Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16ta'Frar2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(1), tas-16ta'Frar2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(2), tas-16ta'Frar2017 dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro(3), u tat-13ta'Frar2019 dwar l-istat tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa(4),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19ta'Jannar2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(5),
–wara li kkunsidra l-proposta minn Ursula von der Leyen, li dak iż-żmien kienet President Nominat tal-Kummissjoni, tas-16ta'Lulju2019 fil-qafas tal-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss2019-2024 dwar l-organizzazzjoni ta' Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ("il-Konferenza"),
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22ta'Jannar2020 bl-isem "It-tfassil tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa" (),
–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12ta'Diċembru2019 dwar l-approċċ ġenerali għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15ta'Jannar2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa(6),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-12ta'Frar2020 dwar il-"Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa",
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17ta'April2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(7),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15ta'Mejju2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru(8),
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tas-70anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta' Schuman,
–wara li kkunsidra l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.billi hemm bżonn li jiġu indirizzati sew l-isfidi interni u sew dawk esterni li l-Ewropa qed tiffaċċja, kif ukoll l-isfidi soċjetali u transnazzjonali ġodda li ma kinux għalkollox previsti meta ġie adottat it-Trattat ta' Lisbona; billi l-għadd ta' kriżijiet sinifikanti li għaddiet minnhom l-Unjoni juri li huma meħtieġa riformi istituzzjonali u politiċi f'oqsma governanza multipli;
B.billi l-kriżi kurrenti tal-COVID-19 uriet bi prezz għoli ħafna li l-UE għadha proġett mhux mitmum u li n-nuqqas li jiġu żgurati s-solidarjetà u l-koordinazzjoni, ix-xokkijiet fuq l-ekonomija, is-saħħa u s-soċjetà, u l-attakki li għaddejjin fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt jeħtieġ li jiġu indirizzati aħjar mill-Konferenza; billi l-kriżi li għaddejjin minnha, għalhekk, tagħmilha aktar urġenti għall-Unjoni Ewropea li tibda taħdem dwar kif issir aktar effettiva, demokratika u eqreb taċ-ċittadini;
C.billi l-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill kollha ddikjaraw li għandha tiġi organizzata Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u li dan il-proċess ta' Konferenza għandu jkun opportunità biex iċ-ċittadini tal-UE jiġu involuti mill-qrib f'eżerċizzju minn isfel għal fuq fejn jinstemgħu u l-vuċijiet tagħhom jikkontribwixxu għad-dibattiti dwar il-futur tal-Ewropa;
D.billi l-Konferenza għandha tippermetti forum miftuħ għad-diskussjoni fost il-parteċipanti differenti mingħajr eżitu determinat minn qabel; billi l-ftehim komuni tat-tlietistituzzjonijiet għandu għalhekk jikkonċerna biss il-format u l-organizzazzjoni tal-Konferenza;
1.Jemmen li 10snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, 70sena wara d-Dikjarazzjoni ta' Schuman u fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, wasal iż-żmien għal rivalutazzjoni tal-Unjoni; huwa tal-fehma li l-kriżi tal-COVID-19 għamlet il-ħtieġa ta' Konferenza aktar urġenti;
2.Huwa tal-fehma li l-kriżi tal-COVID-19 għamlet aktar evidenti l-ħtieġa għal riforma tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li wriet il-ħtieġa urġenti ta' Unjoni effettiva u effiċjenti; huwa għalhekk tal-fehma li l-proċess tal-Konferenza għandu jqis l-istrumenti eżistenti tal-UE għall-irkupru u s-solidarjetà li diġà ġiet stabbilita, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà ekoloġika, l-iżvilupp ekonomiku, il-progress soċjali, is-sigurtà u d-demokrazija;
3.Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni li ddeskriva fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15ta'Jannar2020 fid-dimensjonijiet kollha tagħha u jtenni t-talba tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jidħlu f'negozjati biex jinstab ftehim komuni dwar l-istabbiliment tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa qabel il-waqfa tas-sajf;
4.Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu ma adottax pożizzjoni dwar il-Konferenza u għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill jegħleb id-differenzi tiegħu u jippreżenta minnufih pożizzjoni dwar il-format u l-organizzazzjoni tal-Konferenza;
5.Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-pożizzjoni tagħha dwar il-Konferenza u l-fatt li hija lesta timxi 'lquddiem b'mod rapidu;
6.Iħeġġeġ lill-Kunsill biex fil-mandat tiegħu jinkludi impenn għal segwitu sinifikanti u għall-involviment dirett sinifikanti taċ-ċittadini, u biex iżomm l-ambitu tal-Konferenza miftuħ għall-eżiti possibbli kollha, inklużi proposti leġiżlattivi, filwaqt li jingħata bidu għal bidla fit-trattati jew b'xi mod ieħor;
7.Jenfasizza li, minkejja l-pandemija, l-involviment dirett taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u r-rappreżentanti eletti jeħtiġilhom jibqgħu prijorità tal-Konferenza; jistenna, għalhekk, bil-ħerqa li tibda l-Konferenza sabiex tinbena Unjoni aktar demokratika, aktar effettiva u aktar reżiljenti flimkien maċ-ċittadini kollha tal-UE;
8.Jirrikonoxxi li l-bidu tal-Konferenza kellu jitħalla għal iktar tard minħabba l-pandemija; jinnota, madankollu, li l-pandemija tefgħet id-dawl fuq ċerti nuqqasijiet fl-Unjoni tagħna; huwa għalhekk determinat li l-Konferenza tibda kemm jista' jkun malajr fil-ħarifa tal-2020;
9.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.