Ϸվ

Rapport - A9-0242/2022Rapport
A9-0242/2022

RAPPORTdwar il-pjan ta' azzjoni biex tingħata spinta lit-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntier

12.10.2022-()

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Annalisa Tardino

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
A9-0242/2022
Testi mressqa :
A9-0242/2022
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pjan ta' azzjoni biex tingħata spinta lit-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntier

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Patt Ekoloġiku u l-pakkett sussegwenti "Lesti għall-mira ta' 55%";

wara li kkunsidra r-Raba' Pakkett Ferrovjarju,

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni intitolata "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-1995 intitolata "Towards fair and efficient pricing in transport policy- options for internalising the external cost of transport in the European Union" (Lejn ipprezzar ġust u effiċjenti fil-politika tat-trasport – għażliet għall-internalizzazzjoni tal-ispiża esterna tat-trasport fl-Unjoni Ewropea) (COM/95/0691),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE)2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17ta'April2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi[1] (l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9ta'Diċembru2020 intitolata "Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur" (),

wara li kkunsidra d-Direttiva2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21ta'Novembru2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea[2],

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11ta'Diċembru2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network Trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru661/2010/UE[3] (ir-Regolament TEN-T),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE)2021/1187 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7ta'Lulju2021 dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta' miżuri li jmexxu 'l quddiem it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T)[4],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20ta'Jannar2021 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għan-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)[5],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7ta'Lulju2021 intitolata "Sikurezza u sinjalar ferrovjarji: valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tal-użu tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS)"[6],

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10ta'Marzu2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE)2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22taDiċembru2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022)[7],

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru2021/782 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29ta'April2021 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji[8] (ir-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri Ferrovjarji),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni maħruġ f'Ottubru2021 intitolat "Long-distance cross-border passenger rail services" (Servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri transfruntiera fuq distanza twila),

wara li kkunsidra l-Artikolu54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0242/2022),

A.billi l-Istrateġija l-ġdida għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tistabbilixxi l-istadju importanti li fih tirdoppja t-traffiku ferrovjarju ta' veloċità għolja sal-2030 u tittriplika t-traffiku ferrovjarju ta' veloċità għolja sal-2050;

B.billi l-volumi ta' passiġġieri tal-ferroviji ta' veloċità għolja kważi rduppjaw bejn l-2001 u l-2018, u dan jagħti prova li hemm domanda għal ferroviji ta' veloċità għolja kull meta tiġi pprovduta[9];

C.billi l-ajruporti tal-UE qed jesperjenzaw żieda sinifikanti fid-dewmien[10]; billi tbassar nuqqas sinifikanti ta' kapaċità (għal madwar 1.5miljun titjira sal-2040) jekk ma tiġi adottata l-ebda miżura ta' rimedju akuta[11]; billi l-konġestjoni fit-toroq tiswa lill-UE madwar EUR110 biljun fis-sena (1% tal-PDG tal-UE)[12];

D.billi l-ferroviji ta' veloċità għolja jġibu bosta benefiċċji, bħat-tnaqqis fil-fatalitajiet, fil-konġestjoni u fl-emissjonijiet, u għandhom impatt ekonomiku pożittiv billi jtejbu l-aċċessibbiltà, inaqqsu l-ħinijiet tal-ivvjaġġar, u jiġġeneraw opportunitajiet ta' impjieg;

E.billi ttieħdu passi leġiżlattivi importanti għat-tlestija taż-żona ferrovjarja unika Ewropea;

F.billi l-finanzjament tas-sistema maġenb il-binarji u abbord l-ERTMS għandu rwol ewlieni biex jiżgura rata msaħħa ta' użu u żieda fis-sikurezza u l-interoperabbiltà fit-TEN-T kollu filwaqt li javvanza l-kisba ta' Żona Ferrovjarja Ewropea verament interoperabbli;

G.billi t-tlestija tat-TEN-T – filwaqt li żżomm il-kapaċità li jiġu żviluppati networks sekondarji – hija kruċjali biex isir progress lejn modi ta' trasport aktar sostenibbli, b'mod partikolari t-trasport ferrovjarju, u biex tingħata spinta lill-konnettività multimodali bejn l-ibliet, ir-reġjuni, iż-żoni periferali u l-gżejjer tal-UE;

H.billi għad hemm ostakli teknoloġiċi għall-interoperabbiltà tal-ferroviji bejn il-pajjiżi tal-UE;

I.billi l-ħruġ ta' biljetti multimodali intelliġenti huwa strument ewlieni biex jitħeġġeġ użu akbar ta' trasport ferrovjarju u multimodali sostenibbli; billi n-network ferrovjarju u l-istazzjonijiet jista' jkollhom rwol ewlieni fl-integrazzjoni ta' modi oħra ta' trasport fil-konnessjoni tal-ewwel/l-aħħar mil;

J.billi s-Sena Ewropea tal-Ferroviji 2021 kienet opportunità biex tiġi promossa bidla ħalli l-ferroviji jsiru s-sinsla tat-trasport tal-passiġġieri madwar l-Unjoni, u jaqdu aħjar liċ-ċittadini u jtejbu l-iżvilupp tan-network TEN-T fl-Istati Membri;

K.billi s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 hija opportunità biex jissaħħaħ dan il-momentum permezz ta' azzjonijiet diretti lejn iż-żgħażagħ;

L.billi n-nodi urbani bħalissa mhumiex integrati biżżejjed fin-network TEN-T attwali; billi huwa nieqes għadd sinifikanti ta' infrastruttura tal-aħħar mil għat-trasport tal-merkanzija u l-konnessjonijiet multimodali għall-passiġġieri;

1.Jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni u jappoġġja l-objettivi proposti biex it-trasport ferrovjarju jsir aktar attraenti, kompetittiv u effiċjenti;

2.Jilqa' l-objettivi ewlenin fil-mira ta' dan il-pjan ta' azzjoni, b'mod partikolari billi:

a)jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-ferroviji fid-dekarbonizzazzjoni tal-mobbiltà fl-UE u jieħu inizjattivi li jippermettu li ż-żona ferrovjarja unika Ewropea tkun tista' ssir il-prerekwiżit għall-bidla modali meħtieġa[13];

b)jikkontribwixxi għall-istabbiliment taż-żona ferrovjarja unika Ewropea, li se tgħin biex ittejjeb is-suq intern tal-UE, tissodisfa l-ħtiġijiet tal-mobbiltà taċ-ċittadini tal-Ewropa u trawwem il-koeżjoni soċjoekonomika tal-Unjoni;

c)jagħti spinta lill-konnettività madwar l-Ewropa kollha, inklużi ż-żoni rurali, ir-reġjuni remoti, il-gżejjer, iż-żoni muntanjużi u ż-żoni inqas popolati;

d)isaħħaħ il-konnettività mal-pajjiżi tat-tkabbir u tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari l-Ukrajna u l-Moldova;

e)itejjeb l-effiċjenza u jiżgura kwalità għolja tas-servizzi tat-trasport, filwaqt li joffri biżżejjed kapaċità u jnaqqas il-ħinijiet tal-ivvjaġġar bi prezzijiet tal-biljetti xierqa;

f)jiżgura kompetizzjoni ġusta fost l-operaturi ferrovjarji u jistabbilixxi kemm kundizzjonijiet ekwi kompetittivi kif ukoll komplimentarjetà bejn il-modi tat-trasport;

g)jiżgura l-istess livell ta' protezzjoni fil-modi differenti kollha tat-trasport u jsaħħaħ ulterjorment id-drittijiet tal-passiġġieri, li se jgħinu biex l-użu tal-ferroviji jsir aktar attraenti, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, u jiggarantixxu aċċess ugwali għal kulħadd permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà;

h)jiżgura u jippromwovi t-taħriġ, it-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid u ċ-ċertifikazzjoni f'konformità mal-ħtiġijiet futuri tas-sewwieqa tal-ferroviji u tal-persunal ferrovjarju;

i)joħloq qafas biex titwitta t-triq għal żieda fl-investimenti fis-servizzi kompetittivi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal;

3.Jilqa' l-istabbiliment ta' servizzi pilota transfruntieri u jistieden lill-Kummissjoni tidentifika malajr kemm jista' jkun riżorsi possibbli għal dan l-iskop u skeda ta' żmien ċara bi stadji importanti u objettivi xierqa;

Implimentazzjoni aħjar tal-acquis ferrovjarju tal-Unjoni u interoperabbiltà aċċelerata

4.Jilqa' l-aċċelerazzjoni tal-ħidma biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju u l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi ta' Interoperabbiltà (TSI);

5.Jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ERTMS, permezz tal-ilħuq tal-miri fil-proposta leġiżlattiva riveduta għar-Regolament tat-TEN-T, se tgħin biex tinħoloq żona ferrovjarja unika diġitali Ewropea, li tiżgura l-iżvilupp ulterjuri ta' kapaċità tan-network akbar u servizzi tat-trasport ferrovjarju sikuri, siguri u effiċjenti għal konnessjonijiet fuq distanzi twal u transfruntiera;

6.Jenfasizza li biex tingħata spinta lit-trasport ferrovjarju fuq distanzi twal, din trid tiġi akkumpanjata minn integrazzjoni f'networks ferrovjarji interreġjonali, reġjonali, urbani u periurbani differenti kif ukoll ma' modi oħra u t-TEN-T, biex b'hekk tittejjeb il-mobbiltà minn bieb għal bieb; jenfasizza li din se tkun kruċjali biex is-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u multimodali jsiru aktar attraenti;

7.Jisħaq fuq l-importanza li titħaffef il-kostruzzjoni ta' linji ferrovjarji ġodda u li tiġi promossa aktar it-tlestija ta' proġetti tal-infrastruttura, inklużi pontijiet li jgħaqqdu l-gżejjer mal-kontinent, sabiex jissolvew il-konnessjonijiet neqsin eżistenti u tittejjeb l-integrazzjoni tal-gżejjer mal-awtostradi tal-baħar;

8.Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tħaffef l-introduzzjoni tal-ERTMS mal-Unjoni kollha fir-reviżjoni tar-Regolament dwar it-TEN-T, filwaqt li tistabbilixxi data ta' skadenza għad-dekummissjonar ta' sistemi antiki tal-klassiB;

9.Jenfasizza li l-prevedibbiltà regolatorja, inkluż għal speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà, hija kruċjali biex tingħata spinta lill-investimenti meħtieġa mill-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati ħalli jintlaħqu l-objettivi tal-implimentazzjoni għall-ERTMS u l-interoperabbiltà fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

10.Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sinkronizzata tas-sistema maġenb il-binarji u tal-unitajiet abbord u l-ħtieġa għal governanza mtejba tal-ERTMS biex tiġi żgurata tali implimentazzjoni sinkronizzata kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, inkluż billi jiġu simplifikati u aċċelerati l-proċeduri;

11.Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati finanzjament u fondi rapidi, suffiċjenti u effiċjenti biex jiġu appoġġjati l-investimenti, li għandhom jinvolvu lill-awtoritajiet kompetenti, li jippermettu l-implimentazzjoni l-aktar rapida possibbli tal-unitajiet abbord tal-ERTMS u standards oħra tat-TSI[14] fis-servizzi pubbliċi;

12.Ifaħħar ir-rwol tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA), li hija wieħed mill-pilastri tal-politika ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li l-ERA jeħtieġ li jkollha biżżejjed fondi sabiex tkun tista' tipprovdi appoġġ għall-objettivi ta' tlestija tat-TEN-T, b'mod partikolari fis-sezzjonijiet transfruntiera;

13.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu inizjattivi xierqa biex ikomplu jtejbu l-attraenza tal-investiment fl-ERTMS;

14.Jitlob li jsiru sforzi biex jiġu estiżi l-iskedi ta' żmien ikkoordinati li diġà ġew introdotti f'xi Stati Membri fil-livell tal-UE sabiex jitħeġġeġ l-ivvjaġġar faċli u bla xkiel għaċ-ċittadini kollha tal-UE bejn il-fruntieri;

Infrastruttura msaħħa għall-ferroviji tal-passiġġieri

15.Iqis li t-tlestija f'waqtha tal-kurituri tan-network ewlieni multimodali u bla xkiel tat-TEN-T sal-2030 hija l-ewwel pass għal aktar integrazzjoni tan-network, hija imperattiva u trid tinvolvi l-eliminazzjoni ta' konġestjonijiet u konnessjonijiet neqsin u t-tlestija ta' sezzjonijiet transfruntiera; jappoġġja t-tlestija tal-konnessjonijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja ppjanati fin-network ewlieni estiż sal-2040; jemmen li l-investimenti ta' prijorità għandhom ikunu diretti wkoll lejn l-iżvilupp ta' konnessjonijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja transfruntiera u fuq distanzi twal, speċjalment f'żoni fejn bħalissa hemm nuqqas ta' infrastruttura ferrovjarja ta' veloċità għolja; jisħaq, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T, fuq l-importanza li l-bliet kapitali tal-UE jiġu konnessi permezz ta' servizzi ferrovjarji ta' veloċità għolja bi prezz raġonevoli u effiċjenti u li tittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura; jenfasizza li linji ġodda ta' veloċità għolja huma għodda effettiva biex tiżdied il-kompetittività tat-trasport ferrovjarju;

16.Jisħaq fuq l-importanza assoluta li tinbena infrastruttura ġdida biex tiġi ssodisfata d-domanda għal ferroviji ta' veloċità għolja; ifakkar li l-irduppjar fit-traffiku ferrovjarju ta' veloċità għolja sal-2030 se jirrikjedi mill-inqas żieda ta' 75% fit-tul attwali tan-network li huwa ta' 11526km[15];

17.Jisħaq fuq ir-rwol tat-TEN-T, tal-konnessjonijiet ferrovjarji ta' kwalità għolja u tat-trasport multimodali fl-appoġġ għat-tkabbir ekonomiku u l-inklużività, speċjalment f'reġjuni iżolati u f'żoni b'distakk strutturali sinifikanti; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tadotta azzjonijiet u proġetti biex tappoġġja konnettività aħjar tat-trasport multimodali lokali sostenibbli u ferrovjarju fiż-żoni periferiċi u kostali b'marġini aktar baxxi għall-iżvilupp;

18.Jiddispjaċih dwar il-fondi limitati tal-UE disponibbli permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa2021-2027 (FNEII) li jirrappreżentaw biss madwar 5% tal-investiment totali meħtieġ biex ikun komplut in-network ewlieni tat-TEN-T[16];

19.Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejjeb l-użu tal-fondi tal-UE lil hinn mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-fondi ta' koeżjoni, inklużi l-FNE, NextGenerationEU, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-programm tal-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) jew il-fondi mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), biex jiġu żgurati investimenti massivi ta' kwalità għolja f'infrastruttura tat-trasport sostenibbli u effiċjenti, inklużi konnessjonijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja neqsin.

20.Jisħaq fuq il-fatt li peress li bħalissa 44% biss tar-residenti fiż-żoni mal-fruntieri tal-UE għandhom aċċess għas-servizzi ferrovjarji[17] u li spiss ma jkunx hemm soluzzjonijiet tat-trasport multimodali xierqa, sabiex it-TEN-T jaqdi r-rwol tiegħu fit-trawwim tal-koeżjoni soċjoekonomika u territorjali fis-suq intern tal-UE, hija meħtieġa konnettività intelliġenti għan-network ewlieni tat-TEN-T u trid tiġi żviluppata integrazzjoni ulterjuri ta' networks nazzjonali differenti, inklużi wkoll żoni rurali, remoti, insulari, periferali u żoni żvantaġġati oħra sabiex jiġi promoss l-iżvilupp soċjoekonomiku tagħhom;

21.Jisħaq fuq is-sinifikat tal-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera mar-reġjun tal-Balkani tal-Punent, l-Ukrajna u l-Moldova; jinnota li mekkaniżmu effettiv u rapidu tal-qsim tal-fruntieri fil-fruntieri esterni tal-UE huwa kruċjali biex tiġi żgurata konnettività mingħajr xkiel tal-ferroviji tal-passiġġieri bejn l-UE u l-pajjiżi tat-tkabbir u tas-Sħubija tal-Lvant;

22.Jilqa' l-alternattivi promettenti offruti mill-ferroviji li jaħdmu bl-idroġenu u bil-batteriji meta l-elettrifikazzjoni ta' sezzjoni ferrovjarja ma tkunx possibbli;

23.Jappoġġja l-enfasi tal-Kummissjoni fuq it-tlestija taċ-ċentri multimodali tal-ewwel/tal-aħħar mil fin-nodi urbani, u b'hekk issaħħaħ il-konnettività ferrovjarja mat-trasport bl-ajru, bil-baħar u bit-triq; ifakkar, madankollu, li ċentri urbani iżgħar u inqas popolati għandu jkollhom konnessjonijiet effiċjenti ma' ċentri u terminali multimodali f'distanzi raġonevoli;

24.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol strateġiku tal-istazzjonijiet ferrovjarji fi ħdan sistema ta' mobbiltà integrata u sostenibbli, b'mod partikolari billi jappoġġjaw il-modernizzazzjoni ta' stazzjonijiet żgħar;

25.Jilqa' t-tisħiħ tar-rwol tal-ERA biex tiċċertifika u tawtorizza r-rolling stocks sabiex tiżgura proċessi bla xkiel u f'waqthom, b'mod partikolari għall-konnessjonijiet transfruntiera, kif ukoll biex tikkonsolida u tnaqqas l-ammont ta' regoli nazzjonali; jinkoraġġixxi kemm lill-ERA kif ukoll lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jaċċeleraw il-kooperazzjoni tagħhom dwar l-ispeċifikazzjonijiet tar-rolling stock "li jmur kullimkien";

Disponibbiltà suffiċjenti tar-rolling stock

26.Jappella għal kjarifika u simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat dwar il-finanzjament pubbliku ta' vetturi ferrovjarji interoperabbli għat-trasport transfruntier u faċilitajiet ta' servizzi relatati, kif ukoll għas-servizzi tal-infrastruttura ferrovjarja fil-Linji Gwida Ferrovjarji riveduti, inklużi l-istrumenti disponibbli għall-finanzjament ta' tali vetturi u l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar il-Ferroviji tal-Lussemburgu;

27.Jistieden lill-kumpaniji ferrovjarji jippjanaw ordnijiet suffiċjenti ta' vetturi ferrovjarji ta' veloċità għolja, f'konformità mal-għanijiet tal-Kummissjoni li tirdoppja l-veloċità għolja sal-2040; jirrimarka, bl-istess mod, li r-rolling stock għas-servizzi tal-ferroviji ta' billejl jeħtieġ ippjanar f'waqtu sabiex jiġi ffaċilitat ir-rinaxximent tal-ferroviji ta' billejl; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għall-fatt li jeħtieġ tiġi żgurata biżżejjed disponibbiltà ta' vetturi ferrovjarji għad-dħul mill-ġdid ippjanat li jmiss tal-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera reġjonali;

28.Isostni li sikurezza tal-binarji aħjar għandha tkun akkumpanjata minn livell ekwivalenti ta' sikurezza teknoloġika u mekkanika fil-ferroviji li jintużaw kuljum għat-trasport ta' persuni u merkanzija;

29.Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-intenzjonijiet iddikjarati tagħha, tkompli tistudja u tivvaluta l-possibbiltà li tistabbilixxi ġabra Ewropea ta' vetturi ferrovjarji u tkompli d-diskussjonijiet dwar kif dan jiġi implimentat mal-BEI;

30.Jenfasizza l-ħtieġa għal rekwiżiti u speċifikazzjonijiet ċari għall-interoperabbiltà u aktar investimenti fir-rolling stock;

31.Jissottolinja li dawn l-investimenti huma partikolarment kritiċi meta r-rolling stock jiġi modifikat b'applikazzjonijiet b'diversi sistemi meħtieġa biex jippermettu operazzjonijiet transfruntiera u internazzjonali f'aktar minn pajjiż wieħed;

32.Jiddispjaċih li l-abbozzar tal-ispeċifikazzjonijiet tar-rolling stock "li jmur kullimkien" tmexxa għar-reviżjoni li jmiss tat-TSI, u dan wassal għal dewmien ta' tliet snin; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-kooperazzjoni mal-ERA sabiex tingħata spinta lill-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tar-rolling stock "li jmur kullimkien";

33.Ifakkar li l-Pjattaforma ta' Investiment għall-Ferroviji Ekoloġiċi mnedija reċentement mill-BEI hija inizjattiva ewlenija biex tappoġġja u tagħti spinta lill-investiment pubbliku u privat fi proġetti ferrovjarji; iħeġġeġ lill-operaturi ferrovjarji, lill-maniġers tal-infrastruttura, lill-awtoritajiet tat-trasport u lil partijiet ikkonċernati oħra jaċċessaw il-Pjattaforma sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq;

34.Jappella għal inizjattivi innovattivi biex jiġu appoġġjati l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-mikrointrapriżi; jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-ħtiġijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, sabiex jissaħħaħ u jiġi stimulat l-ambjent kummerċjali għall-SMEs u jintrabat mal-politika industrijali l-ġdida fil-livell tal-UE;

35.Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-vaguni tar-roti fil-ferroviji tal-passiġġieri transfruntiera kif previst fir-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ferroviji;

L-allinjament tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji u tal-persunal ferrovjarju mal-ħtiġijiet futuri

36.Jisħaq li n-nuqqas ta' armonizzazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji jista' jfixkel il-mobbiltà tagħhom bejn l-Istati Membri u l-iżvilupp ta' servizzi tal-passiġġieri fuq distanzi twal, b'mod partikolari għas-sezzjonijiet transfruntiera;

37.Jieħu nota tal-importanza tal-kwistjoni tal-lingwa għas-sewwieqa tal-ferroviji involuti fi vjaġġi transfruntiera, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' għodod lingwistiċi diġitali bħala soluzzjoni bi prezz raġonevoli biex tgħin ħalli jingħelbu l-ostakli lingwistiċi u biex tnaqqas id-distakki eżistenti;

38.Jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi promossa lingwa ta' ħidma unika għall-UE kollha, jiġifieri l-Ingliż, għas-sewwieqa tal-ferroviji li joperaw konnessjonijiet ferrovjarji tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntiera li ma jitkellmux il-lingwi tal-Istati Membri li jkunu qasmu fihom matul il-vjaġġ;

39.Jappoġġja t-taħriġ lingwistiku għall-persunal ferrovjarju sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jaqdu lill-vjaġġaturi kollha b'mod xieraq;

40.Jisħaq fuq l-importanza ta' strateġija Ewropea ċara għall-ħiliet biex jitneħħew l-ostakli tekniċi u operattivi persistenti li jxekklu t-traffiku transfruntier;

41.Jisħaq fuq ir-rilevanza tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa fl-appoġġ għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tas-sewwieqa tal-ferroviji, b'mod partikolari f'ħiliet diġitali ġodda; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza li jiġu żgurati rati ta' impjieg u opportunitajiet indaqs għal kulħadd;

42.Ifakkar li d-Direttiva (UE)2016/798 dwar is-sikurezza ferrovjarja tipprevedi ċ-ċertifikazzjoni speċjali tal-persunal li jakkumpanja l-ferroviji; jemmen li l-persunal kwalifikat huwa meħtieġ mhux biss biex itejjeb is-servizz ferrovjarju, iżda l-aktar importanti biex jiżgura s-sikurezza tat-trasport ferrovjarju fl-aspetti kollha tiegħu;

43.Jitlob li jkun hemm aktar inizjattivi biex in-nisa jitħeġġu jidħlu fi professjonijiet fis-settur ferrovjarju;

44.Jappella għal aktar inizjattivi biex iż-żgħażagħ u l-forza tax-xogħol tal-SMEs jiġu mgħammra bil-ħiliet u l-għarfien rilevanti;

Użu aktar effiċjenti tan-networks

45.Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat użu aħjar tan-network, u speċjalment mat-TEN-T kollu, u jappella għal miżuri li jagħmlu l-fluss tal-passiġġieri bla xkiel, inkluż billi jistabbilixxu nodi ta' tranżitu u terminali tul rotot ta' veloċità għolja, u li jaħdmu biex jagħmlu l-użu tal-ferroviji ta' billejl aktar attraenti; jirrimarka li dawn il-passi jirrikjedu kooperazzjoni mill-qrib fuq linji tat-traffiku mħallta fit-tfassil tal-arranġamenti tal-passiġġieri u tal-merkanzija sabiex jiġu evitati konġestjonijiet inklużi fil-binarji, li jimminaw il-prestazzjoni tan-network kollu;

46.Jenfasizza li d-disponibbiltà tal-kapaċità u n-nuqqas ta' konġestjonijiet huma kruċjali għall-użu effiċjenti tan-network u sabiex jiżdied is-sehem modali tal-ferroviji;

47.Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu perspettiva pluriennali fil-fondi tal-infrastruttura tagħhom sabiex jippermettu l-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura ppjanata u kkoordinata internazzjonalment, inaqqsu r-restrizzjonijiet temporanji tal-kapaċità u jtejbu l-affidabbiltà tal-ferroviji internazzjonali.

48.Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-"indiċi tal-konnettività", li qed tiżviluppa bħalissa, għall-identifikazzjoni preċiża tal-investiment fl-infrastruttura meħtieġ biex jiġi żgurat l-effett tan-network;

49.Jenfasizza r-rwol tad-diġitalizzazzjoni, il-ħtieġa ta' ċibersigurtà adegwata u koordinazzjoni aħjar, b'mod partikolari għat-traffiku ferrovjarju transfruntier; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar fil-mod kif tiġi ġestita l-kapaċità fin-networks tal-Istati Membri, bil-ħsieb li jittejjeb l-użu tal-kapaċità disponibbli; jappella, għalhekk, għal armonizzazzjoni akbar tal-proċeduri u l-kriterji għall-ippjanar u l-allokazzjoni tal-kapaċità, kif ukoll interoperabbiltà sħiħa tal-għodod diġitali; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni għall-integrazzjoni aħjar tat-traffiku ferrovjarju transfruntier fit-traffiku nazzjonali u, għalhekk, għal ġestjoni aktar effiċjenti tal-kapaċità ferrovjarja kemm għall-ferroviji tal-passiġġieri kif ukoll għal dawk tal-merkanzija;

50.Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' allokazzjoni aktar effiċjenti tal-binarji transfruntiera;

Ipprezzar xieraq għall-aċċess għall-binarji

51.Jilqa' l-pjanijiet li jmiss tal-Kummissjoni li tippubblika linji gwida għall-istabbiliment ta' tariffi għall-aċċess għall-binarji u li tinkoraġġixxi tariffi mnaqqsa għall-aċċess għall-binarji fuq l-istabbiliment ta' servizzi transfruntiera, kif ukoll it-trasparenza fil-kalkolu tagħhom;

52.Itenni l-importanza tat-tariffi għall-aċċess għall-binarji bħala fattur deċiżiv li jinfluwenza s-suq ferrovjarju; jistieden lill-Kummissjoni tissuġġerixxi rakkomandazzjonijiet għal tariffi ddedikati għall-infrastruttura għall-ferroviji ta' billejl fil-Linji Gwida li jmiss;

53.Jisħaq fuq l-importanza li jiġi stabbilit ipprezzar ġust u xieraq tal-aċċess għall-binarji għall-operaturi kollha, filwaqt li jiġi ggarantit it-trattament ugwali għall-operaturi eżistenti u għal dawk li jidħlu ġodda u jiġi żgurat li n-networks tal-infrastruttura jiġu ffinanzjati b'mod adegwat;

54.Jenfasizza li t-tariffi għall-aċċess għall-binarji huma fluss ta' dħul rilevanti għall-maniġers tal-infrastruttura u jfakkar li kalkolu wieħed għat-tariffi tal-binarji huwa bbażat fuq l-iskarsezza kkawżata min-nuqqas ta' biżżejjed kapaċità infrastrutturali[18];

Ħruġ ta' biljetti faċli għall-utenti u aċċess għas-sistema ferrovjarja

55.Jirrikonoxxi li biex is-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri fuq distanzi twal isiru aktar attraenti jeħtieġu:

a)sistema ta' ħruġ ta' biljetti intelliġenti aktar aċċessibbli li tiffaċilita l-ippjanar multimodali tal-vjaġġi: il-passiġġieri għandu jkollhom esperjenza ta' utent bla xkiel meta jfittxu, jagħżlu, u jixtru s-servizzi ferrovjarji tagħhom b'bejgħ imparzjali tal-biljetti – li jfisser li l-biljetti kollha tal-operaturi ferrovjarji jinbiegħu permezz tal-kanali kollha tal-biljetti; sabiex jinkiseb ħruġ ta' biljetti mingħajr xkiel, għandha tiġi kkunsidrata u promossa sistema ta' ħruġ ta' biljetti unika li, mill-mument li tinħoloq, diġà jkun fiha l-possibbiltà li eventwalment tintroduċi l-ħruġ ta' biljetti multimodali;

b)protezzjoni xierqa għall-passiġġieri fil-każ ta' dewmien jew konnessjonijiet mitlufa: irrispettivament minn jekk ikunux ibbukkjaw biljett uniku jew biljetti separati, il-passiġġieri għandhom jibbenefikaw, bħala minimu, mill-kontinwazzjoni tal-vjaġġ, li huwa fattur ewlieni fl-għażla tal-mod ta' trasport tagħhom;

56.Jitlob li l-biljetti ferrovjarji jindikaw b'mod ċar l-informazzjoni dwar l-impronta tas-CO2 tal-vjaġġ ibbukkjat li diġà jkun disponibbli pubblikament (pereżempju minn siti web bħal EcoPassenger) sabiex tkompli titħeġġeġ il-bidla modali permezz ta' ppjanar tal-mobbiltà infurmat tajjeb;

57.Jistenna bil-ħerqa l-proposta li jmiss tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta' mobbiltà diġitali multimodali (MDMS) bl-għan li jittejbu aktar l-aċċess, id-disponibbiltà u l-iskambju tad-data dwar l-ivvjaġġar, u li tiġi ffaċilitata l-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali ġusti biż-żewġ prinċipji li jkunu essenzjali għall-parteċipanti kollha fis-suq; jenfasizza l-ħtieġa tal-kooperazzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti biex ittejjeb id-distribuzzjoni tal-biljetti, tistabbilixxi kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji għall-iskambju ta' data permezz ta' formati li jinqraw minn magna abbażi ta' standards miftuħa, permezz ta' interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) b'dispożizzjonijiet speċifiċi għal disturbi u/jew kanċellazzjonijiet tas-servizz;

58.Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati prezzijiet tal-biljetti ġusti, faċilment aċċessibbli, bi prezzijiet raġonevoli u vantaġġużi għall-kategoriji kollha tal-passiġġieri, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli, kif ukoll l-aċċessibbiltà għall-pjattaformi u l-fornituri tal-biljetti, b'mod partikolari għall-passiġġieri anzjani kif ukoll għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa;

59.Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv bi stadji importanti ċari ta' implimentazzjoni biex jikseb aċċess aktar faċli għall-konnessjonijiet multimodali, ibbażat fuq soluzzjonijiet interoperabbli li huma adattati għall-iskop tagħhom;

60.Jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-konformità mar-Regolament il-ġdid dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri Ferrovjarji;

Kundizzjonijiet ekwi ma' modi oħra ta' trasport

61.Iqis li għandhom jiġu esplorati t-toroq possibbli kollha biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ma' modi oħra ta' trasport; jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li se tivvaluta eżenzjoni mill-VAT fl-UE kollha għas-servizzi ferrovjarji internazzjonali u r-reviżjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

62.Jisħaq li għandha tkun disponibbli informazzjoni trasparenti għall-passiġġieri biex jagħmlu għażliet aktar sostenibbli, u li l-inizjattiva "CountEmission EU" tista' tgħin biex jiġi stabbilit qafas għat-tqabbil tal-emissjonijiet;

63.Jistieden lill-Istati Membri jottimizzaw l-użu ta' fondi pubbliċi biex itejbu t-trasport pubbliku, eż. is-servizz ferrovjarju, li jista' jġorr volumi kbar ta' passiġġieri biex jissodisfa d-domanda dejjem tikber għat-trasport;

Obbligi ta' servizz pubbliku għall-promozzjoni ta' trasport kollettiv sostenibbli transfruntier u/jew multimodali

64.Jenfasizza r-rwol vitali li għandu t-trasport ferrovjarju biex it-trasport jibqa' jiffunzjona anke fi kriżijiet billi jakkomoda influssi enormi ta' passiġġieri fi żmien qasir;

65.Jenfasizza li l-kuntratti ta' servizz pubbliku, marbuta ma' titjib ċar ta' qafas tas-suq nondiskriminatorju għas-servizzi mmexxija kummerċjalment, jista' jkollhom rwol kruċjali biex jippromwovu l-kontinwità tas-servizzi transfruntiera għaċ-ċittadini Ewropej u jtejbu l-konnessjonijiet ma' destinazzjonijiet interessanti, bħal destinazzjonijiet turistiċi u storiċi, billi jipprovdu servizzi ferrovjarji li jgħinu biex iżommu network ferrovjarju dens, regolari, affidabbli u ta' kwalità, inkluż lejn destinazzjonijiet inqas attraenti;

66.Jemmen li l-obbligi ta' servizz pubbliku marbuta ma' qafas tas-suq imtejjeb u ġust jistgħu jippromwovu l-użu tal-ferroviji, inkluż fit-trasport tal-passiġġieri fuq distanzi twal, b'mod partikolari fil-każ ta' fallimenti tas-suq f'rotot transfruntiera, b'mod partikolari r-rotot tal-aħħar mil, forsi flimkien ma' segmenti oħra tan-network li jħallu l-qligħ;

Għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ

67.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsostnu l-momentum tas-Sena Ewropea tal-Ferroviji2021 fis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ2022, billi jħeġġu liż-żgħażagħ jivvjaġġaw bil-ferrovija u jqajmulhom l-interess f'professjonijiet fis-settur ferrovjarju, li qed jiffaċċja nuqqas ta' ħiliet minħabba l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni billi jiġu żgurati livelli ta' salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati;

68.Jemmen li network ferrovjarju ta' veloċità għolja Ewropew uniku huwa importanti biex iġib in-nies flimkien, speċjalment liż-żgħażagħ; isostni li l-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi se jtejjeb il-koeżjoni fl-Ewropa;

69.Jilqa' l-inizjattivi ppjanati tal-Kummissjoni li jiffaċilitaw il-forniment ta' servizzi ferrovjarji transfruntiera ta' billejl, u barra minn hekk iħeġġeġ lill-impriżi ferrovjarji biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tal-ferroviji ta' billejl;

°

°°

70.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' azzjoni fl-14ta'Diċembru2021 biex tagħti spinta lill-ferroviji tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntiera bħala parti mill-pakkett ta' miżuri għal vjaġġar effiċjenti u aktar sostenibbli.

Il-pjan ta' azzjoni jipprovdi pjan direzzjonali u azzjonijiet ulterjuri sabiex il-ferroviji tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntiera jsiru għażla ta' vvjaġġar aktar attraenti għall-passiġġieri fl-UE, bil-għan li jiġi rduppjat it-traffiku ferrovjarju ta' veloċità għolja sal-2030 u jitneħħew l-ostakli u l-konnessjonijiet neqsin.

Ir-rapporteur jilqa' u jappoġġja l-pjan ta' azzjoni biex tingħata spinta lill-ferroviji tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntiera u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti miri ta' ambizzjoni biex it-trasport ferrovjarju jsir aktar attraenti u effiċjenti.

Il-pjan għandu jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-kisba ta' sett wiesa' ta' objettivi, inkluż il-ħolqien ta' Sistema Ferrovjarja Unika Ewropea sikura u kompletament interoperabbli, it-titjib tas-sostenibbiltà, il-promozzjoni ta' ħruġ ta' biljetti multimodali, il-ħolqien ta' impjiegi, it-tisħiħ tal-konnettività, b'attenzjoni partikolari għar-reġjuni remoti, il-gżejjer, iż-żoni muntanjużi u ż-żoni inqas popolati.

Elementi ewlenin addizzjonali huma l-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri, l-aċċessibbiltà ugwali, it-titjib tal-effiċjenza tat-trasport, it-tnaqqis tal-ħinijiet tal-ivvjaġġar u l-prezzijiet, il-promozzjoni ta' kompetittività ġusta fost l-operaturi ferrovjarji u bejn modi differenti ta' trasport, il-ħtieġa ta' involviment sħiħ taż-żgħażagħ.

Ir-rapporteur jenfasizza l-importanza li tingħata spinta lill-investimenti għat-tlestija tat-TEN-T sal-2030 (ċentrali), sal-2040 (estiż) u sal-2050 (komprensiv), filwaqt li tingħata prijorità lill-allokazzjoni ta' fondi għal proġetti strateġiċi, jiġu eliminati l-konġestjonijiet u l-konnessjonijiet neqsin u jiġu ffinalizzati s-segmenti tal-aħħar mil.

L-għoti ta' spinta lill-ferroviji tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntiera se jkollu rwol sinifikanti fil-promozzjoni tas-Suq Uniku Ewropew, permezz ta' approċċ ibbażat fuq is-suq li jiżgura l-kompetittività bejn atturi differenti b'kundizzjonijiet ekwi komuni, mingħajr ebda diskriminazzjoni, filwaqt li jippreserva l-prinċipju tal-Mobbiltà bħala Servizz u r-rwol tiegħu li jippromwovi l-koeżjoni soċjoekonomika tar-reġjuni Ewropej.

Madankollu, il-Pjan ta' Azzjoni għandu jiżviluppa sinerġiji, ma' politiki rilevanti oħra tal-UE bħar-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-ERTMS fi ħdan in-network kollu, u għandu jistenna bil-ħerqa l-proposti futuri li jmiss tal-Kummissjoni bħal dawk dwar il-ħruġ ta' biljetti multimodali u t-taħriġ tas-sewwieqa.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

3.10.2022

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Andris Ameriks, Erik Bergkvist, Izaskun Bilbao Barandica, Paolo Borchia, Karolin Braunsberger-Reinhold, Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Anna Deparnay-Grunenberg, Ismail Ertug, Giuseppe Ferrandino, Carlo Fidanza, Mario Furore, Søren Gade, Isabel García Muñoz, Elena Kountoura, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Benoît Lutgen, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Cláudia Monteiro de Aguiar, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Rovana Plumb, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Vera Tax, Barbara Thaler, Henna Virkkunen, Lucia Vuolo, Roberts Zīle

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Leila Chaibi, Nicola Danti, Roman Haider, Ondřej Kovařík, Ljudmila Novak, Jutta Paulus, Dorien Rookmaker, Annalisa Tardino, Kathleen Van Brempt, Marianne Vind, Jörgen Warborn

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Olivier, Iuliu Winkler


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

42

+

ECR

Carlo Fidanza, Peter Lundgren, Dorien Rookmaker, Roberts Zīle

ID

Paolo Borchia, Roman Haider, Philippe Olivier, Annalisa Tardino

NI

Mario Furore

PPE

Karolin Braunsberger-Reinhold, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Benoît Lutgen, Marian-Jean Marinescu, Cláudia Monteiro de Aguiar, Ljudmila Novak, Massimiliano Salini, Barbara Thaler, Henna Virkkunen, Lucia Vuolo, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler

RENEW

Izaskun Bilbao Barandica, Nicola Danti, Søren Gade, Ondřej Kovařík, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Dominique Riquet

S&D

Andris Ameriks, Erik Bergkvist, Ismail Ertug, Giuseppe Ferrandino, Isabel García Muñoz, Bogusław Liberadzki, Rovana Plumb, Vera Tax, Kathleen Van Brempt, Marianne Vind

VERTS/ALE

Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Anna Deparnay-Grunenberg, Jutta Paulus

0

-

2

0

THE LEFT

Leila Chaibi, Elena Kountoura

Tifsira tas-simboli użati:

+:favur

-:kontra

0:astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Ottubru 2022
Avviż legali-Politika tal-privatezza