Il-Parlament jonora lil Edmundo González Urrutia u lil María Corina Machado
Il-President Metsola ppreżentat il-Premju Sakharov 2024 lil Edmundo González Urrutia u lil María Corina Machado tal-Venezwela f’ċerimonja t-Tlieta fi Strasburgu.
Meta fetħet iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2024, il-President Metsola qalet: "Fit-tfittxija tagħhom għall-ġustizzja, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, Edmundo González Urrutia u María Corina Machado qed jiddefendu bla biża' l-valuri li miljuni ta' Venezwelani u l-Parlament Ewropew tant jgħożżu. Dan il-premju mhuwiex biss rikonoxximent iżda wkoll tfakkira li l-ġlieda għal-libertà qatt m'higħalxejn. Il-futur tal-Venezwela jappartjeni lill-poplu tagħha u l-Parlament Ewropew jinsab kburi warajhom."
María Corina Machado, irrappreżentata fiċ-ċerimonja minn bintha Ana Corina Sosa, ġiet eletta kandidata tal-oppożizzjoni għall-presidenza Venezwelana f'isem il-"Pjattaforma Demokratika Magħquda" fl-2023, qabel ma ġiet skwalifikata mill-Kunsill Elettorali Nazzjonali kkontrollat mill-gvern.
Edmundo González Urrutia, diplomatiku u politiku li ħa post Machado bħala l-kandidat ewlieni tal-oppożizzjoni wara l-iskwalifika tagħha, ikkritika li r-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Lulju 2024 ma ġewx ippubblikati u kkontesta r-rebħa ddikjarata ta’ Nicolás Maduro. Huwa telaq mill-Venezwela f’Settembru 2024, wara l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest kontrih, u ngħata rifuġju fi Spanja.
Meta indirizza l-MPE, is-Sur González Urrutia qal: "Aktar kmieni milli tard, pajjiżna se jieħu dawra f'direzzjoni determinata mill-poplu tagħna. L-abbuż u l-vjolenza ta’ dawn il-jiem huma biss tentattiv ħażin biex jiġi pospost dak li ma jistax jiġi evitat.”
"L-ebda gvern ibbażat fuq il-vjolenza mhu stabbli," qal is-Sur González Urrutia, filwaqt li ssottolinja l-fatt li l-Venezwelani, inklużi l-partiġjani u l-ex partiġjani tar-reġim, "iridu javvanzaw fit-triq tal-libertà, id-demokrazija u l-fehim fostna lkoll."
Il-President elett tal-Venezwela qal li l-Premju Sakharov isaħħaħ l-impenn tiegħu għad-djalogu u jissimbolizza l-unità tad-demokratiċi madwar id-dinja li “illum, aktar minn qatt qabel, għandhom bżonn lil xulxin”. Huwa kkonkluda li “l-ġlieda tal-Venezwela għal-libertà u d-demokrazija hija l-ġlieda għal dawn il-valuri fid-dinja kollha.”
Fl-intervent tagħha li sar mill-bogħod, María Corina Machado ddenunzjat il-fatt li "għal kwart ta' seklu ppruvaw jifirduna, idgħajfuna u jrażżnuna (...). Meta ppriedkaw il-mibegħda, huma ppruvaw iġelduna kontra xulxin, kontra n-nies; jaqsmuna bejn is-sinjuri u l-foqra, ix-xellug u l-lemin, l-abjad u l-iswed, dawk li jitilqu u dawk li jibqgħu, kif ukoll għat-twemmin reliġjuż tagħna."
“Huma qerdu wkoll l-istituzzjonijiet demokratiċi kollha, minn ġudikatura indipendenti sal-vot popolari. Reġim korrott u kriminali xekkel l-ekonomija, filwaqt li kiseb l-agħar livelli ta’ iperinflazzjoni fl-istorja u għamel li miljuni saru dipendenti fuq għajnuna pubblika kkundizzjonata għal-lealtà politika, mingħajr dinjità u lanqas futur,” żiedet tgħid. "Iżda dik il-Venezwela mkissra rreaġixxiet," żiedet is-Sinjura Machado, filwaqt li enfasizzat li l-elezzjonijiet presidenzjali tat-28 ta' Lulju mmarkaw il-bidu ta' bidla ġenwina bla waqfien li tmur lil hinn miż-żmien attwali u l-fruntieri tal-Venezwela. “Nafu li se nirnexxu (...); ir-rebħa tal-Venezwela se tkun ir-rebħa tal-umanità kollha,”, ikkonkludiet, filwaqt li rringrazzjat lill-Parlament Ewropew “ talli pprova li m’aħniex waħedna”.
’rżDZܳDzԾ adottata fid-19 ta’ Settembru 2024, il-Parlament Ewropew irrikonoxxa lis-Sur González Urrutia bħala l-President leġittimu u elett demokratikament tal-Venezwela u lil María Corina Machado bħala mexxej tal-forzi demokratiċi tal-pajjiż. Il-MPE qalu wkoll li r-rapporti tal-missjonijiet internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali għamluha ċara li l-elezzjoni presidenzjali tal-Venezwela ma kinitx konformi mal-istandards internazzjonali tal-integrità elettorali.
Aktar kmieni fi Frar 2024, il-Parlament Ewropew kien ħeġġeġ lill-istati membri biex iżommu s-sanzjonijiet imposti fuq ir-reġim ta' Maduro, u biex iżiduhom sakemm ikun hemm impenn ċar u permanenti mir-reġim, f'konformità mal-Ftehim ta' Barbados, li jirrispetta l-istandards demokratiċi bażiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.
F’Lulju 2023, il-Parlament Ewropew ikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni arbitrarja u antikostituzzjonali tar-reġim tal-Venezwela li jipprevjeni lil personalitajiet prominenti tal-oppożizzjoni politika bħal María Corina Machado, Leopoldo López, Henrique Capriles u Freddy Superlano milli joħorġu għall-elezzjonijiet tal-2024.
Tista'
Kuntatti:
-
Elodie LABORIE
Press Officer -
Eoghan WALSH
Press OfficerInformazzjoni ta' kuntatt: