PESK; billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-PESK huwa l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
C. billi s-sanzjonijiet huma mfassla biex jimminimizzaw il-konsegwenzi negattivi għal dawk li mhumiex responsabbli għall-politiki jew l-azzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħhom, b'mod partikolari fuq il-popolazzjonijiet ċivili lokali u fuq attivitajiet leġittimi fil-pajjiż ikkonċernat jew miegħu;
D. billi s-sanzjonijiet kollha adottati mill-UE huma konformi għalkollox mal-obbligi skont id-dritt internazzjonali, inklużi dawk relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi s-sanzjonijiet għandhom jiġu rieżaminati regolarment bil-għan li jiġi żgurat li dawn qed jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati tagħhom;
E. billi, minbarra s-sanzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li għandhom l-għan li joħolqu bidliet fl-imġiba tal-istati, dan l-aħħar l-UE introduċiet miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu tal-armi kimiċi u l-attakki ċibernetiċi, kif ukoll miżuri speċifiċi kontra t-terroriżmu;
F. billi l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Renju Unit, il-Kanada u l-Istati Uniti adottaw "liġijiet Magnitsky" li jippermettu lill-gvernijiet tagħhom jimponu sanzjonijiet immirati, bħall-projbizzjonijiet tal-viża u l-iffriżar tal-assi fuq min iwettaq jew jibbenefika minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Parlament Ewropew kemm-il darba talab li tiġi stabbilita skema ta' "sanzjonijiet Magnitsky" tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
G. billi l-"liġijiet Magnitsky" eżistenti mhumiex limitati għal persuni minn pajjiżi partikolari jew li jinstabu li huma involuti f'reati partikolari, iżda jkopru kwalunkwe awtur ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li jgawdi minn impunità;
H. billi xi korpi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi naqsu milli jżommu responsabbli dawk li wettqu reati kriminali; billi f'każijiet bħal dawn, Att Magnitsky tal-UE, li jinkludi sanzjonijiet immirati u amministrati kif suppost, ikun effikaċi ħafna;
I. billi l-Gvern Netherlandiż ta bidu għal diskussjoni fost l-Istati Membri tal-UE f'Novembru 2018 dwar l-opportunità politika ta' reġim immirat ta' sanzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE; billi għadhom għaddejjin diskussjonijiet preliminari fil-livell tal-grupp ta' ħidma tal-Kunsill;
1. Jikkundanna bil-qawwa kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jistabbilixxu proposta leġiżlattiva għal Att Magnitsky tal-UE qabel tmiem il-leġiżlatura attwali, li jippermetti l-impożizzjoni ta' projbizzjonijiet tal-viża u sanzjonijiet immirati, bħall-ibblukkar tal-proprjetà u l-interessi fil-proprjetà fil-ġurisdizzjoni tal-UE fuq uffiċjali pubbliċi individwali jew persuni li jaġixxu f'kapaċità uffiċjali, u atturi u entitajiet statali u mhux statali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;
2. Jesprimi l-fehma tiegħu li l-persekuzzjoni, l-atroċitajiet u d-delitti internazzjonali kontra minoranzi reliġjużi u etniċi jammontaw għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jissottolinja l-fatt li dawk li intenzjonalment, għal raġunijiet etniċi jew reliġjużi, jikkonfoffaw, jippjanaw, jinċitaw, iwettqu jew jippruvaw jikkommettu, huma kompliċi jew jappoġġaw tali atroċitajiet għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja;
3. Jisħaq fuq l-importanza ta' lista immedjata ta' sanzjonijiet bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi ta' Att Magnitsky tal-UE; jistieden lill-Kunsill ikompli bil-ħidma tiegħu fuq din il-kwistjoni mingħajr dewmien; jissottolinja l-importanza tar-rwol tal-Parlament fl-iskrutinju ta' dan ir-reġim futur, b'mod partikolari fid-definizzjoni ta' kriterji għall-elenkar u l-modifika ta' dawn il-listi;
4. Jemmen bis-sħiħ li reġim bħal dan ikun żieda siewja ferm għas-sett ta' għodod eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija, u jsaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fil-ġlieda tagħha kontra l-impunità u fl-appoġġ tagħha għall-vittmi ta' abbuż u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha;
5. Jisħaq fuq il-punt li r-reġim għandu jippermetti li jittieħdu miżuri restrittivi, b'mod partikolari l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq id-dħul fl-UE, kontra individwi jew entitajiet li jkunu responsabbli jew involuti, jew li jassistu, jiffinanzjaw, jew jikkontribwixxu għall-ippjanar, it-tmexxija jew il-kummissjoni ta' ksur jew abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ, f'dan is-sens, li tiġi stabbilita definizzjoni ċara tal-ambitu tal-ksur sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni attwali;
6. Jinsisti li d-deċiżjonijiet dwar l-elenkar u t-tneħħija mil-lista ta' individwi jew entitajiet għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ċari u distinti abbażi tal-evidenza, u marbuta direttament mar-reat li jkun sar bil-għan li tiġi ggarantita reviżjoni ġudizzjarja bir-reqqa;
7. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jinterpretaw l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet bl-istess mod konsistenti; jistieden lill-Istati Membri jikkollaboraw bejniethom fl-identifikazzjoni xierqa tal-persuni fil-mira, fosthom billi jużaw il-mekkaniżmi rilevanti tal-Unjoni u billi jaqsmu l-informazzjoni dwar il-persuni inklużi fil-listi ta' sanzjonijiet u r-raġunijiet li għalihom jemmnu li dawn il-persuni huma responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-punt li t-traffikanti tal-bnedmin li japprofittaw minn flussi migratorji għandhom jiġu ssanzjonati taħt tali reġim;
8. Jilqa' l-proposta tal-President tal-Kummissjoni li jsir pass lil hinn mill-unanimità fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill f'oqsma speċifiċi tal-PESK dwar id-drittijiet tal-bniedem; jemmen li tali proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet jista' jiġi applikat għal dan ir-reġim ġdid ta' sanzjonijiet;
9. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiżguraw konformità sħiħa mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra individwi u entitajiet, u, b'mod partikolari, l-iffriżar tal-assi tal-individwi elenkati u r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni fit-territorji rispettivi tagħhom talli jkunu wettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
10. Jisħaq fuq il-punt li l-prosekuzzjoni kriminali tal-awturi tal-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' ġurisdizzjonijiet domestiċi jew internazzjonali għandha tibqa' l-objettiv ewlenin tal-isforzi kollha fil-ġlieda tal-UE u l-Istati Membri tagħha kontra l-impunità; jistieden lill-Kunsill jinkludi l-ksur transfruntier fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tar-reġim;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika riżorsi u għarfien espert adegwati għall-infurzar u l-monitoraġġ ta' dan ir-reġim ladarba dan ikun fis-seħħ, kif ukoll tiddedika attenzjoni partikolari għall-komunikazzjoni pubblika dwar il-listi, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi kkonċernati;
12. Jappoġġa l-isforzi tal-attivisti tas-soċjetà ċivili biex jistabbilixxu reġim bħal dan u jħeġġeġ id-diskussjoni dwar il-proposta għat-twaqqif ta' kumitat konsultattiv indipendenti possibbli fil-livell tal-UE;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.
- [1] ĠU C 408, 30.11.2017, p. 43.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2019)0115.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2019)0157.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2018)0515.
- [5] ĠU C 337, 20.9.2018, p. 82.
- [6] ĠU C 35, 31.1.2018, p. 77.