Reviżjoni tal-baġit fit-tul tal-UE: l-UE tħejji biex tgħin lill-Ukrajna
Il-gwerra fl-Ukrajna u l-inflazzjoni naqqsu r-riżervi fil-baġit fit-tul tal-UE. Iżda issa l-Unjoni qed tilqa’ l-isfidi.
X’inhu l-baġit fit-tul tal-UE
Il-baġit fit-tul tal-UE huwa magħruf bħala l-Qafas Finanzjarju Pluriennali, jew il-QFP. Huwa l-pjan finanzjarju fuq medda ta’ seba’ snin li jiddetermina l-ammont ta’ flus li l-UE tista’ tinvesti fuq prijoritajiet differenti, bħall-appoġġ lill-bdiewa, ir-reġjuni, in-negozji, l-istudenti jew ir-riċerkaturi.
Il-baġit fit-tul jistabbilixxi limiti għall-infiq annwali tal-UE. Il-qafas attwali jkopri l-perjodu 2021–2027. Peress li jkopri tant snin, ġie rieżaminat fl-2023 biex jara x’bidliet kienu meħtieġa. Il-Parlament u l-Kunsill issa qablu dwar bidliet għall-baġit fit-tul.
Tgħallem aktar dwar il-baġit fit-tul tal-UE
Għaliex il-baġit fit-tul tal-UE ġie rivedut u aġġustat
Saru ħafna żviluppi mhux previsti minn meta l-UE adottat il-baġit fit-tul attwali tagħha fi tmiem l-2020.
Il-gwerra fl-Ukrajna biddlet b’mod drammatiku s-sitwazzjoni ġeopolitika fil-kontinent.
L-UE bagħtet għajnuna finanzjarja u umanitarja u qablet li żżid il-produzzjoni ta’ munizzjon u missili għall-Ukrajna. Miljuni ta’ refuġjati Ukreni fittxew protezzjoni fil-pajjiżi tal-UE.
Iż-żieda fir-rati tal-imgħax, mibdija mill-banek ċentrali biex iwaqqfu l-inflazzjoni, wasslet għal żieda sostanzjali fil-kostijiet tas-self tal-UE marbuta mal-pjan ta’ rkupru ta’ wara l-COVID.
Sfidi oħra li qed tiffaċċja l-UE jinkludu l-influssi persistenti tal-migrazzjoni u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-awtonomija tal-UE fl-industriji kritiċi.
Bidliet fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-baġit fit-tul tal-UE
Dawn huma wħud mill-bidliet ewlenin li jsiru fil-baġit:
- (inkluż self ta’ €33 biljun u għotjiet ta’ €17-il biljun).
- Għall-migrazzjoni u kwistjonijiet esterni, ir-reviżjoni tal-baġit talloka €2 biljun addizzjonali għall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, u €1 biljun għal inizjattivi tal-UE f’reġjuni ġirien u madwar id-dinja. €4.5 biljun addizzjonali se jiġu riallokati minn programmi oħra tal-politika esterna tal-UE.
- €5 biljun addizzjonali huma mwarrba biex jiġu miġġielda l-problemi mhux mistennija sal-2027. Total ta’ €1.5 biljun f’fondi ġodda jmorru għal investimenti fid-difiża.
Xi wħud mill-fondi għall-prijoritajiet il-ġodda żdiedu, filwaqt li xi wħud ġew allokati mill-ġdid mill-programmi eżistenti.
Passi leġiżlattivi
Id-deċiżjonijiet dwar il-baġit fit-tul jittieħdu unanimament mill-kapijiet tal-istati u l-gvernijiet tal-UE fil-Kunsill Ewropew, wara li jiksbu l-kunsens tal-Parlament. F’termini prattiċi, ir-rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Parlament jinnegozjaw u jilħqu ftehim. Dan il-ftehim ġie ffinalizzat fi Frar 2024.
Il-Parlament ivvota formalment ukoll fi Frar 2024 biex japprova l-bidliet fil-baġit, li jidħlu fis-seħħ wara deċiżjoni finali mill-Kunsill.