L-intelliġenza artifiċjali: Opportunitajiet u riskji
L-intelliġenza artifiċjali (IA) taffettwalna dejjem aktar ħajjitna. Tgħallem dwar l-opportunitajiet u r-riskji għas-sigurtà, id-demokrazija, in-negozji u l-impjiegi.
It-tkabbir u l-ġid tal-Ewropa huma marbuta mill-qrib ma’ kif se tagħmel użu mid-data u t-teknoloġiji konnessi. L-IA tista’ tagħmel differenza kbira f’ħajjitna — għall-aħjar jew għall-agħar.
Huwa għalhekk li, f’Ġunju 2024, l-UE adottat l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, l-ewwel leġiżlazzjoni komprensiva fid-dinja dwar is-suġġett, biex tiżgura li s-sistemi tal-IA użati fl-UE jkunu sikuri u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.
Hawn taħt hawn xi opportunitajiet u theddid ewlenin marbuta mal-applikazzjonijiet futuri tal-IA u kif l-Att dwar l-IA għandu l-għan li jindirizzahom.
181 zettabyte
Volum stmat ta’ data li għandha tiġi ġġenerata fid-dinja fl-2025 (zettabyte waħda hija elf biljun gigabyte)
Il-vantaġġi tal-IA
Il-pajjiżi tal-UE diġà huma b'saħħithom fl-industrija diġitali u fl-applikazzjonijiet minn negozju għal negozju. B'infrastruttura diġitali ta' kwalità għolja u qafas regolatorju li jipproteġi l-privatezza u l-libertà tal-espressjoni, l-UE tista' .
Il-benefiċċji tal-IA għaċ-ċittadini
L-IA tista' tgħin biex ċ-ċٳٲ徱Ծ jingħataw kura tas-saħħa mtejba, karozzi u sistemi oħra tat-trasport aktar sikuri, u prodotti u servizzi mfassla apposta, orħos u li jdumu aktar. L-IA tiffaċilita wkoll l-aċċess għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ
L-IA tista' wkoll tagħmel il-postijiet tax-xogħol aktar sikuri peress li jistgħu jintużaw r-robots għal partijiet perikolużi tal-impjiegi, u tiftaħ pożizzjonijiet ġodda ta' impjieg hekk kif l-industriji xprunati mill-IA jikbru u jinbidlu.
67 %
Il-perċentwal ta’ Ewropej li jipperċepixxu b’mod pożittiv l-użu tat-teknoloġiji diġitali, inkluża l-intelliġenza artifiċjali, biex itejbu s-sikurezza u s-sigurtà tal-ħaddiema.
Opportunitajiet tal-intelliġenza artifiċjali għan-negozji
ħ-Աdzᾱ, l-IA tista' tippermetti l-iżvilupp ta' ġenerazzjoni ġdida ta' prodotti u servizzi, inkluż f'setturi fejn il-kumpaniji Ewropej diġà għandhom pożizzjonijiet b'saħħithom: l-ekonomija ħadra u ċirkolari, il-makkinarju, il-biedja, il-kura tas-saħħa, il-moda, it-turiżmu. Hi tista' tippermetti mogħdijiet ta' bejgħ aktar faċli u ottimizzati, ittejjeb il-manutenzjoni tal-magni, iżżid il-produzzjoni u l-kwalità tal-produzzjoni, ittejjeb is-servizz tal-konsumatur, u tiffranka l-enerġija.
Opportunitajiet tal-IA fis-servizzi pubbliċi
L-IA użata fis-servizzi pubbliċi tista' tnaqqas l-ispejjeż u toffri possibbiltajiet ġodda fit-trasport pubbliku, l-edukazzjoni, u l-ġestjoni tal-enerġija u tal-iskart u ttejjeb is-sostenibbiltà tal-prodotti. Għalhekk, l-IA tista' tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE.
It-tisħiħ tad-demokrazija
Id-demokrazija tista’ ssir aktar b’saħħitha bl-użu ta’ skrutinju bbażat fuq id-data, il-prevenzjoni tad-diżinformazzjoni u l-attakki ċibernetiċi u l-iżgurar tal-aċċess għal informazzjoni ta’ kwalità. L-IA tista’ tappoġġa wkoll id-diversità u l-ftuħ, pereżempju billi timmitiga l-possibbiltà ta’ preġudizzju fid-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ u minflok tuża data analitika.
L-IA, is-sigurtà u s-sikurezza
Huwa previst li l-IA tintuża aktar fil-prevenzjoni tal-kriminalità u fis-sistema tal-ġustizzja kriminali, peress li settijiet ta’ data massivi jistgħu jiġu pproċessati aktar malajr, ir-riskji ta’ ħabsin li jaħarbu jiġu vvalutati b’mod aktar preċiż, il-kriminalità jew saħansitra l-attakki terroristiċi evitati. Diġà qed tintuża minn pjattaformi online biex jidentifikaw u jirreaġixxu għal imġiba online illegali u mhux xierqa.
Fi kwistjonijiet militari, l-IA tista’ tintuża għal strateġiji ta’ difiża u attakki fl-hacking u l-phishing jew biex timmira sistemi ewlenin fil-gwerra ċibernetika, filwaqt li l-vantaġġ ewlieni tas-sistemi ta’ armi awtonomi huwa l-potenzjal li wieħed jidħol f’kunflitt armat bir-riskju mnaqqas ta’ ħsara fiżika.
Ir-riskji u l-isfidi tal-IA
Id-dipendenza dejjem akbar fuq is-sistemi tal-IA toħloq ukoll riskji potenzjali.
Nuqqas ta' użu u użu żejjed tal-IA
In-nuqqas ta' użu tal-IA huwa meqjus bħala riskju kbir: l-opportunitajiet mitlufa fl-użu tal-IA għall-UE jistgħu jfissru implimentazzjoni fqira tal-programmi ewlenin, it-telf ta' vantaġġ kompetittiv fil-konfront ta' reġjuni oħra, staġnar ekonomiku u possibbiltajiet anqas favorevoli għaċ-ċittadini. In-nuqqas ta' użu jista' jirriżulta min-nuqqas ta' fiduċja tal-pubbliku u tan-negozji fl-IA, minn infrastruttura fqira, nuqqas ta' inizjattiva, investimenti baxxi, jew, peress li t-tagħlim awtomatiku tal-IA huwa dipendenti fuq id-data, minn swieq diġitali frammentati.
L-użu eċċessiv jista' wkoll ikun problematiku: l-investiment f'applikazzjonijiet tal-IA li jirriżultaw li ma jkunux utli jew li l-applikazzjoni tal-IA għal kompiti li għalihom mhijiex adatta, pereżempju l-użu tagħha biex tispjega kwistjonijiet soċjetali kumplessi.
L-Att dwar l-IA għandu l-għan li jindirizza dawn iż-żewġ perikli. Għandu l-għan li jrawwem IA affidabbli fl-Ewropa - kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji, jindirizza r-riskji maħluqa mill-IA u jfittex li jpoġġi lill-Ewropa bħala forza ewlenija f'dan il-qasam.
Ir-responsabbiltà: Min għandu jieħu t-tort għall-ħsara kkawżata mill-IA?
Sfida importanti hija li jiġi ddeterminat min hu responsabbli għall-ħsara kkawżata minn apparat jew servizz imħaddem bl-IA: f'inċident li jinvolvi karozza awtonoma, id-danni għandhom ikunu koperti mis-sid, mill-manifattur tal-karozza jew mill-programmatur?
Jekk il-produttur ikun assolutament ħieles mir-responsabbiltà, jista' ma jkun hemm l-ebda inċentiv biex jiġi pprovdut prodott jew servizz tajjeb, u dan jista' jagħmel ħsara lill-fiduċja tan-nies fit-teknoloġija; iżda r-regolamenti jistgħu jkunu stretti wisq u joħonqu l-innovazzjoni.
It-theddid tal-IA għad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija
Ir-riżultati li tipproduċi l-IA jiddependu fuq kif tkun imfassla u fuq liema data tuża. Kemm id-disinn kif ukoll id-data jistgħu jkunu preġudikati intenzjonalment jew b'mod mhux intenzjonat. Pereżempju, xi aspetti importanti ta' kwistjoni jistgħu ma jiġux ipprogrammati fl-algoritmu jew jistgħu jiġu pprogrammati biex jirriflettu u jirreplikaw preġudizzji strutturali. Barra minn hekk, l-użu tan-numri biex jirrappreżentaw realtà soċjali kumplessa jista' jwassal biex l-IA tidher fattwali u preċiża meta fil-fatt ma tkunx. Dan ġieli jissejjaħ "mathwashing".
Jekk ma tkunx ipprogrammata kif suppost, l-IA tista' twassal għal deċiżjonijiet, fir-rigward ta' offerta ta' xogħol jew ta' tkeċċija, meta jiġi offrut self, jew saħansitra fi proċedimenti kriminali, li jkunu influwenzati mill-etniċità, mill-ġeneru jew mill-età.
L-IA jista' jkollha impatt serju fuq id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Tista' tintuża pereżempju f'tagħmir ta' rikonoxximent tal-wiċċ jew għal traċċar u tfassil ta' profili online ta' individwi. Barra minn hekk, l-IA tippermetti l-amalgamazzjoni ta' biċċiet ta' informazzjoni li persuna tkun tat f'data ġdida, li tista' twassal għal riżultati li l-persuna ma tkunx qed tistenna.
Tista' wkoll tkun ta' theddida għad-demokrazija; L-IA diġà ġiet akkużata li ħolqot bżieżaq ta' eku (echo chambers) online ibbażati fuq l-imġiba online preċedenti ta' persuna, li turi biss kontenut li jkun jogħġob lill-persuna, minflok toħloq ambjent għal dibattitu pubbliku pluralistiku, aċċessibbli b'mod ugwali u inklużiv. Tista' tintuża wkoll biex toħloq vidjows, awdjos u immaġnijiet foloz iżda estremament realistiċi, magħrufa bħala deepfakes, li jistgħu jippreżentaw riskji finanzjarji, jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni, u jisfidaw it-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan kollu jista' jwassal għal separazzjoni u polarizzazzjoni fl-isfera pubblika u jimmanipula l-elezzjonijiet.
L-IA jista' jkollha rwol ukoll biex tagħmel ħsara lil-libertà tal-għaqda u tal-protesta peress li tista' ssegwi u tintuża għall-profil tal-individwi marbuta ma' ċerti twemmin jew azzjonijiet.
Biex jiġi evitat il-preġudizzju, l-Att dwar l-IA jirrikjedi li s-settijiet tad-data użati għat-taħriġ tal-IA jkunu kemm jista’ jkun kompluti u ħielsa mill-iżbalji. Tirregola wkoll l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet tal-IA li jistgħu jheddu d-drittijiet taċ-ċittadini - pereżempju, l-użu ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika mill-infurzar tal-liġi huwa pprojbit, ħlief f’xi każijiet definiti b’mod strett.
L-Att dwar l-IA introduċa wkoll rekwiżit li l-immaġnijiet, il-kontenut awdjo jew vidjo maħluqa jew immanipulati b’mod artifiċjali, jiġifieri deep fakes, għandhom jiġu mmarkati b’mod ċar u viżibbli bħala tali.
L-impatt tal-IA fuq l-impjiegi
L-użu tal-IA fuq il-post tax-xogħol huwa mistenni li jirriżulta fl-eliminazzjoni ta' għadd kbir ta' impjiegi. Għalkemm l-IA hija mistennija wkoll li toħloq u tagħmel impjiegi aħjar, l-edukazzjoni u t-taħriġ se jkollhom rwol kruċjali biex jipprevjenu l-qgħad fit-tul u jiżguraw forza tax-xogħol b'ħiliet.
84 %
Il-perċentwal ta' Ewropej li jemmnu li r-robots u l-IA huma teknoloġiji li jeħtieġu ġestjoni bir-reqqa
Kompetizzjoni
L-akkumulu tal-informazzjoni jista' jwassal ukoll għal distorsjoni tal-kompetizzjoni peress li l-atturi bl-aktar informazzjoni jistgħu jiksbu vantaġġ u jeliminaw b'mod effettiv lill-kompetituri.
Riskji ta' sikurezza u sigurtà
Applikazzjonijiet tal-IA li huma f'kuntatt fiżiku mal-bnedmin jew integrati fil-ġisem tal-bniedem jistgħu joħolqu riskji għas-sikurezza peress li jistgħu jkunu ddisinjati, użati ħażin jew hacked. L-użu mhux regolat tajjeb tal-IA fl-armamenti jista' jwassal għat-telf tal-kontroll tal-bniedem fuq l-armamenti perikolużi.
L-isfidi għat-trasparenza
L-iżbilanċi fl-aċċess għall-informazzjoni jistgħu jiġu sfruttati. Pereżempju, abbażi tal-imġiba online ta' persuna jew ta' data oħra u mingħajr l-għarfien tagħha, bejjiegħ online jista' juża l-IA biex ibassar kemm hija lesta li tħallas, jew kampanja politika tista' tadatta l-messaġġ tagħha. Kwistjoni oħra ta' trasparenza hija li xi kultant jista' ma jkunx ċar għan-nies jekk humiex qed jinteraġixxu ma' IA jew ma' persuna.
L-Att dwar l-IA jindirizza dawn l-isfidi billi jirregola l-użu tal-IA biex jiġu evitati l-manipulazzjoni tal-imġiba tal-bniedem, il-qerq jew l-isfruttament tal-vulnerabbiltajiet tan-nies.