Il-verżjoni li se tidħol fis-seħħ fis-16 ta' Lulju 2024
TITOLU I:MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 4:GRUPPI POLITIĊI
Artikolu 34:Attivitajiet u sitwazzjoni legali tal-gruppi politiċi
1.Il-gruppi politiċi għandhom iwettqu dmirijiethom bħala parti mill-attivitajiet tal-Unjoni, inklużi l-ħidmiet allokati lilhom mir-Regoli ta' Proċedura. Il-gruppi politiċi għandhom ikunu provduti b'segretarjat skont l-organigramma tas-Segretarjat, b'faċilitajiet amministrattivi u bl-approprijazzjonijiet imdaħħla għal dak il-għan fil-baġit tal-Parlament.
2.Fil-bidu ta' kull leġiżlatura, il-Konferenza tal-Presidenti għandha tagħmel ħilitha biex tilħaq qbil fuq proċeduri bil-għan li d-diversità politika tal-Parlament tkun riflessa fil-kumitati u d-delegazzjonijiet u l-korpi deċiżjonali.
3.Il-Bureau, wara li jkun ikkunsidra kwalunkwe proposta magħmula mill-Konferenza tal-Presidenti, għandu jħejji r-regoli dwar il-forniment, l-implimentazzjoni u l-issorveljar ta' dawk il-faċilitajiet u approprjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll dwar id-delegi relatati ta' setgħat għall-implimentazzjoni tal-baġit u l-konsegwenzi ta' kwalunkwe nuqqas ta' rispett ta’ dawk ir-regoli.
4.Dawk ir-regoli għandhom jiddeterminaw il-konsegwenzi amministrattivi u finanzjarji f'każ li grupp politiku jiġi xolt.