TITOLU II:PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 5:AFFARIJIET KOSTITUZZJONALI
Artikolu 85:Reviżjoni Ordinarja tat-Trattati
1.Skont l-Artikoli 46 u 54 il-kumitat responsabbli jista' jippreżenta lill-Parlament rapport li jkun fih proposti, indirizzati lill-Kunsill għall-emendar tat-Trattati.
2.Meta l-Parlament jiġi kkonsultat, skont l-Artikolu 48(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew favur l-eżami ta' emendi għat-Trattati, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli. Il-kumitat għandu jagħmel rapport li jkun fih:
-mozzjoni għal riżoluzzjoni li tiddikjara jekk il-Parlament japprovax jew jiċħadx id-deċiżjoni proposta u li jista' jkollha proposti għall-attenzjoni tal-Konvenzjoni jew tal-konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri;
-jekk ikun xieraq, nota spjegattiva.
3.Jekk il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi li jsejjaħ Konvenzjoni, il-Parlament għandu, fuq proposta mill-Konferenza tal-Presidenti jaħtar ir-rappreżentanti tal-Parlament f’dik il-Konvenzjoni.
Id-delegazzjoni tal-Parlament għandha teleġġi l-mexxej u l-kandidati tagħha għas-sħubija fi kwalunkwe grupp ta' tmexxija jew bureau mwaqqaf mill-Konvenzjoni.
4.Fejn il-Kunsill Ewropew jitlob l-approvazzjoni tal-Parlament għal deċiżjoni biex ma tissejjaħx Konvenzjoni għall-eżami ta' emendi proposti għat-Trattati, din it-talba għandha tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 105.