Statistika agrikola tal-UE: sussidji, impjiegi, produzzjoni (infografika)

Skopri fatti u ċifri dwar il-biedja fl-UE, inkluż il-finanzjament skont il-pajjiż, l-impjiegi u l-produzzjoni.

L-agrikoltura hija industrija importanti għall-pajjiżi kollha tal-UE u kollha kemm huma jirċievu fondi tal-UE permezz tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Dawn il-fondi jappoġġaw b'mod dirett lill-bdiewa permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija, u ż-żoni rurali, l-azzjoni klimatika u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

Skopri kif il-Politika Agrikola Komuni tappoġġa lill-bdiewa

Sussidji agrikoli tal-UE skont il-pajjiż

Fl-2019, intefqu €38.2 biljun fuq pagamenti diretti lill-bdiewa u €13.8 biljun fuq l-iżvilupp rurali. €2.4 biljun oħra appoġġaw is-suq għall-prodotti agrikoli.

Ir-regoli li jirregolaw kif jintefqu l-fondi tal-Politika Agrikola Komuni huma determinati mill-baġit fit-tul tal-UE. Ir-regoli attwali jibqgħu għaddejjin sa Diċembru 2022, u wara se tidħol fis-seħħ l-aħħar riforma tal-Politika Agrikola Komuni u din tibqa' għaddejja sal-2027.

It-tqassim tal-fondi tal-Politika Agrikola Komuni bejn il-pajjiżi tal-UE
It-tqassim tal-fondi tal-Politika Agrikola Komuni bejn il-pajjiżi tal-UE

Statistika tal-UE dwar l-impjiegi fl-agrikoltura

L-industrija agrikola fl-2019 appoġġat 9,476,600 impjieg u (fl-2018) 3,769,850 impjieg fil-produzzjoni tal-ikel u fl-2020 kienet tirrappreżenta 1.3% tal-prodott domestiku gross tal-UE.

Fl-2019, ir-Rumanija kellha l-aktar nies impjegati fl-agrikoltura, filwaqt li fl-2018 il-Ġermanja kellha l-aktar nies impjegati fil-produzzjoni tal-ikel.

Għal kull euro li jintefaq, is-settur tal-biedja joħloq €0.76 addizzjonali għall-ekonomija tal-UE. Il-valur miżjud gross mill-biedja - id-differenza bejn il-valur ta' dak kollu li pproduċa s-settur agrikolu primarju tal-UE u l-ispiża tas-servizzi u l-oġġetti użati fil-proċess tal-produzzjoni - kien ta' €178.4 biljun fl-2020.

Is-setturi tal-ikel u tal-agrikoltura fl-UE
Is-setturi tal-ikel u tal-agrikoltura fl-UE

Prodotti agrikoli tal-Ewropa

L-agrikoltura tal-UE tipproduċi varjetà kbira ta' prodotti tal-ikel, miċ-ċereali sal-ħalib. L-UE lleġiżlat biex tiżgura li l-ikel prodott u mibjugħ fl-UE jkun tajjeb biex jittiekel. L-istrateġija tal-UE mill-għalqa sal-platt, imħabbra fl-2020, għandha l-għan li tiżgura li l-ikel jiġi prodott ukoll b'mod aktar sostenibbli. Il-Membri tal-PE jridu jnaqqsu l-użu tal-pestiċidi biex jipproteġu aħjar id-dakkara u l-bijodiversità, itemmu l-użu tal-gaġeġ fit-trobbija tal-annimali u jżidu l-użu tal-art għall-biedja organika sal-2030.

Il-produzzjoni tal-ikel fl-UE
Il-produzzjoni tal-ikel fl-UE

Il-Politika Agrikola Komuni