Verifika tal-Membri l-ġodda tal-Parlament Ewropew
Il-kredenzjali tal-Membri tal-PE li jkunu għadhom kif ġew eletti jgħaddu minn verifika biex jiġi aċċertat li ma jokkupawx kariga inkompatibbli mal-kariga ta’ Membru tal-Parlament Ewropew.
Fost dawn il-karigi inkompatibbli hemm, perżempju, dik ta’ ministru tal-gvern jew membru parlamentari ta’ Stat Membru tal-UE, il-qadi ta’ inkarigu fil-Kummissjoni Ewropea, fil-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ċentrali Ewropew, fil-Qorti tal-Awdituri jew fil-Bank Ewropew tal-Investiment. Lanqas l-uffiċjali attivi fl-istituzzjonijiet jew fil-korpi tal-UE stabbiliti skont it-trattati tal-UE biex jamministraw il-fondi Komunitarji, ma jistgħu jsiru Membri tal-Parlament Ewropew.
Ladarba r-riżultati tal-elezzjoni jkunu uffiċjali, l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Parlament l-ismijiet ta’ dawk li kisbu siġġu u l-President, min-naħa tiegħu, jitlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw kwistjonijiet relatati mal-inkompatibbiltà tal-uffiċċji. Il-Membri tal-PE jeħtiġilhom jiddikjaraw dan bil-miktub u jippreżentaw dikjarazzjoni mhux aktar tard minn sitt ijiem qabel is-seduta kostituttiva tal-Parlament.
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament jivverifika ex post il-kredenzjali ġodda tal-Membri l-ġodda, u jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-informazzjoni li jagħtuh l-Istati Membri. Id-deċiżjoni mbagħad tiġi kkomunikata lill-President, li jinforma lill-plenarja matul is-seduta sussegwenti. Minbarra l-verifika tal-kredenzjali, il-Parlament jiddeċiedi wkoll dwar kwalunkwe tilwim skont l-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett, ħlief dawk ibbażati fuq il-liġijiet elettorali nazzjonali.
Meta jiġi stabbilit li Membru tal-PE għandu kariga inkompatibbli, il-Parlament “għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ post vakanti.”