TITOLU I:MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 1:MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW
Artikolu 10:Standards ta' kondotta
1.Il-kondotta tal-Membri għandha tkun ikkaratterizzata minn rispett reċiproku u għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji stabbiliti fit-Trattati, u b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dinjità tal-Parlament u m'għandhomx jagħmlu ħsara għar-reputazzjoni tiegħu.
2.Il-Membri m'għandhomx jikkompromettu t-tmexxija bla xkiel tal-ħidma parlamentari u m'għandhomx jikkompromettu ż-żamma tas-sigurtà u tal-ordni fil-bini tal-Parlament jew il-funzjonament tal-apparat tiegħu.
3.Il-Membri m'għandhomx ifixklu l-ordni tajba tal-Kamra u għandhom joqogħdu lura minn imġiba mhux xierqa. Huma m'għandhomx juru strixxuni.
4.Fid-dibattiti parlamentari fil-Kamra, il-Membri m'għandhomx jirrikorru għal lingwaġġ offensiv.
Il-valutazzjoni ta' jekk il-lingwaġġ użat minn Membru f'dibattitu parlamentari huwiex offensiv jew le għandha tqis, inter alia, l-intenzjonijiet identifikabbli tal-kelliem, il-perċezzjoni tad-dikjarazzjoni mill-pubbliku, il-punt sa fejn dan jikkostitwixxi ħsara għad-dinjità u r-reputazzjoni tal-Parlament, u l-libertà tal-kelma tal-Membru kkonċernat. Pereżempju, lingwaġġ malafamanti, "diskors ta' mibegħda" u inċitament għal diskriminazzjoni bbażata, b'mod partikolari, fuq kwalunkwe kriterju msemmi fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, normalment jikkostitwixxu każijiet ta' "lingwaġġ offensiv" fis-sens ta' dan l-Artikolu.
5.Il-Membri għandhom jimxu mar-regoli tal-Parlament dwar it-trattament ta' tagħrif kunfidenzjali.
6.Il-Membri għandhom iżommu lura minn kull tip ta' fastidju psikoloġiku jew sesswali ugħandhom jirrispettaw il-Kodiċi ta' Mġiba Xierqa għall-Membri tal-Parlament Ewropew fil-Qadita' Dmirijiethom li huma mehmuża ma' dawn ir-Regoli ta' Proċedura bħala anness
(1).
Il-Membri ma jistgħux jiġu eletti għal kariga fil-Parlament jew f’wieħed mill-korpi tiegħu, jinħatru bħala rapporteur, jew jipparteċipaw f’delegazzjoni uffiċjali jew f’negozjati interistituzzjonali:
(a)jekk ma jkunux iffirmaw id-dikjarazzjoni li tikkonferma l-impenn tagħhom li jikkonformaw ma’ dak il-Kodiċi, inkluża t-tlestija tat-taħriġ speċjalizzat organizzat għalihom mill-Parlament dwar il-prevenzjoni tal-kunflitt u l-fastidju fil-post tax-xogħol u dwar ġestjoni tajba tal-uffiċċju; jew
(b)jekk ma jkunux lestew it-taħriġ speċjalizzat imsemmi fil-punt (a) bi ksur tal-iskadenza u tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-Kodiċi.
7.Meta persuna li taħdem għal Membru, jew persuna oħra li għaliha Membru jkun irranġa biex ikollha aċċess għall-bini jew apparat tal-Parlament, ma tikkonformax mal-istandards ta' kondotta stabbiliti f'dan l-Artikolu, din l-imġiba tista', fejn ikun xieraq, tkun imputabbli lill-Membru kkonċernat.
8.L-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu m'għandhiex bi kwalunkwe mod ieħor tnaqqas mill-ħeġġa tad-dibattiti parlamentari, u l-anqas m'għandha tippreġudika l-libertà tal-kelma tal-Membri.
9.Dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis, għal korpi, kumitati u delegazzjonijiet tal-Parlament.