Id-Delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew 

Id-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma gruppi uffiċjali ta' Membri tal-PE (Membri tal-Parlament Ewropew) li jżommu u japprofondixxu relazzjonijiet mal-parlamenti ta' pajjiżi, reġjuni u organizzazzjonijiet li mhumiex fl-UE.

B'dan il-mod, id-delegazzjonijiet jaġixxu bħala r-rabta ewlenija tal-Parlament ma' organi oħra, kemm f'pajjiżhom kif ukoll barra minn pajjiżhom.

Permezz ta' ħidma b'kooperazzjoni mal-kumitati tal-Parlament u mal-Membri tal-PE li jappoġġjaw id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem lil hinn mill-fruntieri tal-UE, id-delegazzjonijiet isaħħu l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Bl-eżerċitar ta' diplomazija parlamentari permezz ta' diskussjonijiet regolari, id-delegazzjonijiet jippromwovu wkoll l-UE b'mod ġenerali u jinkoraġġixxu lis-sħab tagħha biex jirrispettaw il-valuri u l-interessi tal-UE.

Hemm diversi tipi ta' delegazzjonijiet: delegazzjonijiet għall-kumitati interparlamentari formali, delegazzjonijiet għall-assemblej parlamentari multilaterali u delegazzjonijiet għar-relazzjonijiet ma' pajjiż ieħor jew ma' grupp ta' pajjiżi.