MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar il-prospettivi għas-soluzzjoni msejsa fuq il-koeżistenza ta' żewġ Stati għal Iżrael u l-Palestina
9.12.2022-()
skont l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Hilde Vautmans, Petras Auštrevičius, José Ramón Bauzá Díaz, Nicola Beer, Sylvie Brunet, Ilana Cicurel, Dacian Cioloş, Bernard Guetta, Nathalie Loiseau, Frédérique Ries, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache
f'isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B9-0552/2022
9‑0555/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prospettivi għas-soluzzjoni msejsa fuq il-koeżistenza ta' żewġ Stati għal Iżrael u l-Palestina
()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inklużi r-Riżoluzzjonijiet2334 (2016),
–wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat ta' Iżrael, min-naħa l-oħra[1],
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE dwar it-12-illaqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael tat-3ta'Ottubru2022,
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-1ta'Diċembru2021 bit-titolu "Il-Portal Globali" (JOIN(2021)0030),
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-9ta'Frar2021 bit-titolu "Sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar – Aġenda Ġdida għall-Mediterran" (JOIN(2021)0002),
–wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni tad-9ta' Frar2021 bit-titolu "Renewed Partnership with the Southern Neighbourhood Economic and Investment Plan for the Southern Neighbours" (Sħubija Mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar: Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Ġirien tan-Nofsinhar) (SWD(2021)0023),
–wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Abraham,
–wara li kkunsidra l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.billi s-soluzzjoni ta' żewġ stati tinvolvi li l-Istat ta' Iżrael, bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati;
B.billi l-Prim Ministru Iżraeljan Yair Lapid, f'diskors lin-NU, tkellem favur l-istabbiliment ta' Stat tal-Palestina indipendenti, bil-kundizzjoni li tali stat irid joqgħod lura mill-mibegħda u l-vjolenza; billi l-President Palestinjan Mahmoud Abbas tkellem ripetutament favur is-soluzzjoni ta' żewġ stati;
C.billi d-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem huma pedament tal-paċi u s-sigurtà;
D.billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta diversi riżoluzzjonijiet dwar il-kwistjoni, inkluża r-Riżoluzzjoni2334 (2016); billi l-UE-27 għamlet referenza għal dawn ir-riżoluzzjonijiet u l-ħtieġa li dawn jiġu rispettati fid-dikjarazzjoni tagħha wara l-aħħar laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael;
E.billi l-okkupazzjoni tat-territorji Palestinjani minn Iżrael bdiet fl-1967 u għadha għaddejja sal-lum;
F.billi l-espansjoni tal-insedjamenti Iżraeljani, it-twaqqigħ ta' djar li huma proprjetà tal-Palestinjani u l-iżgumbramenti furzati tal-Palestinjani fit-territorji Palestinjani okkupati, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant, huma illegali skont id-dritt internazzjonali;
G.billi l-Iżraeljani kif ukoll il-Palestinjani għandhom id-dritt li jgħixu fis-sigurtà; billi dan jinkludi d-dritt li jipproteġu l-fruntieri tagħhom u li jiddefendu l-interessi leġittimi tas-sigurtà tagħhom;
H.billi l-Ħamas u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra qed ikomplu jniedu attakki terroristiċi kontra Iżrael minn Gaża, inklużi attakki bir-rokits, infiltrazzjonijiet f'Iżrael u l-bini ta' mini; billi l-ideoloġija tagħhom hija ggwidata mill-għan li jinqered l-Istat ta' Iżrael;
I.billi kien hemm każijiet fejn l-Awtorità Palestinjana glorifikat terroristi Palestinjani bħala martri; billi l-Ħamas juża b'mod persistenti ċ-ċivili biex jipproteġi l-attivitajiet terroristiċi tiegħu;
J.billi r-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana hija element importanti għall-kisba ta' soluzzjoni ta' żewġ stati;
K.billi, skont is-17-iledizzjoni tar-rapport tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali dwar l-istat tal-ġbir tad-data dwar l-antisemitiżmu fl-UE, il-perjodi ta' tensjoni akbar f'Iżrael u fil-Palestina huma segwiti minn żieda fl-għadd ta' inċidenti antisemitiċi f'xi pajjiżi;
L.billi l-UE hija bbażata fuq ir-rikonċiljazzjoni Ewropea; billi l-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawst żviluppat definizzjoni operattiva tal-antisemitiżmu;
M.billi l-Kunsill Affarijiet Barranin iddeċieda li jniedi mill-ġdid il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael;
N.billi l-UE għandha għarfien espert sinifikanti fid-diplomazija fil-qasam tal-ilma;
O.billi l-istrateġija tal-Global Gateway tnediet fl-1ta'Diċembru2021; billi, fid-9ta'Frar2021, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà nedew mill-ġdid u saħħew is-sħubija strateġika bejn l-UE u s-sħab tagħha tal-Viċinat tan-Nofsinhar permezz ta' aġenda ġdida għall-Mediterran, li kienet tinkludi pjan ekonomiku u ta' investiment iddedikat għall-Viċinat tan-Nofsinhar;
P.billi l-prossimità ġeografika u r-rabtiet storiċi u l-iskambji ekonomiċi intensivi tal-Ewropa mar-reġjun tal-Lvant Nofsani jfissru li l-UE u l-Istati Membri tagħha jinsabu f'pożizzjoni unika biex ikollhom rwol politiku attiv u effettiv fil-proċess ta' paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u bejn l-Istati Għarab u Iżrael b'mod ġenerali;
Q.billi l-Ftehimiet ta' Abraham għenu biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-istati firmatarji fl-isferi politiċi, soċjali u ekonomiċi;
R.billi, fil-11ta'Ottubru2022, Iżrael u l-Libanu laħqu ftehim dwar l-użu kondiviż tar-riżorsi naturali fil-fruntieri marittimi tagħhom, minkejja li ż-żewġ pajjiżi għadhom fi gwerra;
Prinċipji ġenerali
1.Itenni l-appoġġ tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati u jenfasizza li l-UE mhi se tirrikonoxxi l-ebda bidla fil-konfini tal-1967 għajr dawk miftiehma mill-partijiet, inkluż fir-rigward ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati;
2.Jilqa' d-diskors tal-Prim Ministru Lapid lin-NU, li fih tkellem favur l-istabbiliment ta' Stat tal-Palestina indipendenti; jilqa' wkoll id-diskorsi ripetuti tal-President Abbas favur is-soluzzjoni ta' żewġ stati; jinsisti li dan il-kliem irid jiġi segwit minn azzjoni konkreta, inkluż it-tmiem ta' passi unilaterali li jimminaw is-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-prattika u t-tkomplija ta' taħditiet ġenwini ta' paċi;
3.Jinsab imħasseb, madankollu, li diversi dikjarazzjonijiet maħruġa minn membri tal-maġġoranza l-ġdida fil-Knesset jipperikolaw il-proċess ta' paċi; jinsab imħasseb ħafna, b'mod partikolari, dwar il-fatt li, matul it-taħditiet biex jiġi ffurmat gvern, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu laħaq ftehim mal-mexxej tal-lemin Itamar Ben Gvir rigward il-legalizzazzjoni retrospettiva tal-ispostamenti fit-territorji okkupati fi żmien 60jum mill-wasla fil-poter; jitlob lill-Gvern Iżraeljan li jmiss biex jieħu impenn ċar favur is-soluzzjoni ta' żewġ stati;
4.Ifakkar li l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-istati u l-atturi mhux statali, inkluża r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom, hija pedament għall-paċi u s-sigurtà;
5.Iqis li l-programmi edukattivi fuq iż-żewġ naħat għandhom jippromwovu r-rikonċiljazzjoni u l-paċi u jkunu konformi mal-valuri tan-NU u mal-istandards tal-UNESCO;
6.Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża, l-aktar reċenti, ir-Riżoluzzjoni2334 (2016), u jenfasizza l-ħtieġa li dawn jiġu rispettati, kif imtenni mill-UE-27 fid-dikjarazzjoni tagħha wara l-aħħar laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael;
L-ostakli għas-soluzzjoni ta' żewġ stati
7.Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-okkupazzjoni fit-tul tat-territorji Palestinjani; ifakkar li l-espansjoni tal-insedjamenti, id-demolizzjonijiet u l-iżgumbramenti Iżraeljani fit-territorji Palestinjani okkupati, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant, huma illegali skont id-dritt internazzjonali u jheddu li jagħmlu s-soluzzjoni ta' żewġ stati impossibbli, kif spjegat fid-dettall fil-konklużjonijiet tal-Kunsill f'dan ir-rigward;
8.Jitlob lil Iżrael jikkonforma bis-sħiħ mar-responsabbiltajiet u l-obbligi tiegħu bħala setgħa okkupanti skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra u r-Regolamenti tal-Aja; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex itemmu immedjatament l-imblokk f'Gaża;
9.Jikkundanna l-vjolenza ripetuta kontra ċ-ċivili u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali fuq iż-żewġ naħat; jirrikonoxxi li Iżrael għandu d-dritt li jipproteġi l-fruntieri tiegħu u jiddefendi l-interessi leġittimi tas-sigurtà tiegħu, iżda jenfasizza li jrid jirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità fl-użu tal-forza, kif ukoll id-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni; jistieden lill-Awtorità Palestinjana tirrispetta d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-istampa, u drittijiet tal-bniedem oħra, inklużi d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ;
10.Jikkundanna l-attakki terroristiċi kontinwi kontra Iżrael imwettqa minn Gaża mill-Ħamas u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra; jinsisti li l-Awtorità Palestinjana għandha ttemm il-glorifikazzjoni tat-terroristi Palestinjani bħala martri u tipprevjeni kwalunkwe appoġġ finanzjarju għat-terroriżmu; jikkundanna bil-qawwa t-tattika persistenti tal-Ħamas li juża ċ-ċivili biex jgħatti l-attivitajiet terroristiċi tiegħu;
11.Jinsab imħasseb dwar il-kunflitt li qed jeskala lil hinn mir-reġjun u b'mod partikolari li qed jinfirex fl-Ewropa, li wassal għal vjolenza u żieda fl-atti antisemitiċi;
12.Jitlob li l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi jiġu organizzati fil-Palestina mill-aktar fis possibbli;
13.Jikkundanna d-diskors ta' mibegħda kemm mill-Iżraeljani kif ukoll mill-Palestinjani, inklużi personalitajiet politiċi fuq iż-żewġ naħat; jikkundanna l-atti ta' vjolenza ta' kull tip, kemm mill-Iżraeljani kif ukoll mill-Palestinjani; jikkundanna, f'dan il-kuntest, l-aktar attakki terroristiċi reċenti f'Ġerusalemm, li qatlu persuna waħda u darbu ħafna;
Ir-rwol tal-UE
14.Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, biex b'mod urġenti jistabbilixxi inizjattiva Ewropea għall-paċi sabiex jerġa' jkun hemm orizzont politiku għal soluzzjonijiet komprensivi, dejjiema u paċifiċi għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom mar-Rappreżentant Għoli u r-Rappreżentant Speċjali biex imexxu tali inizjattiva 'l quddiem;
15.Jinnota d-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin li jniedi mill-ġdid il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael u jemmen li din għandha tintuża mhux biss biex tissaħħaħ is-sħubija UE-Iżrael iżda wkoll bħala forum għal djalogu dwar kwistjonijiet relatati mal-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina u bħala mezz biex jerġa' jingħata l-ħajja lill-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;
16.Jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lir-Rappreżentant Speċjali jagħmlu użu aħjar mir-relazzjonijiet politiċi u mill-għarfien espert istituzzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; jemmen bis-sħiħ li l-prossimità ġeografika tal-Ewropa mar-reġjun tal-Lvant Nofsani, kif ukoll ir-rabtiet storiċi u l-iskambji ekonomiċi intensivi, għandhom jintużaw sal-potenzjal sħiħ tagħhom biex jiżguraw rwol politiku aktar attiv u effettiv fil-proċess ta' paċi bejn l-Iżraeliti u l-Palestinjani, u b'mod aktar wiesa' bejn l-Istati Għarab u Iżrael;
17.Jinsisti li l-UE għandha tagħmel użu sħiħ mill-istrateġija Global Gateway, flimkien mal-pjan ekonomiku u ta' investiment għall-Ġirien tan-Nofsinhar, biex jiżdiedu r-rabtiet kummerċjali, jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku u jitwettqu proġetti sostenibbli, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab u jiġu żgurati benefiċċji dejjiema għall-komunitajiet lokali;
18.Itenni l-impenn tiegħu għall-ġlieda determinata kontra l-antisemitiżmu; jikkonferma li se jkompli jimplimenta d-definizzjoni operattiva tal-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawst, filwaqt li jirrifjuta t-tentattivi minn ċerti atturi biex jistrumentalizzaw l-antisemitiżmu biex ineħħu kwalunkwe kritika kontra Iżrael; jissottolinja li l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu għandha timxi id f'id mal-ġlieda kontra r-razziżmu fil-konfront tal-poplu Għarbi u forom oħra ta' intolleranza reliġjuża u reati ta' mibegħda;
19.Jinsab partikolarment imħasseb dwar l-aċċess limitat għall-ilma fix-Xatt tal-Punent u f'Gaża; jemmen li l-UE għandha żżid id-diplomazija tagħha fil-qasam tal-ilma u tisfrutta l-għarfien espert tagħha bl-għan li tinstab soluzzjoni għall-iskarsezza tal-ilma u l-inugwaljanza fir-reġjun;
20.Jinnota l-Ftehimiet ta' Abraham u jħeġġeġ lill-UE tesplora aktar kooperazzjoni u inizjattivi konġunti b'mod simili; jiddispjaċih, madankollu, għad-diżakkoppjament tal-kwistjoni Palestinjana min-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Iżrael u l-Istati Għarab, li dgħajjef il-prospetti għal soluzzjoni ta' żewġ stati;
21.Jenfasizza l-importanza tat-trattati ta' paċi kollha bejn l-Istati Għarab u Iżrael li jikkontribwixxu għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt Palestinjan-Iżraeljan abbażi tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, sabiex tinkiseb paċi komprensiva u dejjiema; jappoġġja t-twaqqif ta' Network ta' Ftehimiet ta' Abraham tal-Parlament Ewropew;
22.Jilqa' l-ftehim milħuq bejn Iżrael u l-Libanu dwar l-użu kondiviż tar-riżorsi naturali fil-fruntieri marittimi tagħhom, minkejja li ż-żewġ pajjiżi għadhom fi gwerra;
°
°°
23.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, biex tqassamha lill-parlamenti u lill-kunsilli sottonazzjonali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lin-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] ĠUL147, 21.6.2000, p.3.