Il-verżjoni li se tidħol fis-seħħ fis-16 ta' Lulju 2024
TITOLU VI:RELAZZJONIJIET MA' PARLAMENTI NAZZJONALI
Artikolu 150:Skambju ta' tagħrif, kuntatti u faċilitajiet reċiproċi
1.Il-Parlament għandu jżomm il-parlamenti tal-Istati Membri mgħarrfa regolarment bl-attivitajiet tiegħu.
2.L-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' kooperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari fl-Unjoni, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu nnegozjati abbażi ta' mandat mogħti mill-Konferenza tal-Presidenti, wara konsultazzjoni mal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati.
Il-Parlament għandu japprova dawn il-ftehimiet skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 148.
3.Kumitat jista' jidħol fi djalogu direttament ma' parlamenti nazzjonali fil-livell ta' kumitati, fil-limiti tal-approprjazzjonijiet baġitarji allokati għal dak il-għan. Dan jista' jinkludi forom xierqa ta' kooperazzjoni pre-leġiżlattiva u post-leġiżlattiva.
4.Kull dokument li jikkonċerna proċedura leġiżlattiva fil-livell tal-Unjoni li jiġi trażmess b'mod uffiċjali minn parlament nazzjonali lill-Parlament Ewropew għandu jintbagħat lill-kumitat responsabbli għas-suġġett ittrattat f'dak id-document.
5.Il-Konferenza tal-Presidenti tista' tagħti mandat lill-President sabiex jinnegozja faċilitajiet għall-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri fuq bażi reċiproka, u sabiex jipproponi miżuri oħra biex jiffaċilita l-kuntatt mal-parlamenti nazzjonali.