X'inhu l-progress tal-UE kontra t-tibdil fil-klima? (infografika)

L-UE stabbiliet miri ambizzjużi u konkreti biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha. Ara l-progress lejn l-għanijiet tat-tibdil fil-klima.

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija prijorità għall-UE. Hija impenjat ruħha għal sensiela ta’ objettivi li jistgħu jitkejlu u ħadet diversi miżuri biex tnaqqas il-gassijiet serra. Xi progress diġà sar kontra t-tibdil fil-klima?

Il-progress tal-UE lejn l-għanijiet tagħha dwar it-tibdil fil-klima

L-UE għandha l-għan li sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’55 % meta mqabbla mal-1990, u li sal-2050 ssir newtrali għall-klima. Dawn il-miri saru legalment vinkolanti bl-adozzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-klima fl-2021, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

L-emissjonijiet ilhom jonqsu b’mod konsistenti mill-1990 sal-2023. Huwa stmat li fl-2023, l-emissjonijiet tal-UE kienu 37 % inqas milli fl-1990, wara tnaqqis sinifikanti ta’ 8 % meta mqabbla mal-2022.

Sena wara sena, dan huwa l-akbar tnaqqis fl-emissjonijiet f’għexieren ta’ snin, ħlief għat-tnaqqis ikkawżat mill-pandemija tal-COVID fl-2020. Il-progress kien dovut għal tnaqqis fl-użu tal-faħam u t-tkabbir ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u appoġġat minn tnaqqis fil-konsum tal-enerġija madwar l-Ewropa.

Madankollu, l-UE u l-pajjiżi tal-UE jaf ikollhom aktar ħidma quddiemhom biex jilħqu l-miri tat-tibdil fil-klima għall-2030 u l-2050. Skont l-aħħar projezzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq miżuri eżistenti, it-tnaqqis nett tal-emissjonijiet ikun biss ta' madwar 43 % sal-2030. Iżda biż-żieda ta’ miżuri ppjanati li għadhom ma tnedewx mill-pajjiżi tal-UE, it-tnaqqis previst ikun ta’ 49 % sal-2030.

Progress fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija


Biex tilħaq il-miri klimatiċi tagħha, l-UE qed tieħu azzjoni f’diversi oqsma. Waħda minnhom hija l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) li tkopri l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn faċilitajiet fuq skala kbira fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija, kif ukoll is-settur tal-avjazzjoni, li jammonta għal madwar 40 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra tal-UE.

Bejn l-2005 u l-2023, l-emissjonijiet mill-impjanti tal-enerġija u mill-fabbriki koperti mill-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet naqsu b’47%, xprunati l-aktar minn tnaqqis kbir fis-settur tal-provvista tal-enerġija (fejn l-emissjonijiet naqsu bin-nofs meta mqabbla mal-2005) u fis-settur industrijali (fejn l-emissjonijiet tnaqqsu b’aktar minn terz). L-għan huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet taħt l-ETS bi 62% sal-2030 meta mqabbla mal-livell tal-2005.

Xejriet tal-emissjonijiet skont il-pajjiż tal-UE


Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn setturi oħra (il-bini, l-agrikoltura, l-industrija żgħira u l-iskart, kif ukoll it-trasport domestiku, iżda mhux l-avjazzjoni), il-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu l-miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. L-emissjonijiet mis-setturi koperti mill-miri nazzjonali kienu 18% inqas fl-2022 milli fl-2005, filwaqt li l-mira ta’ tnaqqis tal-2030 hija 40 % inqas milli fl-2005.

Is-settur tal-bini ra tnaqqis importanti fl-emissjonijiet tiegħu (tnaqqis ta’ aktar minn 30% meta mqabbel mal-2005 fl-2023) iżda l-progress kien aktar bil-mod fis-setturi tal-agrikoltura u tat-trasport.

Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra fis-setturi koperti mir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi bejn 10% u 50% sal-2030 meta mqabbla mal-2005. Il-miri nazzjonali li ġew stabbiliti jqisu l-prodott domestiku gross per capita ta’ kull pajjiż u l-kosteffettività tal-miżuri. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE se jkollhom jiżguraw li ma jaqbżux l-allokazzjoni annwali tagħhom tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Aktar infografika dwar it-tibdil fil-klima

Tgħallem aktar