Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B10-0064/2025Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B10-0064/2025

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTAdwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-użurpazzjoni tal-presidenza fl-10 ta’ Jannar 2025

21.1.2025-()

imressqa skont l-Artikolu136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
10‑0064/2025 (PPE)
10‑0080/2025 (Renew)
10‑0083/2025 (ECR)

Gabriel Mato, Sebastião Bugalho, Davor Ivo Stier, Francisco José Millán Mon
f’isem il-Grupp PPE
Carlo Fidanza, Adam Bielan, Mariusz Kamiński, Ivaylo Valchev, Sebastian Tynkkynen, Ondřej Krutílek, Veronika Vrecionová, Rihards Kols, Alexandr Vondra, Małgorzata Gosiewska, Alberico Gambino, Joachim Stanisław Brudziński
f’isem il-Grupp ECR
Oihane Agirregoitia Martínez, Petras Auštrevičius, Dan Barna, Helmut Brandstätter, Benoit Cassart, Olivier Chastel, Veronika Cifrová Ostrihoňová, João Cotrim De Figueiredo, Karin Karlsbro, Ľubica Karvašová, Ilhan Kyuchyuk, Urmas Paet, Marie‑Agnes Strack‑Zimmermann, Ana Vasconcelos, Hilde Vautmans, Lucia Yar
f’isem il-Grupp Renew


ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
RC-B10-0064/2025
Testi mressqa :
RC-B10-0064/2025
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-użurpazzjoni tal-presidenza fl-10 ta’ Jannar 2025

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b’mod partikolari dik tad-19ta’Settembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1],

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Carter Center tat-30 ta’ Lulju 2024 dwar l-elezzjoni tal-Venezwela u dik tat-2 ta’ Ottubru 2024 li tilleġittimizza r-rekords elettorali ppreżentati mill-oppożizzjoni demokratika,

wara li kkunsidra s-sejbiet dettaljati tal-missjoni internazzjonali indipendenti ta’ tiftix ta’ fatti dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tal-14 ta’ Ottubru 2024,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tas-27ta’Diċembru2024 dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem wara l-elezzjonijiet fil-Venezwela,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta’ Jannar 2025 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà f’isem l-Unjoni Ewropea dwar l-avvenimenti tal-10 ta’ Jannar 2025,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta’ Jannar 2025 mill-kelliema tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar id-deċiżjonijiet riċenti tal-awtoritajiet Venezwelani,

wara li kkunsidra l-Ftehim Parzjali dwar il-Promozzjoni tad-Drittijiet Politiċi u l-Garanziji Elettorali għal Kulħadd, iffirmat mir-reġim ta’ Nicolás Maduro u l-alleanza tal-oppożizzjoni Venezwelana, il-Pjattaforma Unitarja, f’Ottubru 2023 (il-Ftehim ta’ Barbados),

wara li kkunsidra l-Artikolu136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi fit-28 ta’ Lulju 2024, il-poplu Venezwelan ivvota bi ħġaru u b’mod paċifiku biex jiddetermina l-futur ta’ pajjiżu, u dan juri mġiba ċivika u demokratika eċċezzjonali; billi wara li għalqet il-votazzjoni, il-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) kkontrollat mir-reġim irrifjuta li jippubblika r-rekord uffiċjali tal-karti tal-għadd tal-voti (“actas”) u ffalsifika r-riżultati tal-elezzjoni, filwaqt li ħabbar ir-rebħa falza ta’ Maduro; billi miljunita’ Venezwelani vvutaw għal bidla demokratika billi appoġġjaw lil Edmundo González Urrutia b’maġġoranza sinifikanti (67,05% tal-voti mitfugħa), skont kopji disponibbli pubblikament tar-rekords elettorali kkorroborati mill-uniċi osservaturi internazzjonali kredibbli u imparzjali, jiġifieri l-missjoni tan-NU u l-Carter Center;

B.billi fil-perjodu ta’ wara l-elezzjoni, saru protesti paċifiċi fil-pajjiż kollu bħala kontestazzjoni tal-wirja frodulenti mir-reġim ta’ Maduro; billi r-reġim irreaġixxa għal dawn il-protesti bi vjolenza u repressjoni estremi, li wasslu għall-mewt ta’ mill-inqas 23 ruħ, filwaqt li aktar minn 2500 ruħ ġew arrestati jew għebu bil-forza, inklużi madwar 120 tifel u tifla; billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi Venezwelani rrappurtaw li, mill-1 ta’ Jannar 2025, fil-pajjiż hemm mill-inqas 1697 priġunier politiku;

C.billi diversi ċittadini barranin, inklużi ċittadini tal-UE, għadhom qed jinżammu arrestati fuq akkużi foloz ta’ “destabbilizzazzjoni”;

D.billi l-oppożizzjoni demokratika għar-reġim ħabbtet wiċċha ma’ persekuzzjoni kontinwa anke qabel l-elezzjonijiet tat-28 ta’ Lulju 2024, iżda dan il-fastidju żdied b’mod sinifikanti minn dak iż-żmien ’l hawn, b’mod partikolari permezz ta’ każijiet ta’ għajbien furzat u arresti arbitrarji; billi María Corina Machado għadha mġiegħla tgħix klandestinament minħabba t-theddid kontra ħajjitha, u Edmundo González Urrutia ġie mġiegħel jaħrab mill-pajjiż mal-familja tiegħu minħabba theddid serju; billi mill-20 ta’ Marzu 2024, sitt kollaboraturi mill-qrib ta’ Vente Venezuela fittxew rifuġju fl-ambaxxata Arġentina f’Caracas, fejn għadhom qed jiffaċċjaw pressjoni u fastidju dejjem akbar mill-forzi tas-sigurtà Venezwelani;

E.billi għadhom għaddejjin ħafna każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi detenzjonijiet arbitrarji, użu eċċessiv ta’ forza, eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarja, għajbien furzat, fastidju, persekuzzjoni u prosekuzzjoni ta’ ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal għaqda paċifika u l-libertà tal-espressjoni, kif ukoll ksur ta’ proċess ġust; billi minbarra l-kriżi politika u istituzzjonali, il-Venezwela qed tesperjenza kriżi ekonomika, soċjali u demografika profonda li qed taffettwa serjament il-ħajja taċ-ċittadini tagħha;

F.billi fid-19 ta’ Settembru 2024, il-Parlament irrikonoxxa lil Edmundo González Urrutia bħala l-President leġittimu u elett demokratikament tal-Venezwela, u lil María Corina Machado bħala l-mexxejja tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela; billi stati demokratiċi oħra fir-reġjun u madwar id-dinja rrikonoxxew lil Edmundo González Urrutia bħala l-President elett; billi hu kellu jieħu l-ġurament tal-ħatra fl-10 ta’ Jannar 2025; billi fis-17 ta’ Diċembru 2024, il-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2024 lil María Corina Machado bħala l-mexxejja tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela, u lill-President elett Edmundo González Urrutia, li jirrappreżentaw lill-Venezwelani kollha fil-pajjiż u barra minnu li qegħdin jiġġieldu biex jerġgħu jiġu stabbilit l-libertà u d-demokrazija;

G.billi ftit jiem qabel l-10 ta’ Jannar 2025, ir-reġim ħataf lil Rafael Tudares, ir-raġel ta’ bint Edmundo González Urrutia, u għadu mhux magħruf fejn jinsab; billi, bl-istess mod, ir-reġim ta fastidju lil omm María Corina Machado f’darha stess; billi ħafna politiċi u membri tal-persunal oħra tal-oppożizzjoni demokratika għar-reġim iffaċċjaw ukoll persekuzzjoni, arresti arbitrarji u għajbien furzat, inkluż il-kandidat presidenzjali Enrique Márquez;

H.billi fid-9 ta’ Jannar 2025, il-poplu Venezwelan, immexxi minn María Corina Machado, ħareġ jipprotesta fit-toroq kontra l-aktar tentattiv reċenti ta’ Nicolás Maduro li jieħu l-poter f’idejh b’mod illeġittimu; billi María Corina Machado ġiet maħtufa mill-forzi tar-reġim waqt li kienet qed tipprova titlaq mill-protesta, filwaqt li ġiet meħlusa aktar tard: att sfaċċat ta’ intimidazzjoni mmirata u fastidju li rċieva kundanna internazzjonali mifruxa;

I.billi fl-10 ta’ Jannar 2025, id-dittatur Nicolás Maduro ħa l-poter b’mod illeġittmu permezz ta’ att frodulenti, mingħajr ebda leġittimità demokratika jew evidenza verifikabbli ta’ integrità elettorali; billi l-ebda kap ta’ stat jew ta’ gvern elett demokratikament ma attenda għaċ-ċerimonja; billi l-fruntieri tal-pajjiż ingħalqu u l-ispazju tal-ajru kien mgħasses ħafna, u dan żamm lil Edmundo González Urrutia milli jivvjaġġa lejn il-Venezwela;

J.billi sa mill-ħtif frodulenti u illeġittimu tal-poter, ir-reġim ta’ Maduro ordna li l-preżenza diplomatika ta’ xi Stati Membri titnaqqas b’mod konsiderevoli, b’mod arbitrarju, u r-reġim jiġġustifika l-aġir tiegħu bħala rispons għall-“imġiba ostili tal-gvernijiet tar-Renju tan-Netherlands, Franza u l-Italja, ikkaratterizzata mill-appoġġ tagħhom għal gruppi estremisti u l-indħil tagħhom fl-affarijiet interni”;

K.billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), sa mill-2014 telqu mill-pajjiż madwar 8 miljun Venezwelan, l-akbar eżodu fl-istorja reċenti tal-Amerka Latina u waħda mill-akbar kriżijiet ta’ spostament fid-dinja;

L.billi fl-10 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill iddeċieda li jadotta pakkett ġdid ta’ sanzjonijiet immirati kontra 15-il individwu responsabbli li dgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt jew id-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela;

1.Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-użurpazzjoni tal-presidenza minn Nicolás Maduro u jenfasizza li r-reġim tiegħu huwa illeġittimu u l-użurpazzjoni tal-presidenza min-naħa tiegħu tikkostitwixxi f’tentattiv illegali biex jibqa’ fil-poter bil-forza;

2.Ifakkar li abbażi tar-rekords elettorali ppreżentati mill-oppożizzjoni demokratika għar-reġim u kif iddikjarat mill-organizzazzjonijiet internazzjonali indipendenti preżenti fl-elezzjonijiet tat-28 ta’ Lulju 2024, jiġifieri l-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Carter Center, il-Parlament irrikonoxxa lil Edmundo González Urrutia bħala r-rebbieħ leġittimu tal-elezzjonijiet presidenzjali, rebħa rikonoxxuta mill-UE u l-Istati Membri tagħha;

3.Itenni t-talba tiegħu fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Settembru 2024, u espressa wkoll f’diversi okkażjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-CNE kkontrollat mir-reġim biex jippubblika r-rekords elettorali tal-elezzjonijiet tat-28 ta’ Lulju 2024;

4.Jaqbel mal-Istati Membri li r-reġim Venezwelan tilef opportunità ewlenija biex jirrispetta r-rieda tal-poplu u jiżgura tranżizzjoni demokratika trasparenti fil-pajjiż u li b’riżulat, Maduro m’għandu l-ebda leġittimità demokratika u għaldaqstant, il-Parlament ma jirrikonoxxihx;

5.Jilqa’ d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f’isem l-Istati Membri tal-UE li tirrikonoxxi r-rebħa ta’ Edmundo González Urrutia b’maġġoranza sinifikanti, u l-Parlament iqis li kellu jieħu l-ġurament presidenzjali fl-10 ta’ Jannar 2025; jilqa’ wkoll l-impenn mill-UE biex tkompli tindirizza l-ħtiġijiet urġenti tal-poplu Venezwelan, li qed isofri l-konsegwenzi tal-kriżi umanitarja twila;

6.Ifaħħar ir-reżiljenza tal-oppożizzjoni demokratika u l-impenn tal-poplu Venezwelan għad-demokrazija fil-konfront tar-repressjoni u l-avversità; itenni li r-rispett lejn ir-rieda tal-poplu Venezwelan, kif espressa fl-elezzjonijiet, jibqa’ l-uniku mod biex il-Venezwela ġġib lura d-demokrazija, li tippermetti tranżizzjoni paċifika u ġenwina u biex issolvi l-kriżi umanitarja u soċjoekonomika attwali; iħeġġeġ lir-reġim Venezwelan jirrevoka l-mandat ta’ arrest mhux ġustifikat maħruġ għall-President elett Edmundo González Urrutia;

7.Jilqa’ d-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill tal-10 ta’ Jannar 2025 li testendi s-sanzjonijiet immirati għal 15-il individwu addizzjonali; jitlob li dawn is-sanzjonijiet jiġu msaħħa u estiżi biex jinkludu lil Nicolás Maduro, iċ-ċirku ta’ ġewwa tiegħu u l-familji tagħhom, inklużi Jorge Rodríguez u Vladimir Padrino López, u lil dawk kollha responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-affermazzjoni illeġittima tal-awtorità, l-użurpazzjoni tal-funzjonijiet uffiċjali u l-atti repressivi kollha fil-Venezwela;

8.Jikkundanna wkoll il-persekuzzjoni mwettqa min-naħa tar-reġim kontra l-oppożizzjoni demokratika għar-reġim u l-poplu Venezwelan, kif ukoll kontra ħafna ċittadini tal-UE li ġew detenuti b’mod arbitrarju u għadhom qed jinżammu l-ħabs inġustament; jitlob li tintemm ix-xejra sistematika ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jeżiġi l-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha u tal-persuni kollha detenuti b’mod arbitrarju; jitlob li r-reġim ta’ Maduro jwaqqaf il-politika tiegħu ta’ abbużi u ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jara li l-persuni responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom, u li jiżgura li l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet kollha tal-bniedem jiġu rispettati bis-sħiħ;

9.Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI dwar id-delitti u l-atti ta’ repressjoni estensivi tar-reġim Venezwelan;

10.Iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-atturi demokratiċi reġjonali u internazzjonali kollha biex jallinjaw mingħajr kundizzjonijiet, bħala dmir morali, mal-forzi demokratiċi tal-Venezwela u biex jagħmlu l-almu tagħhom biex tinġieb lura d-demokrazija fil-pajjiż sabiex juru solidarjetà u rispett lejn il-poplu Venezwelan u r-rieda u d-dritt leġittimi tagħhom li jgħixu fil-libertà u l-paċi f’sistema demokratika; jafferma mill-ġdid l-impenn sod lejn il-poplu Venezwelan u lejn id-difiża tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jesprimi solidarjetà mal-forzi demokratiċi tal-Venezwela;

11.Jilqa’ r-ritorn f’Caracas tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR); jemmen li l-OHCHR, il-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Tiftix tal-Fatti tan-NU dwar il-Venezwela, il-QKI u l-mekkaniżmi reġjonali rilevanti għandhom joperaw liberament u mingħajr indħil;

12.Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-ħtif illeġittimu tal-poter minn Maduro aggrava kriżi umanitarja mwiegħra li diġà kienet teżisti, li diġà kienet wasslet lil 8 miljun Venezwelan biex ifittxu kenn barra mill-pajjiż, u li aktarx se ġġiegħel saħansitra aktar nies jaħarbu, filwaqt li twassal għal pressjoni migratorja mġedda u dejjem tikber li se tinħass l-aktar fil-viċinat dirett tal-Venezwela; ifakkar li s-sitwazzjoni tar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani tirrikjedi soluzzjonijiet fit-tul; jirrikonoxxi l-għadd kbir ta’ sforzi mill-pajjiżi ġirien biex jipprovdu mhux biss ikel u akkomodazzjoni, iżda wkoll dokumentazzjoni legali regolari, edukazzjoni u appoġġ mediku; jistieden lill-UE tagħmel l-almu tagħha biex tassisti lill-Venezwelani li qed jitilqu minn pajjiżhom f’konformità mal-istandards internazzjonali u l-perkorsi legali eżistenti;

13.Jiddeplora d-deċiżjoni ta’ Jannar 2025 mill-awtoritajiet Venezwelani li jnaqqsu sostanzjalment il-persunal diplomatiku akkreditat ta’ diversi Stati Membri f’Caracas u jħeġġeġ it-treġġigħ lura immedjat ta’ din l-azzjoni unilaterali u inaċċettabbli;

14.Jemmen li fid-disġunzjoni bejn id-demokrazija u d-dittatorjat, m’hemm l-ebda lok għal ambigwità jew triq tan-nofs, peress li persuna jew tkun man-naħa tad-demokratiċi u dawk li jbatu r-repressjoni, jew man-naħa tad-dittaturi;

15.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parteċipanti tas-Summit bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-awtoritajiet tar-reġim tal-Venezwela.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Jannar 2025
Avviż legali-Politika tal-privatezza