RAPPORTdwar ir-rapporti tal-Kummissjoni tal-2023 u l-2024 dwar il-Kosovo
16.4.2025-()
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Riho Terras
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-rapporti tal-Kummissjoni tal-2023 u l-2024 dwar il-Kosovo
()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra[1], li daħal fis-seħħ fl-1ta’April2016,
–wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Kosovo biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea tal-15ta’Diċembru2022,
–wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Kosovo biex jissieħeb fil-Kunsill tal-Ewropa tat-12ta’Mejju2022,
–wara li kkunsidra l-ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi tal-Unjoni[2], fis-seħħ mill-1ta’Awwissu2017,
–wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)[3],
–wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1449 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent[4],
–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Tessalonika tad-19 u l-20ta’Ġunju2003,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Summits bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-17 ta’ Mejju 2018 f’Sofija, tas-6 ta’ Mejju 2020 f’Zagreb, tas-6 ta’ Ottubru 2021 fi Brdo pri Kranju, tas-6 ta’ Diċembru 2022 f’Tirana, tat-13 ta’ Diċembru 2023 fi Brussell, u tat-18 ta’ Diċembru 2024 fi Brussell,
–wara li kkunsidra l-Proċess ta’ Berlin varat fit-28ta’Awwissu2014,
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2020 intitolata “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent” (),
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6ta’Ottubru2020 intitolata “Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent” (),
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8ta’Novembru2023 intitolata “Komunikazzjoni tal-2023 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (), akkumpanjata mid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolat “Kosovo 2023Report” (Rapport2023 dwar il-Kosovo) (SWD(2023)0692),
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8ta’Novembru2023 intitolata “Pjan ġdid ta’ tkabbir għall-Balkani tal-Punent” (),
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2024 dwar ir-riformi ta’ qabel it-tkabbir u r-rieżami tal-politika (),
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30ta’Ottubru2024 intitolata “Komunikazzjoni tal-2024 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (), akkumpanjata mid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolat “Kosovo 2024Report” (Rapport2024 dwar il-Kosovo) (SWD(2024)0692),
–wara li kkunsidra s-sommarju ġenerali u l-valutazzjonijiet tal-pajjiżi mill-Kummissjoni, tal-31 ta’ Mejju 2023 u tat-13 ta’ Ġunju 2024, tal-programm ta’ riforma ekonomika tal-Kosovo,
–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija, adottati mill-Kunsill fis-16 ta’ Mejju 2023 u l-konklużjonijiet konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u s-Sħab tal-Balkani tal-Punent, it-Turkija, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna, adottati mill-Kunsill fl-14 ta’ Mejju 2024,
–wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-10ta’Ġunju1999, l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22ta’Lulju2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta’ indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-Riżoluzzjoni64/298 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9ta’Settembru2010 li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħet id-disponibbiltà tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,
–wara li kkunsidra l-ewwel ftehim dwar il-prinċipji li jirregolaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo tad-19ta’April2013, l-ftehimiet tal-25ta’Awwissu2015, u d-djalogu ffaċilitat mill-UE li għadu għaddej għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet,
–wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Brussell tas-27 ta’ Frar 2023 u l-Ftehim ta’ Ohrid tat-18 ta’ Marzu 2023 u l-anness ta’ implimentazzjoni tiegħu,
–wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK)2023/1095 tal-5ta’Ġunju2023 li temenda l-Azzjoni Konġunta2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX Kosovo)[5], li estendiet il-mandat tal-missjoni sal-14ta’Ġunju2025,
–wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2023/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2018/1806 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (Kosovo)[6],
–wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea dwar l-elezzjonijiet muniċipali tal-2021 fil-Kosovo,
–wara li kkunsidra r-rapport preliminari tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea dwar l-elezzjonijiet parlamentari tal-2025 fil-Kosovo,
–wara li kkunsidra r-raba’ laqgħa tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo, li saret fi Brussell fis-7ta’Diċembru2021,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kosovo,
–wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati fit-12-illaqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Kosovo, li saret fid-9ta’Diċembru2024,
–wara li kkunsidra l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2024 minn Transparency International,
–wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2024 minn Reporters mingħajr fruntieri,
–wara li kkunsidra r-Rapport dwar id-Demokrazija tal-2024 ta’ Marzu 2024 mill-Istitut Varieties of Democracy (V-Dem),
–wara li kkunsidra l-Artikolu55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A10-0075/2025),
A.billi l-politika tat-tkabbir hija waħda mill-aktar strumenti effettivi tal-politika barranija tal-UE u waħda mill-aktar politiki ta’ suċċess biex jiġu inċentivati u mħeġġa riformi fundamentali, u hija investiment strateġiku ġeopolitiku fil-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fit-tul fil-kontinent kollu;
B.billi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma l-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE;
C.billi l-proċess ta’ tkabbir tal-UE huwa għodda strateġika għat-tisħiħ tal-istabbiltà, id-demokrazija u l-iżvilupp ekonomiku fl-Ewropa, u kull pajjiż tat-tkabbir huwa ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess u billi l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa u l-konformità mas-sett ta’ kriterji u l-valuri komuni Ewropej jiddeterminaw l-iskeda ta’ żmien u l-progress tal-adeżjoni; billi t-triq tal-Kosovo lejn is-sħubija fl-UE tiddependi wkoll fuq in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mas-Serbja;
D.billi l-UE hija l-akbar fornitur ta’ appoġġ finanzjarju lill-Kosovo;
E.billi l-Kosovo ġie soġġett għal indħil barrani u kampanji ta’ diżinformazzjoni, b’mod partikolari mir-Russja, speċjalment permezz tal-mezzi tal-informazzjoni nazzjonalisti Serbi, u miċ-Ċina, permezz tas-setgħa ta’ persważjoni, bil-għan li jiddestabbilizzaw l-istituzzjonijiet demokratiċi tiegħu, jipperikolaw il-koeżjoni tas-soċjetà, u jinċitaw il-vjolenza etnika; billi l-attakk ta’ Banjska/Banjskë f’Settembru 2023 kien segwit minn tixrid massiv ta’ diżinformazzjoni li kompla jaggrava t-tensjonijiet; billi l-awtoritajiet tal-Kosovo adottaw il-Liġi dwar il-Kummissjoni Indipendenti tal-Mezzi tal-Informazzjoni (IMC) f’Lulju 2024; billi, f’Mejju 2024, il-Kunsill tal-Ewropa ppubblika opinjoni legali dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-IMC, li fiha esprima tħassib dwar ċerti aspetti ta’ dan l-abbozz ta’ liġi, filwaqt li pprovda rakkomandazzjonijiet dwar kif għandu jiġi indirizzat dan it-tħassib; billi t-test finali tal-Liġi dwar l-IMC ma rriflettiex il-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet li saru;
F.billi l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, magħrufa wkoll bħala EULEX, hija l-akbar missjoni ċivili li qatt tnediet fl-ambitu tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tal-Unjoni Ewropea;
G.billi fl-2018 u l-2023, ġew iffirmati petizzjonijiet minn aktar minn 500 persuna li storikament jidentifikaw lilhom infushom bħala Bulgari;
Impenn favur l-adeżjoni mal-UE
1.Ifaħħar l-impenn tal-Kosovo favur l-adeżjoni mal-UE, li jirrifletti għażla ġeopolitika strateġika ċara, u l-appoġġ qawwi kontinwu taċ-ċittadini tiegħu għat-triq Ewropea tal-Kosovo; itenni li l-Kosovo kien konsistenti fl-isforzi tiegħu biex jintegra fl-Unjoni Ewropea;
2.Itenni t-twemmin sod tiegħu li l-futur tal-Kosovo jinsab fl-UE u li l-isforzi kollha biex il-Kosovo joħroġ miz-zona griża huma fl-interess tal-poplu tal-Kosovo u tal-UE, speċjalment fil-kuntest tad-dinamika ġeopolitika attwali fir-reġjun, il-bidliet rapidi u importanti fil-politika dinjija u l-kompetizzjoni dejjem akbar ma’ reġimi awtoritarji;
3.Jappoġġja l-applikazzjoni tal-Kosovo biex jissieħeb fl-UE, li tirrifletti l-kunsens enormi bejn il-partiti dwar l-integrazzjoni fl-UE u għażla ġeopolitika strateġika ċara; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri fil-Kunsill biex jagħtu mandat lill-Kummissjoni ħalli tippreżenta l-kwestjonarju tagħha u tippreżenta l-opinjoni tagħha dwar il-merti tal-applikazzjoni tal-pajjiż; jistieden lill-ħames Stati Membri mhux rikonoxxenti, li għadhom ma rrikonoxxewx l-indipendenza tal-Kosovo, jagħmlu dan mingħajr dewmien u b’hekk jippermettu lill-Kosovo jagħmel progress fit-triq tiegħu lejn l-UE fuq l-istess livell mal-pajjiżi kandidati l-oħra; fakkar fl-opinjoni konsultattiva tal-QIĠ tat-22 ta’ Lulju 2010, li tiddikjara li d-dikjarazzjoni unilaterali tal-indipendenza tal-Kosovo ma tiksirx id-dritt internazzjonali ġenerali;
4.Ifakkar li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq proċess ibbażat fuq il-mertu, li għandu bħala kundizzjoni l-implimentazzjoni rigoruża tar-riformi allinjati mal-ogħla standards Ewropej, b’mod partikolari l-konformità mal-kriterji ta’ Copenhagen u l-istat tad-dritt, u jiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-liġijiet fil-prattika; jinkoraġġixxi lill-Kosovo jkompli bl-isforzi tiegħu f’dan ir-rigward, billi jkompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu għall-valuri u l-istandards tal-Unjoni; jisħaq li t-tkabbir jimplika wkoll tħejjija bir-reqqa ta’ membri ġodda potenzjali, filwaqt li jirrispetta l-istabbiltà ekonomika tas-suq intern, l-istandards soċjali u ambjentali u l-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet Ewropej;
5.Jilqa’ l-liberalizzazzjoni tal-viża, adottata f’April 2023 u fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2024, bħala riżultat tanġibbli tar-relazzjonijiet dejjem eqreb tal-Kosovo mal-UE u bħala evidenza tal-isforzi tal-Kosovo fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kosovo li unilateralment jabolixxi l-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina; jilqa’ d-deċiżjoni ta’ Spanja li tirrikonoxxi l-passaporti ordinarji maħruġa mill-Kosovo bħala dokumenti tal-ivvjaġġar validi minn Jannar 2024;
6.Jinnota l-progress tanġibbli fl-oqsma tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u ekonomija orjentata lejn is-suq li tiffunzjona; jiddispjaċih dwar il-progress limitat u jappella għal aċċellerazzjoni tar-riformi fil-qasam tal-istat tad-dritt; jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kosovo li javvanza l-implimentazzjoni tar-riformi, li għadha l-prijorità tal-pajjiż; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ kworum deliberattiv fl-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo, ikkawżat mill-bojkott tal-ħidma fl-Assemblea mill-partiti politiċi qabel l-elezzjonijiet parlamentari;
7.Jiddispjaċih dwar il-politiċizzazzjoni tal-istituzzjonijiet bħall-Kummissjoni Elettorali Ċentrali u l-IMC;
8.Ifaħħar l-allinjament kontinwu tal-Kosovo mal-politika barranija u ta’ sigurtà tal-UE, b’mod partikolari l-kundanna qawwija tiegħu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u l-implimentazzjoni tiegħu tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja u l-Belarussja, b’allinjament mal-politika barranija tal-Unjoni, u l-appoġġ tiegħu permezz ta’ pakketti ta’ għajnuna umanitarja u assistenza militari lill-Ukrajna, liema azzjonijiet jikkonfermaw li l-Kosovo huwa sieħeb affidabbli u siewi impenjat għall-integrazzjoni tal-UE u jikkonfermaw l-orjentazzjoni ġeopolitika ċara tiegħu, ankrata bis-sħiħ fl-alleanza Ewropea u trans-Atlantika;
9.Jappella għat-tneħħija immedjata tal-miżuri tal-UE kontra l-Kosovo, li ma għadhomx iġġustifikati aktar peress li l-Kosovo ssodisfa r-rekwiżiti tal-UE u peress li l-miżuri jikkontradixxu bi kbir l-impenn muri tal-Kosovo għall-valuri Ewropej u l-allinjament mal-politiki tal-UE, u b’hekk jillimitaw l-impatt tas-sħubija tal-UE mal-Kosovo u jfixklu t-tkomplija tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina in bona fide;
10.Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-applikazzjoni tal-Kosovo li jissieħeb fil-Kunsill tal-Ewropa, għall-pjan ta’ orjentazzjoni strateġika tal-pajjiż li jissieħeb fil-programm tas-Sħubija għall-Paċi tan-NATO u għall-kandidaturi tiegħu li jissieħeb f’organizzazzjonijiet internazzjonali oħra; jistieden lill-organizzazzjonijiet rilevanti u lill-Istati Membri jappoġġjaw b’mod proattiv il-kandidaturi rispettivi tal-Kosovo; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju tal-UE fil-Kosovo jintensifikaw l-isforzi tagħhom fit-tisħiħ tal-viżibbiltà u fil-promozzjoni tar-rwol, tal-isforzi u tal-benefiċċji ta’ sħubija aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Kosovo;
11.Jilqa’ l-fatt li l-Kosovo naqqas il-piż amministrattiv billi ssimplifika l-proċeduri permezz tal-implimentazzjoni tal-programm relatat għall-2022-2027; jinnota li l-qafas strateġiku għall-amministrazzjoni pubblika huwa fis-seħħ, iżda mhux implimentat b’mod effiċjenti; jiddispjaċih għall-fatt li d-dewmien fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika kkawża ġestjoni dgħajfa tal-finanzjament tal-UE u li l-obbligu ta’ rendikont fis-settur pubbliku huwa insuffiċjenti; jistieden lill-Kosovo jtejjeb l-amministrazzjoni pubblika u s-sistema tas-servizz ċivili bbażata fuq il-mertu billi jemenda u jadotta l-Liġi dwar l-Uffiċjali Pubbliċi u l-Liġi dwar il-Bord ta’ Sorveljanza Indipendenti tas-Servizz Pubbliku;
12.Jiddispjaċih li s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Kosovo fir-rigward tal-Liġi dwar is-Salarji, li tiġbor is-sistema attwali ta’ remunerazzjoni għall-uffiċjali pubbliċi, għadha ma ġietx eżegwita; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jirrevedi l-leġiżlazzjoni tiegħu dwar il-ġestjoni finanzjarja pubblika biex jissodisfa l-istandards internazzjonali u jinkorpora l-metodoloġija dwar l-investiment pubbliku fil-leġiżlazzjoni riveduta;
Demokrazija u stat tad-dritt
13.Jilqa’ l-progress importanti u pożittiv fl-indirizzar ta’ ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li ilhom stabbiliti tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE (MOE tal-UE) u dwar il-preżentazzjoni ta’ liġi kunsenswali dwar l-elezzjonijiet ġenerali; jinnota li dan jipprovdi bażi adegwata għat-twettiq ta’ elezzjonijiet demokratiċi, f’konformità mal-istandards internazzjonali u reġjonali; jinnota li bi tweġiba għal stedina mill-President tal-Kosovo, l-Unjoni Ewropea bagħtet MOE tal-UE, li kienet tinkludi delegazzjoni ta’ osservaturi ta’ Membri tal-Parlament Ewropew, biex tosserva l-elezzjonijiet parlamentari fil-Kosovo fid-9 ta’ Frar 2025; jilqa’ l-konklużjonijiet tal-MOE tal-UE li jikkonfermaw it-twettiq ta’ elezzjonijiet paċifiċi, ħielsa u ġusti fid-9 ta’ Frar 2025 bil-parteċipazzjoni tal-komunitajiet kollha fil-Kosovo; jiddispjaċih dwar ir-retorika ħarxa tal-partiti politiċi matul il-kampanja; jieħu nota tal-problemi tekniċi li ltaqgħu magħhom matul il-proċess tal-għadd u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Kosovo jżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet li jmiss; jinnota n-nuqqas ta’ pluraliżmu politiku ġenwin fil-komunità Serba tal-Kosovo fl-elezzjonijiet parlamentari, minkejja diversi listi elettorali Serbi tal-Kosovo; jinsab imħasseb dwar rapporti ta’ pressjoni kontinwa eżerċitata minn Belgrad fuq il-votanti mill-komunità Serba; jikkundanna l-indħil ripetut fil-kampanja elettorali mill-Mibgħut Speċjali tal-Istati Uniti Richard Grenell;
14.Jinnota bi tħassib li l-Liġi dwar l-Elezzjonijiet Lokali u l-Liġi dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali għadhom mhumiex implimentati u armonizzati mal-Liġi dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, liema liġi timponi rappreżentanza ugwali ta’ 50% ta’ nisa u rġiel; jiddispjaċih li n-nisa għadhom sottorappreżentati;
15.Jilqa’ l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali u l-progress fl-aġġudikazzjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni; ifaħħar il-ħidma attiva tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni speċjali għas-soluzzjoni ta’ seba’ każijiet ta’ delitti tal-gwerra; jappella għal kjarifika ulterjuri fit-tqassim tal-ġuriżdizzjoni bejn l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni speċjali u l-prosekuzzjoni bażika fil-ġestjoni tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet; jistieden lill-Kosovo jkompli jsaħħaħ l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni speċjali billi jtejjeb il-kapaċità tiegħu li jinvestiga u jressaq każijiet ta’ kriminalità organizzata ta’ profil għoli għall-prosekuzzjoni; jistieden lill-pulizija u lill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni speċjali jaħdmu flimkien mill-qrib biex jiżviluppaw strateġiji għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet b’mod aktar effettiv u bi tqassim ċar ta’ responsabbiltà;
16.Jieħu nota tal-progress fil-klassifikazzjoni tal-Kosovo fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni, peress li tela’ 10 postijiet ’il fuq mis-sena li għaddiet; iqis li dan huwa żvilupp pożittiv filwaqt li jirrikonoxxi li dan huwa attribwibbli kemm għat-tnaqqis fil-punteġġi tal-pajjiżi l-oħra kif ukoll, b’mod aktar sinifikanti, għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni kwalitattiva, iżda li għadu fil-biċċa l-kbira mhux sodisfaċenti; jenfasizza li l-kisba tal-fiduċja tan-nies tirrikjedi mhux biss riformi leġiżlattivi iżda wkoll riżultati viżibbli fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kundanna ta’ każijiet ta’ korruzzjoni fil-livelli kollha; jiddispjaċih li l-Kosovo ilu mingħajr strateġija kontra l-korruzzjoni mill-2019 u jħeġġeġ li jsiru aktar sforzi biex din tiġi ffinalizzata bħala kwistjoni ta’ prijorità; itenni li huwa meħtieġ impenn politiku qawwi biex jiġi stabbilit rekord sod fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli; itenni li huwa meħtieġ impenn politiku qawwi biex jiġi stabbilit rekord sod fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli;
17.Jesprimi tħassib serju dwar il-vulnerabbiltajiet sistemiċi fil-ġudikatura tal-Kosovo, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u r-rispett għas-separazzjoni tas-setgħat; itenni t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien fil-proċessi u l-kritika kontinwa minn uffiċjali tal-gvern ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’każijiet individwali; jinnota bi tħassib li minkejja l-parir tal-UE, il-gvern naqas milli jikkonsulta lill-Kummissjoni ta’ Venezja dwar ir-riformi ġudizzjarji, u dan jaffettwa b’mod negattiv il-kwalità u l-allinjament tagħhom mal-istandards Ewropej; jistieden lill-Kosovo jiżgura li l-leġiżlazzjoni li tirregola l-integrità u l-obbligu ta’ rendikont tal-ġudikatura tkun konsistenti mal-istandards Ewropej u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jalloka baġit adegwat għas-sistema ġudizzjarja; jilqa’ l-istabbiliment tal-Qorti Kummerċjali, il-progress fir-reklutaġġ ta’ mħallfin u prosekuturi ġodda b’użu ta’ proċess trasparenti u bbażat fuq il-mertu, u żieda ġenerali fit-trasparenza;
18.Jilqa’ l-parteċipazzjoni tas-Serbi tal-Kosovo fl-elezzjonijiet parlamentari u jinkoraġġixxi lir-rappreżentanti eletti tagħhom biex ikollhom rwol attiv fil-qafas leġiżlattiv tal-Kosovo, b’appoġġ għall-futur Ewropew tal-Kosovo; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-bojkott tal-partiti li jirrappreżentaw lis-Serbi tal-Kosovo matul l-elezzjonijiet lokali f’April 2023 u l-irtirar tas-Serbi tal-Kosovo mill-istituzzjonijiet tal-Kosovo; jesprimi tħassib dwar l-indħil tas-Serbja fl-elezzjonijiet parlamentari permezz ta’ Srpska Lista (SL);
19.Jilqa’ l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-2016 tal-Qorti Kostituzzjonali dwar is-sjieda tal-art tal-Monasteru ta’ Visoki Dečani/Deçani peress li, f’Marzu 2024, il-monasteru ġie rreġistrat bħala s-sid;
20.Jilqa’ ż-żieda kostanti fil-kundanni tar-reati tal-kriminalità organizzata u l-fatt li l-qafas legali dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata huwa allinjat mal-acquis tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li s-servizzi tal-prosekuzzjoni u l-pulizija jsaħħu l-azzjoni konġunta tagħhom kontra l-gruppi u n-networks kriminali; jesprimi tħassib dwar l-isfidi tas-sigurtà fit-Tramuntana tal-Kosovo, b’mod partikolari wara l-attakk ta’ Banjska/Banjskë f’Settembru 2023, li kien jeħtieġ riżorsi sinifikanti tal-pulizija; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi approfondita l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga; jappella għal allinjament ulterjuri fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;
21.Jilqa’ l-adozzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni dwar il-kontroll ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u splussivi, kif ukoll il-livell għoli ta’ konformità mar-regoli tal-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar;
22.Jibqa’ mħasseb dwar l-implimentazzjoni bil-mod tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni dwar l-istat tad-dritt;
23.Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jżomm u jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-Assemblea tal-Kosovo u l-membri tagħha b’appoġġ għall-proċessi demokratiċi relatati mat-triq Ewropea tal-Kosovo billi juża l-għodod u l-inizjattivi eżistenti tal-Parlament ta’ appoġġ għad-demokrazija; jemmen li din is-sħubija tista’ tingħata ħajja ġdida u tissaħħaħ aktar wara l-elezzjonijiet demokratiċi li saru fid-9 ta’ Frar 2025; jinkoraġġixxi l-involviment attiv u l-kollaborazzjoni tal-membri eletti kollha tal-Assemblea tal-Kosovo li għadha kif ġiet iffurmata;
24.Jikkundanna l-inċidenti serji ta’ sigurtà fit-Tramuntana tal-Kosovo lejn tmiem Novembru 2024, bl-aktar att gravi jseħħ qrib il-villaġġ ta’ Vragë f’Zubin Potok, fejn l-apparat splussiv għamel ħsara lill-infrastruttura kritika billi mmira l-kanal ewlieni tas-sistema Ibër Lepenc; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-istituzzjonijiet tal-Kosovo fit-twettiq ta’ investigazzjoni sħiħa ta’ dawn l-azzjonijiet kriminali sabiex l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja;
25.Ifaħħar il-ħidma tal-EULEX, li qed tassisti lill-awtoritajiet tal-Kosovo fl-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet tal-istat tad-dritt sostenibbli u indipendenti;
Libertajiet fundamentali u drittijiet tal-bniedem
26.Jinnota li l-Kosovo għandu l-istruttura istituzzjonali meħtieġa għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa’ l-adozzjoni tal-istrateġija għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-komunitajiet; jenfasizza, madankollu, li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għadha dgħajfa minħabba n-nuqqas ta’ implimentazzjoni leġiżlattiva, rieda politika u riżorsi umani u finanzjarji limitati u jappella għal mekkaniżmi msaħħa ta’ infurzar u obbligu ta’ rendikont;
27.Jirrikonoxxi li l-kostituzzjoni tal-Kosovo hija progressiva ħafna f’termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi; jinnota b’dispjaċir li l-petizzjoni ffirmata minn kważi 500 persuna li storikament identifikaw lilhom infushom bħala Bulgari u li ġiet irreġistrata fl-Assemblea tal-Kosovo f’Jannar 2023, għadha ma ġietx ikkunsidrata u jirrakkomanda li dawk id-drittijiet jiġu minquxa fil-liġi u żgurati fil-prattika; jistieden lill-Kosovo jiżgura li l-minoranzi kollha rikonoxxuti skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi u l-membri tal-komunitajiet tagħhom, jiġu inkorporati bis-sħiħ fil-kostituzzjoni tal-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jżidu l-isforzi biex jipproteġu d-drittijiet tal-minoranzi kollha, inklużi l-komunitajiet nazzjonali, b’mod partikolari l-komunitajiet nazzjonali vulnerabbli, u jipprovdulhom opportunitajiet indaqs u rappreżentanza adegwata fil-ħajja politika u kulturali, fil-media pubblika, fl-amministrazzjoni u fil-ġudikatura, kif ukoll jipprevjenu l-assimilazzjoni tagħhom u jippromwovu l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-Kosovo u jsaħħu l-attivitajiet biex jeliminaw l-isfidi soċjali u ekonomiċi ta’ dawn il-minoranzi nazzjonali;
28.Jilqa’ ż-żieda fil-finanzjament għal postijiet ta’ kenn għall-vittmi tal-vjolenza domestika u tat-traffikar; jinnota li l-vjolenza domestika tibqa’ l-aktar forma komuni ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru; jesprimi tħassib li s-sistema għadha qed tonqos milli tiżgura l-prevenzjoni effettiva tal-vjolenza domestika;
29.Jiddispjaċih li l-adozzjoni tal-abbozz tal-Kodiċi Ċivili tal-Kosovo għadha pendenti; jenfasizza li l-abbozz tal-Kodiċi Ċivili jindirizza diversi kwistjonijiet importanti relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala valur fundamentali tal-UE, inkluż li jippermetti li n-nisa u l-irġiel konjuġi jkollhom sehem ugwali mill-proprjetà matrimonjali konġunta; jisħaq fuq l-importanza li fil-Kodiċi Ċivili jiġu żgurati d-drittijiet għall-persuni kollha fil-Kosovo biex ir-rispett għad-drittijiet kostituzzjonali u l-opportunitajiet għall-komunità LGBTIQ jiġu ssalvagwardjati; jesprimi tħassib li n-nisa għadhom sottorappreżentati f’pożizzjonijiet politiċi għolja, speċifikament relatati mas-sigurtà u d-djalogu, u jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-involviment tagħhom fil-proċessi tal-istabbiliment tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni, f’konformità mar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà; jappella għal aktar sforzi biex jitjieb il-post tan-nisa fis-soċjetà;
30.Jinnota li s-sistema tal-ħabs issegwi b’mod wiesa’ r-Regoli Standard Minimi tan-NU u jappella għal protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-priġunieri, b’mod partikolari l-priġunieri nisa, minoritarji u morda mentalment; jibqa’ mħasseb li għad hemm lingwaġġ diskriminatorju kontra n-nisa u l-persuni LGBTIQ, u jistieden lill-awtoritajiet joħolqu u jimplimentaw strateġija nazzjonali dwar il-ġeneru għall-oqsma ta’ riċerka, bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika; ifaħħar il-parteċipazzjoni tan-nisa fi programmi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja fl-oqsma tan-negozju u l-ġestjoni, kif ukoll f’oqsma relatati mal-ICT, iffaċilitati mill-fondi tal-istrument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni; jiddispjaċih li n-nisa minn gruppi ta’ minoranza, b’mod partikolari l-komunitajiet Rom, Ashkali u Eġizzjani, jiffaċċjaw diversi forom ta’ diskriminazzjoni, b’mod partikolari fl-edukazzjoni, l-impjiegi u l-aċċess għall-kura tas-saħħa; jesprimi tħassib li l-amministrazzjoni ċentrali ma tirrappreżentax b’mod adegwat il-komunitajiet minoritarji, u l-għadd ta’ nisa f’pożizzjonijiet għolja huwa baxx;
31.Jiddispjaċih li l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità għadha ma ġietx adottata; jesprimi tħassib li hemm allinjament insuffiċjenti bejn il-leġiżlazzjoni tal-Kosovo u l-acquis tal-UE dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, li jiffaċċjaw diskriminazzjoni u ostakli fl-aċċess għas-servizzi soċjali;
32.Jilqa’ t-titjib konsistenti tal-Kosovo fil-pożizzjoni tiegħu fl-Indiċi tad-Demokrazija Liberali u l-Indiċi tad-Demokrazija Elettorali tal-2024, kif imħejjija mill-Istitut Varieties of Democracy, li jkejlu l-istat tad-dritt, il-kontrolli u l-bilanċi, il-libertajiet ċivili, u l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti;
33.Jieħu nota tal-ambjent pluralistiku tal-media tal-Kosovo waqt li jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali dwar il-liġi ewlenija dwar il-media u jissottolinja r-rwol tal-IMC, li l-indipendenza tagħha fit-teħid tad-deċiżjonijiet jeħtieġ li tiġi żgurata b’mod strett u li l-funzjonament sħiħ tagħha jerġa’ jiġi stabbilit; jiddispjaċih, madankollu, għat-tnaqqis fil-libertà tal-media tal-Kosovo, kif muri mit-tnaqqis tiegħu mis-56 post għall-75 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2024; jafferma mill-ġdid li l-pluraliżmu tal-media u t-trasparenza huma prerekwiżiti għall-adeżjoni mal-UE; jappella għal aktar trasparenza dwar is-sjieda u l-finanzjament tal-media bil-għan li jissaħħu l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-media; jenfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri robusti biex il-ġurnalisti jiġu protetti mill-fastidju u l-intimidazzjoni, u biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-korpi regolatorji tal-media; jinnota t-tħassib imqajjem mis-soċjetà ċivili dwar l-elezzjoni allegatament politikament motivata tal-President tal-IMC; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jkomplu jirrevedu l-Liġi dwar l-IMC sabiex jinkludu r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kunsill tal-Ewropa, u b’hekk jallinjaw il-liġi nazzjonali mal-istandards u l-prattiki tal-UE; jirrakkomanda li jkun hemm aktar appoġġ għall-mezzi tal-media indipendenti u għall-organizzazzjonijiet tal-verifika tal-fatti fil-Kosovo, filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tagħhom fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u fl-għoti ta’ informazzjoni preċiża lill-pubbliku; jinkoraġġixxi lill-UE tipprovdi assistenza teknika u finanzjarja lil dawn l-entitajiet; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Kosovo jitolbu korpi ta’ missjonijiet esperti mfassla apposta għall-Assistenza Teknika u l-Iskambju ta’ Informazzjoni; jappella għall-adozzjoni tal-Liġi dwar ir-Radju Televiżjoni tal-Kosovo u l-Liġi dwar il-Protezzjoni tas-Sorsi tal-Ġurnalisti;
34.Jesprimi tħassib dwar l-attakk ċibernetiku reċenti mmirat lejn l-infrastruttura diġitali tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kosovo jsaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu biex jiġġieled l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni, b’mod partikolari dawk li joriġinaw minn mezzi tal-informazzjoni nazzjonalisti Serbi u mir-Russja, li għandhom l-għan li jiddestabbilizzaw ir-reġjun u jimminaw l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent, billi jiżviluppa strateġiji komprensivi li jinkludu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika li jiġġieldu wkoll id-diżinformazzjoni li timmina l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika, isaħħaħ iċ-ċibersigurtà u l-infrastruttura relatata, irawwem il-kollaborazzjoni mas-sħab internazzjonali, b’mod partikolari l-Unjoni Ewropea, jipproteġi l-ekonomija diġitali, is-servizzi pubbliċi u s-sigurtà nazzjonali tiegħu, u jindirizza l-kampanji ta’ diżinformazzjoni u t-theddid ibridu li għandhom l-għan li jiddestabbilizzaw il-pajjiż u jimminaw il-perspettiva Ewropea tiegħu; jinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-programmi ta’ litteriżmu fil-media fil-kurrikulu edukattiv tal-Kosovo biex iċ-ċittadini jiġu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa biex jidentifikaw u jiġġieldu d-diżinformazzjoni;
35.Ifaħħar il-fatt li l-Kosovo pprovda kenn u ażil lill-ġurnalisti mill-Ukrajna u l-Afganistan;
36.Jesprimi tħassib serju dwar iż-żieda sinifikanti fl-attakki kontra l-ġurnalisti u fil-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (kawżi SLAPP), inklużi minn uffiċjali tal-gvern; jistieden lill-awtoritajiet javvanzaw il-ħidma tagħhom fir-rigward tal-leġiżlazzjoni kontra s-SLAPP f’konformità mad-Direttiva l-ġdida tal-UE 2024/1069[7]; jistieden lill-Kosovo jaħdem b’mod attiv biex jiżgura l-kapaċità tal-ġurnalisti li jwettqu xogħolhom u jiżgura libertà sħiħa għall-media biex topera b’mod indipendenti; jissottolinja l-ħtieġa li jitwaqqfu l-forom kollha ta’ vjolenza;
37.Jilqa’ s-soċjetà ċivili vibranti u kostruttiva tal-Kosovo, li għandha rwol kruċjali u pożittiv ħafna fil-proċess ta’ riforma; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kosovo jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jagħmel aktar użu mill-Kunsill tal-Gvern għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili, bil-għan li jinbnew relazzjonijiet kollaborattivi u li s-soċjetà ċivili ġenwinament tiġi involuta fi proċess leġiżlattiv trasparenti sa mill-fażijiet bikrin ’il quddiem; jisħaq fuq l-importanza li l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza jiżdiedu fir-rigward tal-finanzjament pubbliku għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jissottolinja li s-soċjetà ċivili hija fundamentali biex jitrawmu d-demokrazija u l-pluraliżmu u biex jiġu promossi l-governanza tajba u l-progress soċjali;
38.Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ pjan ċar biex is-Serbi tal-Kosovo jkunu involuti fit-Tramuntana u li l-inizjattivi biex il-komunità Serba tiġi involuta fl-istrutturi politiċi, soċjali u ekonomiċi tal-Kosovo għadhom limitati ħafna; itenni t-talba tiegħu biex jitjieb id-djalogu intern u jkun hemm involviment ġenwin u dirett mal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili tas-Serbi tal-Kosovo, b’mod partikolari fit-Tramuntana, bil-għan li tinbena l-fiduċja, tiġi ffaċilitata l-ħajja ta’ kuljum tas-Serbi tal-Kosovo u biex dawn jiġu integrati b’suċċess;
Rikonċiljazzjoni u relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat
39.Ifaħħar l-impenn tal-Kosovo f’għadd ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali u jinkoraġġih itejjeb l-isforzi ta’ rikonċiljazzjoni tiegħu u jfittex soluzzjonijiet għal tilwim tal-passat; ifaħħar lill-Kosovo għall-approċċ kostruttiv u l-impenn attiv tiegħu fil-kooperazzjoni reġjonali u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ li wasslu għall-iżblukkar tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali;
40.Jistieden lis-Serbja tiftaħ l-arkivji kollha ta’ żmien il-gwerra u tagħti aċċess għall-fajls tal-ex Servizz Sigriet tal-Jugoslavja (UDBA) u tas-Servizz Sigriet tal-Armata tal-Poplu tal-Jugoslavja (KOS), filwaqt li tiżgura li jintbagħtu lura lill-gvernijiet rispettivi fuq talba; jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-arkivji jinfetħu fir-reġjun kollu biex jiġu investigati d-delitti tal-era komunista u jissaħħu d-demokrazija, l-obbligu ta’ rendikont u l-istituzzjonijiet fil-Balkani tal-Punent;
41.Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għad-djalogu ffaċilitat mill-UE u jilqa’ l-ħatra ta’ Peter Sørensen bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina;
42.Itenni l-importanza ta’ impenn kostruttiv min-naħa tal-awtoritajiet tal-Kosovo kif ukoll tas-Serbja sabiex jintlaħaq ftehim komprensiv ta’ normalizzazzjoni legalment vinkolanti, ibbażat fuq rikonoxximent reċiproku u f’konformità mad-dritt internazzjonali; jistieden kemm lill-Kosovo kif ukoll lis-Serbja jimplimentaw il-Ftehimiet ta’ Brussell u Ohrid, inklużi l-istabbiliment tal-Assoċjazzjoni/il-Komunità ta’ Muniċipalitajiet b’Maġġoranza Serba, u t-tneħħija tal-oppożizzjoni tas-Serbja tas-sħubija tal-Kosovo f’organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, u jevitaw azzjonijiet unilaterali li jistgħu jimminaw il-proċess ta’ djalogu;
43.Jistenna li l-Kosovo u s-Serbja jikkooperaw bis-sħiħ u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex l-awturi tal-attakk terroristiku tal-2023 f’Banjska jinqabdu u jitressqu malajr quddiem il-ġustizzja; jiddeplora l-fatt li s-Serbja għadha ma ressqitx lill-ħatja għall-prosekuzzjoni, b’mod partikolari lil Milan Radoičić, il-Viċi President ta’ Srpska Lista; itenni li l-awturi tal-attakk terroristiku f’Zubin Potok jeħtiġilhom ukoll jinżammu responsabbli u jeħtiġilhom jiffaċċjaw il-ġustizzja mingħajr dewmien;
44.Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Kummissjoni jieħdu rwol aktar proattiv fit-tmexxija tal-proċess ta’ djalogu; jappella għal rwol imsaħħaħ għall-Parlament Ewropew fl-iffaċilitar tad-djalogu permezz ta’ laqgħat regolari tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;
45.Jikkundanna l-azzjonijiet kollha li jipperikolaw l-istabbiltà u jagħmlu ħsara lill-proċess ta’ rikonċiljazzjoni, inklużi t-tensjonijiet fit-Tramuntana tal-Kosovo u l-provokazzjonijiet minn gruppi sponsorjati mill-Istat Serb u formazzjonijiet armati illegali, u jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tieħu pożizzjoni aktar b’saħħitha kontra l-indħil estern fl-affarijiet interni tal-Kosovo; jenfasizza li ż-żewġ naħat jeħtiġilhom jimplimentaw bis-sħiħ il-ftehimiet kollha milħuqa u jevitaw azzjonijiet unilaterali li jistgħu jeskalaw it-tensjonijiet; jistieden lill-pulizija tal-Kosovo tiżgura li huma jirrispettaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti kollha tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, u tiggarantixxi li tiġi skjerata forza tal-pulizija multietnika u inklużiva, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti legali, fit-Tramuntana tal-Kosovo; ifakkar fir-responsabbiltà kondiviża tar-rappreżentanti politiċi kollha u l-komunitajiet kollha fil-Kosovo li jiddefendu l-paċi, is-sigurtà u l-istat tad-dritt;
46.Jilqa’ l-istabbiliment tal-Kummissjoni Konġunta dwar il-Persuni Nieqsa f’Diċembru 2024 u jappella għal progress rapidu fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Politika dwar il-Persuni Nieqsa ta’ Mejju 2023; jistieden kemm lill-Kosovo kif ukoll lis-Serbja joqogħdu lura milli jippolitiċizzaw din il-kwistjoni umanitarja u jżidu l-isforzi tagħhom fl-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni bħala parti mid-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u jistabbilixxu kooperazzjoni bejn il-Kosovo u s-Serbja;
47.Jilqa’ l-ftehimiet reċenti fil-qafas tal-proċess ta’ Berlin;
48.Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kosovo li jneħħi r-restrizzjonijiet fuq id-dħul ta’ prodotti finali Serbi fil-qsim tal-fruntiera Merdare;
49.Jilqa’ l-preżenza tal-Forza tal-Kosovo u r-rwol tagħha fil-bini u ż-żamma ta’ ambjent sikur u sigur u fl-iżvilupp ta’ Kosovo stabbli u paċifiku fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewro-Atlantika; ifakkar fl-importanza tal-missjoni għall-iżvilupp kontinwu tal-Forza tas-Sigurtà tal-Kosovo permezz tal-għoti ta’ pariri, taħriġ u bini tal-kapaċitajiet;
Riformi soċjoekonomiċi
50.Jilqa’ l-impenn attiv tal-Kosovo fl-implimentazzjoni tal-pjan il-ġdid ta’ tkabbir għall-Balkani tal-Punent, li għandu l-għan li japprofondixxi r-riformi relatati mal-UE u jnaqqas id-distakk soċjoekonomiku bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jilqa’ l-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma tal-Kosovo u jfakkar li l-Kosovo (kif ukoll is-Serbja) jeħtieġ li juru impenn imtejjeb għad-Djalogu ffaċilitat mill-UE sabiex jaċċessaw ir-riżorsi;
51.Jilqa’ l-progress miksub mill-Kosovo fl-iżvilupp ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona u jinkoraġġixxi lill-Kosovo jimplimenta r-riformi strutturali meħtieġa biex jindirizza l-isfidi fiskali, filwaqt li jiżgura protezzjoni adegwata tal-ħaddiema, pagi ġusti u kundizzjonijiet imtejba tax-xogħol f’konformità mal-legiżlazzjoni tal-UE;
52.Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija reġjonali li tindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-eżodu ta’ mħuħ persistenti billi tindirizza l-ispariġġi fil-ħiliet bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol, ittejjeb il-kwalità tat-tagħlim, u tiżgura finanzjament adegwat għall-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u għall-iskemi ta’ taħriġ vokazzjonali, flimkien ma’ faċilitajiet adegwati għall-indukrar tat-tfal u għall-edukazzjoni ta’ qabel l-iskola;
53.Jilqa’ l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Kosovo dwar iċ-ċiberkriminalità hija ġeneralment allinjata mal-acquis tal-UE; jinnota l-progress limitat tal-Kosovo fit-trasformazzjoni diġitali tas-servizzi pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kosovo jallinja ruħu mal-leġiżlazzjoni diġitali tal-UE kif ukoll mal-ħtiġijiet tal-poplu tiegħu, speċifikament mal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, id-Direttiva tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Networks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (NIS2)[8], is-sett ta’ għodod tal-UE għas-sigurtà tal-5G, u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali[9] u l-Att dwar is-Swieq Diġitali[10]; jinnota li l-ekonomija tal-Kosovo għadha dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet u jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ diversifikazzjoni ekonomika biex jissaħħu l-kompetittività u s-sostenibbiltà, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ integrazzjoni aktar profonda fis-swieq tal-UE;
54.Jiddispjaċih li l-abbozz ta’ liġi dwar il-kotba tal-iskola, ippreżentat fl-2022, għadu pendenti għall-adozzjoni finali fl-Assemblea tal-Kosovo; jistieden lill-Kosovo jiffinalizza l-implimentazzjoni tal-qafas kurrikulari l-ġdid għall-edukazzjoni bażika, ilesti r-reviżjoni tal-kotba tal-iskola attwali, jipprovdi taħriġ sostenibbli lill-għalliema, u japplika b’mod sistematiku mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;
55.Iħeġġeġ lill-Kosovo jiżgura aċċess aħjar għas-servizzi tal-kura tas-saħħa ta’ kwalità; jinnota li n-nefqa fuq il-kura tas-saħħa għadha t-tieni l-aktar baxxa fir-reġjun, u jappella għal riforma komprensiva tal-kura tas-saħħa biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet taċ-ċittadini kollha, speċjalment f’żoni rurali u mhux moqdija tajjeb;
56.Jinnota bi tħassib li l-aċċess għas-servizzi soċjali, b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli, mar għall-agħar bl-għeluq mill-gvern tal-Ministeru għax-Xogħol u l-Assistenza Soċjali, liema għeluq sar mingħajr konsultazzjoni trasparenti mas-soċjetà ċivili u ma’ partijiet ikkonċernati oħra u kkontribwixxa għal konfużjoni sinifikanti; jappella għal ibbaġitjar aħjar u bbażat fuq l-evidenza biex jittejbu s-servizzi soċjali, b’mod partikolari għas-superstiti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru f’konformità mal-qafas legali l-ġdid;
57.Jistieden lill-Kosovo jipprovdi edukazzjoni statali ugwali u nondiskriminatorja fil-lingwi minoritarji;
58.Itenni l-ħtieġa li jintlaħqu ż-żgħażagħ mill-muniċipalitajiet b’maġġoranza Serba, u li jiġu integrati fl-istrutturi soċjoekonomiċi tal-pajjiż;
Enerġija, ambjent, żvilupp sostenibbli u konnettività
59.Jinnota li l-Kosovo għamel xi progress fis-sigurtà tal-provvista tal-enerġija iżda għadu jiddependi ħafna fuq impjanti tal-enerġija qodma u li jniġġsu ħafna, li joħolqu riskji serji għas-saħħa u għall-ambjent; jinnota li l-Kosovo jeħtieġ li jiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti fil-ħin tal-programm tal-enerġija tiegħu għall-2022-2025 biex jilħaq il-miri ambizzjużi tiegħu u jnaqqas id-dipendenza tiegħu fuq il-fjuwils fossili; jistieden lill-UE żżid u tipprijoritizza l-isforzi tagħha biex tgħin lill-Kosovo jegħleb il-problemi tat-tniġġis tal-arja tiegħu; jinnota li l-istrateġija l-ġdida tal-enerġija tal-Kosovo ma tippromwovix il-kostruzzjoni ta’ impjanti idroelettriċi minħabba l-impatt ambjentali ta’ ħsara tagħhom, b’mod partikolari minħabba l-iskarsezza tal-ilma fil-pajjiż;
60.Jenfasizza l-ħtieġa ta’ żvilupp komprensiv tal-infrastruttura fil-Kosovo biex it-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport pubbliku u l-espansjoni tat-trasport elettriċizzat jiġu ffaċilitati; jisħaq li t-titjib tal-aċċessibbiltà u l-iżgurar tal-kompatibbiltà man-network tat-trasport tal-UE jridu jibqgħu prijorità;
61.Jilqa’ l-ftehim fis-Summit ta' Tirana dwar it-tnaqqis fit-tariffa tar-roaming; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-awtoritajiet, lill-atturi privati u lill-partijiet ikkonċernati kollha jiffaċilitaw l-ilħuq tal-miri miftiehma biex jinkisbu tnaqqis sostanzjali fit-tariffi tad-data roaming u aktar tnaqqis li jwassal għal prezzijiet qrib il-prezzijiet domestiċi bejn il-Balkani tal-Punent u l-UE sal-2027; jilqa’ d-dħul fis-seħħ tal-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għar-roaming bejn il-Balkani tal-Punent u l-UE;
62.Iħeġġeġ lill-Kosovo jtejjeb il-konformità mal-limiti massimi tal-emissjonijiet, itejjeb l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-politiki settorjali u jadotta l-miżuri meħtieġa għall-kontroll tat-tniġġis, il-ħamrija u l-kontaminazzjoni tal-ilma u għall-ġestjoni tal-iskart, f’konformità mal-istandards u l-impenji internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kosovo jtejjeb il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali komprensivi u jintegra l-miżuri ta’ sostenibbiltà fl-ippjanar tal-infrastruttura; jistieden lill-Kosovo jżid iż-żoni protetti fil-pajjiż u jtejjeb l-istrumenti u l-miżuri għall-protezzjoni tagħhom bil-għan li tiġi ssalvagwardjata l-bijodiversità, inklużi l-ħabitats ewlenin tal-linċi tal-Balkani li jinsabu f’periklu kritiku; iħeġġeġ lill-Kosovo jintensifika u jħaffef l-isforzi kollaborattivi mal-pajjiżi ġirien tiegħu biex jiddeżinjaw żoni protetti transfruntieri u jistabbilixxu pjanijiet ta’ ġestjoni transfruntieri koerenti;
°
°°
63.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-Parlament Ewropew qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi u soċjoekonomiċi fil-Kosovo, u jippreżenta r-rapport tiegħu wara r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kosovo. Wara l-aħħar rapport adottat fl-2023, il-Parlament Ewropew se jerġa’ lura għat-tradizzjoni tiegħu ta’ rapporti annwali, li ma kienx possibbli fl-2024 minħabba l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-formazzjoni tal-Kummissjoni l-ġdida.
Fil-qosor, matul l-2023 u l-2024, il-Kosovo għamel passi notevoli fir-riformi elettorali, ir-reżiljenza ekonomika, u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Madankollu, għad hemm sfidi fir-riforma ġudizzjarja, il-libertà tal-media, l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika, u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi. L-impenn kontinwu għal riformi komprensivi u governanza inklużiva huwa essenzjali għall-avvanz tal-Kosovo fi triqtu lejn l-integrazzjoni Ewropea.
Bosta mill-isfidi tal-Kosovo huma problemi ta’ legat, li s-soluzzjoni għalihom titlob l-involviment tar-reġjun kollu fil-proċess usa’ ta’ integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Id-Djalogu bejn Belgrad u Pristina, li tnieda biex jinstab kompromess aċċettabbli għall-partijiet, sfortunatament ma ssarrafx fir-riżultati mistennija. Il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, kif ukoll il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri, iridu ċertament jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li d-djalogu bejn Pristina u Belgrad ikompli b’rieda mġedda. Il-ħatra tar-Rappreżentant Speċjali l-ġdid, Peter Sörensen, hija għalhekk milqugħa tajjeb ħafna.
It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea kien wieħed mill-aktar stejjer importanti ta’ suċċess tal-UE u jrid jibqa’ għaddej. L-għan ġeopolitiku usa’ tat-tkabbir huwa li jitneħħew l-hekk imsejħa żoni griżi mill-mappa tal-Ewropa. Il-bidliet sinifikanti li seħħew fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jridu jsaħħu r-rieda tal-Unjoni Ewropea li tikkonfronta atturi globali awtoritarji kompetituri. Kemm ir-Russja kif ukoll iċ-Ċina wrew li għandhom interessi ċari ħafna fil-Balkani tal-Punent.
B’dan ir-rapport, ir-Rapporteur jixtieq jipprovdi ħarsa ġenerali u l-valutazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-aktar kisbiet u sfidi importanti li l-Kosovo qed jiffaċċja llum u fil-futur qrib. Ċertament mhuwiex possibbli li jiġu koperti l-oqsma u l-isfidi problematiċi kollha f’dan ir-rapport. Wieħed mill-prerekwiżiti importanti għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport kien l-opportunità li wieħed iżur il-Kosovo matul missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni u jiltaqa’ ma’ uffiċjali tal-gvern, mexxejja tal-oppożizzjoni u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. It-tħejjija ta’ dan ir-rapport involviet skambji utli ħafna mar-rappreżentanti ta’ diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u organizzazzjonijiet internazzjonali, li għalihom ir-Rapporteur huwa grat ħafna.
ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNILI R-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM
F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura, ir-rapporteur jiddikjara li rċieva kontribut mill-entitajiet jew il-persuni li ġejjin fit-tħejjija tar-rapport, sal-adozzjoni tiegħu fil-kumitat:
Entità u/jew persuna |
European External Action Service (EEAS) |
Il-lista ta’ hawn fuq hija mfassla taħt ir-responsabbiltà esklużiva tar-Rapporteur.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
9.4.2025 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
48 19 6 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Mika Aaltola, Lucia Annunziata, Petras Auštrevičius, Jordan Bardella, Dan Barna, Wouter Beke, Robert Biedroń, Adam Bielan, Marc Botenga, Helmut Brandstätter, Sebastião Bugalho, Petr Bystron, Tobias Cremer, Özlem Demirel, Elio Di Rupo, Michael Gahler, Alberico Gambino, Geadis Geadi, Giorgos Georgiou, Raphaël Glucksmann, Christophe Gomart, Bernard Guetta, Hana Jalloul Muro, Rasa Juknevičienė, Rihards Kols, Andrey Kovatchev, Vilis Krištopans, Nathalie Loiseau, Reinhold Lopatka, Antonio López-Istúriz White, Jaak Madison, Marion Maréchal, Costas Mavrides, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Arkadiusz Mularczyk, Hannah Neumann, Leoluca Orlando, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Nacho Sánchez Amor, Mounir Satouri, Andreas Schieder, Alexander Sell, Davor Ivo Stier, Sebastiaan Stöteler, Stanislav Stoyanov, Marie-Agnes Strack-Zimmermann, Marta Temido, Riho Terras, Hermann Tertsch, Pierre-Romain Thionnet, Sebastian Tynkkynen, Reinier Van Lanschot, Roberto Vannacci, Hilde Vautmans, Nicola Zingaretti |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Jaume Asens Llodrà, Pernando Barrena Arza, Jan Farský, Merja Kyllönen, Ilhan Kyuchyuk, Liudas Mažylis, Şerban Dimitrie Sturdza, Marco Tarquinio, Ingeborg Ter Laak, Matej Tonin, Ivaylo Valchev, Matthieu Valet, Thomas Waitz |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jüri Ratas, Adrián Vázquez Lázara, Annamária Vicsek |
VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIETMILL-KUMITAT RESPONSABBLI
48 |
+ |
ECR |
Adam Bielan, Alberico Gambino, Rihards Kols, Jaak Madison, Arkadiusz Mularczyk, Sebastian Tynkkynen |
PPE |
Mika Aaltola, Wouter Beke, Sebastião Bugalho, Jan Farský, Michael Gahler, Rasa Juknevičienė, Andrey Kovatchev, Reinhold Lopatka, David McAllister, Liudas Mažylis, Jüri Ratas, Davor Ivo Stier, Ingeborg Ter Laak, Riho Terras, Matej Tonin |
Renew |
Petras Auštrevičius, Dan Barna, Helmut Brandstätter, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Marie-Agnes Strack-Zimmermann, Hilde Vautmans |
S&D |
Lucia Annunziata, Robert Biedroń, Tobias Cremer, Elio Di Rupo, Raphaël Glucksmann, Sven Mikser, Tonino Picula, Andreas Schieder, Marco Tarquinio, Marta Temido, Nicola Zingaretti |
The Left |
Pernando Barrena Arza, Merja Kyllönen |
Verts/ALE |
Jaume Asens Llodrà, Hannah Neumann, Leoluca Orlando, Mounir Satouri, Reinier Van Lanschot, Thomas Waitz |
19 |
- |
ECR |
Geadis Geadi, Marion Maréchal, Şerban Dimitrie Sturdza |
ESN |
Petr Bystron, Alexander Sell, Stanislav Stoyanov |
NI |
Kostas Papadakis |
PPE |
Antonio López-Istúriz White, Francisco José Millán Mon, Adrián Vázquez Lázara |
PfE |
Jordan Bardella, Vilis Krištopans, Sebastiaan Stöteler, Hermann Tertsch, Pierre-Romain Thionnet, Matthieu Valet, Roberto Vannacci |
The Left |
Özlem Demirel, Giorgos Georgiou |
6 |
0 |
PPE |
Christophe Gomart, Vangelis Meimarakis |
S&D |
Hana Jalloul Muro, Costas Mavrides, Nacho Sánchez Amor |
The Left |
Marc Botenga |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 71, 16.3.2016, p. 3, ELI: .
- [2] ĠU L 195, 27.7.2017, p. 3, ELI: .
- [3] ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1, ELI: .
- [4] ĠU L, 2024/1449, 24.5.2024, ELI:.
- [5] ĠU L 146/22, 6.6.2023, p.22, ELI: .
- [6] ĠU L 110, 25.4.2023, p. 1, ELI: .
- [7] Id-Direttiva (UE) 2024/1069 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn talbiet manifestament infondati jew proċedimenti tal-qorti abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) (ĠU L, 2024/1069, 16.4.2024, ELI: ).
- [8] Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (OJ L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: ).
- [9] Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: ).
- [10] Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1, ELI: ).