Il-President tal-PE Metsola tniedi kampanja “Generators of Hope” biex tgħin lill-Ukrajna 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Biex l-Ukrajna jkollha ġeneraturi tal-enerġija, il-President tal-PE Roberta Metsola u Dario Nardella, Sindku ta’ Firenze u President tal-Eurocities, nedew il-kampanja, “Generators of Hope”.

Roberta Metsola, President tal-Parlament Ewropew, u Dario Nardella, Sindku ta’ Firenze u President tal-Eurocities — netwerk ta’ aktar minn 200 l-akbar bliet fl-Ewropa — nedew nhar l-Erbgħa l-inizjattiva “Generators of Hope”. It-tnedija kienet fil-preżenza ta’ u milqugħa minn Andriy Yermak, Kap tal-Uffiċċju tal-President Ukren Zelenskyy. Il-kampanja tappella lill-ibliet biex jagħtu ġeneraturi tal-enerġija u transformers biex jgħinu lill-Ukraini jgħaddu mix-xitwa ħarxa li ġejja.

Dawn il-ġeneraturi se jgħinu biex il-faċilitajiet essenzjali fil-pajjiż ikunu jistgħu jibqgħu jiġu pprovduti, billi tiġi pprovduta l-enerġija lill-isptarijiet, l-iskejjel, il-faċilitajiet tal-provvista tal-ilma, iċ-ċentri ta’ solliev, ix-xelters, l-arbli tat-telefown u aktar.

B’riżultat tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-attakki kontinwi tar-Russja fuq infrastruttura ċivili kritika, kollha atti li jiksru l-liġi internazzjonali u umanitarja, aktar minn nofs in-netwerk tal-elettriku tal-Ukrajna saritlu ħsara jew inqered, u miljuni ta’ Ukraini huma mingħajr elettriku.

Waqt il-konferenza stampa li ħabbret il-kampanja, il-President tal-PE Roberta Metsola qalet:

“Il-Parlament Ewropew u l-UE wrew solidarjetà notevoli mal-Ukrajna fuq il-front umanitarju, militari u finanzjarju. Issa l-poplu jeħtieġ appoġġ prattiku biex jgħaddu x-xitwa.

Nappella lill-bliet, l-irħula u r-reġjuni kollha madwar l-Ewropa biex jissieħbu fil-kampanja tal-“Generators of hope”. Flimkien nistgħu nagħmlu differenza reali.”

Il-President tal-Eurocities u s-Sindku ta’ Firenze Dario Nardella qal:

“Mill-bidu tal-gwerra, Eurocities irnexxielha tappoġġja lill-Ukrajna. Fid-19 ta’ Awwissu ffirmajna memorandum ta’ qbil fi Kiev biex nappoġġaw ir-rikostruzzjoni sostenibbli tal-Ukrajna. Issa se nikkoordinaw ma’ aktar minn 200 belt ewlenija flimkien mal-organizzazzjonijiet sħab tagħna, u mal-President Metsola, se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex noffru għajnuna diretta lill-poplu tal-Ukrajna.

Matul il-laqgħa annwali tagħna tal-Pjattaforma ta’ Kooperazzjoni Eurocities fi Vjenna l-ġimgħa d-dieħla, se nippreżentaw fid-dettall l-inizjattiva lil aktar minn 80 belt parteċipanti. Bħala Sindki, il-kollegi tiegħi u jien nafu l-importanza tas-servizzi lokali. Bit-tnedija ta’ din is-sejħa diretta għal azzjoni għall-ibliet biex jingħaqdu flimkien u jgħinu lill-Ukrajna billi jagħtu donazzjoni ta’ ġeneraturi u transformers, nistgħu ngħinu biex jiġi żgurat li l-ibliet tal-Ukrajna jkunu jistgħu jimmaniġġjaw il-ħajja ta’ kuljum tagħhom bl-aħjar mod possibbli. Irridu naġixxu immedjatament. Ix-xitwa hija magħna, m’hemm l-ebda elettriku u gass, m’hemmx ħin x’jinħela.”

Andriy Yermak, Kap tal-Uffiċċju tal-President Ukrain Zelenskyy, qal:

“Aħna kburin li l-Ewropej u l-istituzzjonijiet tagħhom, bħall-Parlament Ewropew u l-Eurocities, illum qiegħdin spalla ma’ spalla mal-Ukrajna fir-rispons għat-tattiċi terroristiċi tar-Russja kontra ċ-ċivili tal-Ukrajna.”

Tista’ tara l-filmat tal-konferenza stampa .