It-twaqqif ta’ kumitat speċjali dwar il-kriżi tal-akkomodazzjoni fl-Unjoni Ewropea, u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tiegħu
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2024 dwar it-twaqqif ta’ kumitat speċjali dwar il-kriżi tal-akkomodazzjoni fl-Unjoni Ewropea, u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tiegħu ()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,
–wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Artikolu3(3) tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-Artikoli9, 14, 148, 153, 160 u168 tiegħu, u l-Protokoll Nru26 tat-TUE u tat-TFUE dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali,
–wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
–wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar l-aċċess għal akkomodazzjoni diċenti u affordabbli għal kulħadd(1),
–wara li kkunsidra l-Artikolu213 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tinkludi d-dritt għall-akkomodazzjoni;
B.billi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li l-aċċess għall-akkomodazzjoni soċjali jew għall-assistenza għall-akkomodazzjoni ta’ kwalità tajba għandu jiġi pprovdut għal dawk li jinsabu fil-bżonn u dan għandu jiġi implimentat kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom; billi għandhom jiġu provduti refuġji u servizzi adegwati lill-persuni mingħajr dar sabiex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tagħhom; billi d-dritt għall-akkomodazzjoni għall-persuni b’diżabilità jistħoqqlu protezzjoni speċjali u politiki ddedikati biex tkun aċċertata l-aċċessibbiltà għall-akkomodazzjoni;
C.billi l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja kriżi tal-akkomodazzjoni, b’nies ta’ kull età minn gruppi ta’ introjtu differenti jitħabtu bil-prezzijiet għoljin u l-iskarsezza ta’ djar affordabbli; billi l-akkomodazzjoni mhux affordabbli hija kwistjoni ta’ tħassib kbir għal ħafna ċittadini tal-Unjoni u żżommhom, b’mod partikolari liż-żgħażagħ, milli jibdew ħajja indipendenti; billi dik il-kriżi taffettwa lin-nies fl-Istati Membri kollha u jista’ jkollha impatt negattiv fuq is-saħħa, il-benesseri u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom;
D.billi l-protezzjoni tal-proprjetà privata u l-iżgurar taċ-ċertezza tad-dritt għas-sidien privati, inklużi l-aħjar prattiki rigward il-ġlieda kontra l-iskwattjar, kif ukoll il-ħarsien tan-nies milli jiġu żgumbrati, huma aspetti importanti fil-livell nazzjonali li jaffettwaw id-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni u d-dritt għall-akkomodazzjoni f’ċerti Stati Membri;
E.billi l-Unjoni għandha għadd ta’ kompetenzi relatati mal-akkomodazzjoni;
F.billi hemm bżonn li jkollna approċċ olistiku dwar l-akkomodazzjoni li jkun jgħaqqad flimkien politiki differenti li jiġu ttrattati f’kumitati differenti fi ħdan il-Parlament;
1.Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali bl-isem ta’ “Kumitat Speċjali dwar il-Kriżi tal-Akkomodazzjoni fl-Unjoni Ewropea” bl-għan li jipproponi soluzzjonijiet għal akkomodazzjoni deċenti, sostenibbli u affordabbli, u li dak il-kumitat iwettaq – f’kooperazzjoni u konsultazzjoni mal-kumitati permanenti kompetenti fejn huma kkonċernati s-setgħat u r-responsabbiltajiet tagħhom skont l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura – ir-responsabbiltajiet li ġejjin:
(a)
li jimmappja l-ħtiġijiet attwali ta’ akkomodazzjoni fit-territorji u l-gruppi tal-popolazzjoni, b’mod partikolari l-gruppi b’introjtu baxx u medju, u jivvaluta l-impatt li l-iskarsezza tal-akkomodazzjoni għandha fuq l-inugwaljanzi, l-affordabbiltà, id-demografija, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż bl-użu tad-data eżistenti diżaggregata skont il-ġeneru;
(b)
li janalizza l-politiki rilevanti eżistenti tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali dwar l-akkomodazzjoni b’enfasi fuq id-disponibbiltà ta’ strumenti b’miri speċifiċi għal akkomodazzjoni soċjali, sostenibbli u affordabbli fil-bliet, fil-gżejjer u fiż-żoni kostali u rurali bil-ħsieb li jiġu identifikati u jinħarġu rakkomandazzjonijiet, inklużi politiki ddedikati biex il-persuni b’diżabilità u b’mobbiltà mnaqqsa jkollhom aċċess għall-akkomodazzjoni;
(c)
li janalizza l-impatt tal-ispekulazzjoni fil-qasam tal-akkomodazzjoni u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha, kif ukoll jipproponi azzjonijiet ta’ segwitu;
(d)
li jivvalutat jekk ix-xejra tal-prezzijiet u l-kirjiet tal-akkomodazzjoni tkunx qed titqies b’mod adegwat fl-indikaturi tal-għoli tal-ħajja u fil-politiki relatati,
(e)
li jimmappja u jivvaluta l-effettività tar-riżorsi pubbliċi u privati tal-Unjoni u nazzjonali, inklużi l-fondi eżistenti tal-Unjoni ddedikati għal akkomodazzjoni deċenti, sostenibbli u affordabbli u għall-eradikazzjoni tal-problema tal-persuni mingħajr dar u jagħmel rakkomandazzjonijiet, fejn rilevanti;
(f)
li janalizza l-kwistjonijiet sistemiċi tal-kirjiet ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u l-impatt tagħhom fuq id-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni affordabbli fiż-żoni partikolarment affettwati u jagħmel proposti rilevanti;
(g)
li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġbir u l-qsim tad-data relatata mas-servizzi tal-kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, li trid tiġi adottata fil-livell nazzjonali sal-20 ta’ Mejju 2026;
(h)
li janalizza l-effetti tal-politiki tal-Unjoni li jinfluwenzaw id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni, inklużi l-konġestjonijiet fir-regolamenti attwali tal-Unjoni rigward il-kapaċità ta’ investiment, fuq l-akkomodazzjoni u l-akkomodazzjoni soċjali, l-għajnuna mill-Istat u l-iskarsezzi fil-ktajjen tal-provvista;
(i)
li jivvaluta l-ostakli potenzjali li jaffettwaw lis-settur tal-kostruzzjoni u l-impatt tagħhom fuq il-kriżi tal-akkomodazzjoni;
(j)
li jidentifika l-iskarsezzi fid-disponibbiltà, is-sostenibbiltà u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament għal akkomodazzjoni affordabbli u l-ħtieġa ta’ riformi potenzjali;
(k)
li jivvaluta l-impatt ta’ soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ u bi profitt limitat, bħall-akkomodazzjoni soċjali jew dik kooperattiva, fuq l-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà tal-akkomodazzjoni għal gruppi differenti;
(l)
li jivvaluta l-politiki u l-proposti leġiżlattivi meħtieġa biex jittejbu l-forniment u d-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni deċenti, sostenibbli u affordabbli, inkluż billi jsiru possibbli programmi ġodda ta’ kostruzzjoni, rikonverżjoni u rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni, filwaqt li jitqies il-potenzjal tal-bini vojt;
(m)
li jimmappja teknoloġiji, proċessi, servizzi u prodotti innovattivi biex jagħti appoġġ lill-mewġa tar-rinnovazzjoni, filwaqt li jqis l-inizjattivi eżistenti tal-Unjoni; li jimmappja fejn il-piżijiet amministrattivi u regolatorji qed ixekklu l-mewġa tar-rinnovazzjoni, bl-għan li jnaqqas il-piż regolatorju bla bżonn filwaqt li jassigura ħidma ta’ kwalità fis-settur tal-kostruzzjoni u standards tal-kwalità għall-akkomodazzjoni affordabbli;
(n)
li jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni futura tal-pjan Ewropew ta’ akkomodazzjoni affordabbli u l-istrateġija Ewropea għall-kostruzzjoni tal-akkomodazzjoni, li għandhom jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni;
(o)
li jagħmel seduti ta’ smigħ mal-esperti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet kompetenti, l-istituzzjonijiet internazzjonali, nazzjonali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-setturi rilevanti tal-ekonomija, filwaqt li jqis il-perspettivi ta’ firxa ta’ partijiet ikkonċernati;
(p)
li jagħmel żjarat biex jistudja l-aħjar prattiki madwar l-Ewropa;
2.Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali jkun magħmul minn 33membru;
3.Jiddeċiedi li l-mandat tal-kumitat speċjali se jkun ta’ 12-ilxahar u li dak il-mandat jibda jiddekorri mid-data tal-laqgħa kostituttiva tiegħu;
4.Jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat speċjali biex jippreżenta rapport finali fi tmiem il-mandat tiegħu li jkun jiffoka fuq il-kwistjonijiet spjegati fil-paragrafu1.