Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0028/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0028/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar l-appoġġ finanzjarju u militari kontinwu lill-Ukrajna mill-Istati Membri tal-UE

16.9.2024-()

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sergey Lagodinsky, Alice Kuhnke, Villy Søvndal, Nicolae Ştefănuță, Mārtiņš Staķis, Reinier VanLanschot, Erik Marquardt, Damian Boeselager, Virginijus Sinkevičius
f’isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B10-0028/2024

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B10-0028/2024
Testi mressqa :
B10-0028/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

10‑0028/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-appoġġ finanzjarju u militari kontinwu lill-Ukrajna mill-Istati Membri tal-UE

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja,

wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, il-Konvenzjonijiet ta’ The Hague, il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, u l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-14 ta’ Frar 2024 tal-Bank Dinji, tal-Gvern tal-Ukrajna, tal-Kummissjoni Ewropea u tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu “Ukraine - Third Rapid Damage and Needs Assessment (RDNA3) February 2022 – December 2023” (L-Ukrajna - It-Tielet Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet (RDNA3) Frar 2022 – Diċembru 2023),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u d-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Appoġġ għall-Ukrajna tat-12 ta’ Lulju 2023,

wara li kkunsidra l-impenji konġunti ta’ sigurtà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna tas-27 ta’ Ġunju 2024,

A.billi fl-24 ta’ Frar 2022 il-Federazzjoni Russa nediet attakk ieħor kontinwu u bla preċedent bħala parti mill-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali tagħha kontra l-Ukrajna; billi l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna bdiet fl-2014 bl-okkupazzjoni ta’ partijiet mir-reġjun ta’ Donbas u bl-okkupazzjoni u l-annessjoni tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea tal-Ukrajna;

B.billi l-forzi tar-Russja qed ikomplu jagħmlu attakki sistematiċi u indiskriminati kontra żoni residenzjali u infrastruttura ċivili fl-Ukrajna; billi l-bumbardamenti qawwija u intensi flimkien mal-ġlied fuq l-art komplew matul l-2024, b’attakk reċenti bid-droni u bil-missili li qatel seba’ ċivili fil-belt tal-Punent ta’ Lviv 70km biss mill-fruntiera Pollakka; billi l-mewġiet ta’ attakki Russi fuq l-infrastruttura tal-enerġija li jfixklu l-provvisti tal-enerġija u tal-ilma llimitaw serjament l-aċċess għal servizzi essenzjali għaċ-ċivili, għall-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u għall-iskejjel, b’implikazzjonijiet aktar fit-tul antiċipati u s-sitwazzjoni mistennija li tmur għall-agħar fix-xitwa;

C.billi l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) wissa li s-sitwazzjoni umanitarja fl-Ukrajna kompliet saħansitra tiddeterjora aktar din is-sena; billi l-ostilitajiet intensifikati fl-oblast ta’ Kharkiv f’Mejju kkawżaw ukoll l-akbar spostament fl-Ukrajna mill-2023; billi l-attakki komplew joqtlu ċ-ċivili u jagħmlu ħsara lid-djar, lill-faċilitajiet tas-saħħa u lill-iskejjel fil-pajjiż kollu; billi mewġiet ta’ attakki fuq l-infrastruttura tal-enerġija affettwaw l-aċċess għal servizzi essenzjali, b’implikazzjonijiet aktar fit-tul antiċipati; billi tali attakki sistematiċi jikkostitwixxu delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali; billi minħabba n-nuqqas ta’ finanzjament – 28% biss tal-ammont imwiegħed bi tweġiba għall-appell umanitarju tal-2024 kien wasal sal-aħħar ta’ Ġunju – l-OCHA tan-NU jirrapporta li l-ħaddiema umanitarji attwalment ma jistgħux jissodisfaw bis-sħiħ il-ħtiġijiet kritiċi fil-pajjiż;

D.billi l-Ungerija ħarġet digriet bi ksur tad-direttiva dwar il-protezzjoni temporanja[1], li jikkanċella l-kenn iffinanzjat mill-Istat għar-rifuġjati mill-Punent tal-Ukrajna, u ħalla lil ħafna, il-maġġoranza tagħhom nisa u tfal, mingħajr dar;

E.billi l-aħħar stima fil-Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet (RDNA3) konġunta maħruġa mill-Gvern tal-Ukrajna, mill-Grupp tal-Bank Dinji, mill-Kummissjoni Ewropea u min-Nazzjonijiet Uniti hija li mill-31 ta’ Diċembru 2023 il-kost totali tar-rikostruzzjoni u l-irkupru fl-Ukrajna se jammonta għal mill-anqas USD486biljun matul id-deċennju li jmiss, żieda mill-USD411-ilbiljun stmat sena ilu;

F.billi r-Russja għad għandha vantaġġ fl-ajru u fir-rigward tat-truppi fuq l-art peress li bħalissa għandha madwar 520000 truppa fl-Ukrajna u qed tippjana li żżid dan in-numru għal 690000 sal-aħħar tal-2024; billi r-Russja qed iżżid b’mod rapidu l-produzzjoni militari tagħha stess b’infiq militari li laħaq madwar EUR140biljun fl-2024; billi r-Russja qed tuża wkoll il-ħażniet ta’ munizzjon tal-Belarussja kif ukoll projettili tal-artillerija u missili ballistiċi mill-Korea ta’ Fuq u droni u missili Iranjani; billi skont sorsi governattivi l-Iran reċentement bagħat vjeġġi ta’ missili ballistiċi ta’ medda qasira Fath-360 lejn ir-Russja, li jistgħu jintużaw kontra l-Ukrajna fi żmien ġimgħat; billi Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit ħabbru sett ġdid ta’ sanzjonijiet kontra l-Iran b’risposta għal dan;

G.billi għad hemm livell baxx ta’ għajnuna militari kemm f’termini ta’ kwalità u kwantità kif ukoll dewmien fil-konsenja attwali ta’ armi u munizzjon lill-Ukrajna wara li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-konsenja; billi għadd sinifikanti tas-sistemi li l-Ukrajna kellha tirċievi wara d-deċiżjoni meħuda fis-Summit tan-NATO għadhom ma ġewx fornuti;

H.billi, fil-laqgħa ta’ Frar 2024 tal-ministri għad-difiża tal-UE, il-VP/RGħ Josep Borrell ħabbar li l-Istati Membri kienu impenjaw ruħhom li jibagħtu tal-anqas EUR21biljun ta’ għajnuna militari lill-Ukrajna matul l-2024; billi, fi tmiem l-2023 u l-bidu tal-2024, il-Kanċillier Ġermaniż, Olaf Scholz, ħabbar li pajjiżu waħdu se jimpenja EUR8biljun f’għajnuna militari għall-2024 u ħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra biex iżidu b’mod sinifikanti l-impenji tagħhom għall-2024;

I.billi f’Awwissu 2024, il-Gvern Ġermaniż iddeċieda li jnaqqas bin-nofs l-għajnuna militari lill-Ukrajna għall-2025; billi l-Gvern Ġermaniż indika l-użu ta’ sorsi oħra għajr il-baġit federali biex jingħata appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna, speċifikament il-qligħ kapitali minn assi Russi ffriżati; billi ma ġie stabbilit l-ebda qafas legali għall-qbid u r-ridistribuzzjoni effettivi tal-qligħ kapitali minn assi Russi ffriżati;

J.billi, barra minn hekk, l-Ungerija qed timblokka kemm il-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna ta’ EUR5biljun stabbilit reċentement f’Marzu 2024 fi ħdan il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) kif ukoll it-tmien segment tar-rimborżi tal-EPF għall-Istati Membri, li ilu jagħti għajnuna militari lill-Ukrajna għal aktar minn 18-il xahar;

K.billi l-Istati Membri tal-UE qed ikomplu jixtru fjuwils fossili mir-Russja, filwaqt li jikkontribwixxu għall-ekonomija Russa u jsaħħu r-riżorsi tagħha għall-gwerra; billi minn Frar 2022, il-Membri tal-UE nefqu aktar minn EUR201biljun fuq fjuwils fossili Russi; billi f’Awwissu 2024, il-ħames pajjiżi importaturi ewlenin ta’ fjuwils fossili mir-Russja fl-UE saħansitra ħallsu lir-Russja total ta’ EUR1,2biljun għall-importazzjonijiet tagħhom; billi l-UE tat eżenzjoni għaż-żejt mhux maħdum Russu importat mill-fergħa tan-Nofsinhar tal-pipeline Druzhba lill-Ungerija, lis-Slovakkja u liċ-Ċekja; billi l-gass mill-pipelines Russu u l-gass naturali likwifikat ukoll jibqgħu eżentati minn sanzjonijiet; billi ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-gass Russu mill-Ażerbajġan hija kwistjoni ta’ tħassib fid-dawl tal-vijabbiltà li l-UE tirrikorri għall-Ażerbajġan bħala fornitur alternattiv tal-gass minflok ir-Russja peress li Baku, li ma jistax jissodisfa d-domanda Ewropea, jista’ jagħti tikketta ġdida lill-gass Russu bħala gass Ażerbajġan għall-konsum Ewropew;

1.Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f’din il-gwerra, u jeżiġi lir-Russja ttemm minnufih kull attività militari fl-Ukrajna, tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna u tikkumpensa lill-Ukrajna għall-ħsara kkawżata lill-poplu, l-art u l-infrastruttura tagħha;

2.Jesprimi s-solidarjetà assoluta tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, jappoġġja bis-sħiħ l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, u jissottolinja li din il-gwerra tikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali; jisħaq li l-għan aħħari jibqa’ li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajna skont it-termini tagħha, filwaqt li jiġu żgurati s-sikurezza u d-dinjità tal-poplu tagħha f’Ewropa paċifika u stabbli;

3.Jappella għal impenn attiv tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Formula ta’ Paċi tal-Ukrajna, l-involviment ma’ pajjiżi min-Nofsinhar Globali f’dan il-kuntest, u l-ħolqien tar-raġunijiet biex isir it-tieni Summit dwar il-Paċi;

4.Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi malajr assistenza finanzjarja fit-tul għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna f’kollaborazzjoni mal-pajjiżi sħab, b’mod partikolari billi tiżgura implimentazzjoni rapida tal-Faċilità għall-Ukrajna biex tiżgura appoġġ kontinwu f’livelli adegwati u riżorsi għar-rikostruzzjoni proporzjonati mal-appoġġ politiku tagħna għall-Ukrajna;

5.Jisħaq li aktar minn 14,6-il miljun persuna fl-Ukrajna jeħtieġu għajnuna umanitarja, filwaqt li aktar minn sitt miljun ċittadin Ukren ġew spostati mill-Ukrajna; jinnota li l-għadd ta’ persuni affettwati huwa mistenni li jiżdied b’mod sinifikanti jekk ir-Russja tagħmel aktar gwadanji territorjali u hekk kif ikomplu l-attakki fuq l-infrastruttura tal-enerġija u infrastruttura kritika oħra; jissottolinja l-ħtieġa kontinwa li l-UE tipprovdi għajnuna umanitarja sistemika u prevedibbli lill-Ukrajna; jappella għal żieda sostantiva fl-għajnuna umanitarja tal-UE sabiex jiġi żgurat appoġġ sħiħ għall-Ukrajna anke fl-2025 kif ukoll biex jiġu ssodisfati r-responsabbiltajiet globali tal-UE; jinnota li l-ħtieġa ta’ appoġġ umanitarju x’aktarx se tkompli fis-snin li ġejjin u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tkun lesta tissodisfa dawn il-ħtiġijiet bi ppjanar fit-tul u b’fondi adegwati; jistieden lill-Istati newtrali jżidu l-għajnuna umanitarja tagħhom lill-Ukrajna;

6.Iħeġġeġ lill-Ungerija tirtira d-digriet li jikkanċella l-kenn iffinanzjat mill-Istat għar-rifuġjati mill-Punent tal-Ukrajna u tirrispetta r-responsabbiltajiet tagħha skont id-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni Temporanja;

7.Jikkundanna bil-qawwa l-użu ta’ vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru bħala arma tal-gwerra u jisħaq li dan jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; jistieden lill-UE u lill-pajjiżi ospitanti u ta’ tranżitu jiggarantixxu l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi u d-drittijiet relatati, b’mod partikolari l-kontraċezzjoni ta’ emerġenza, il-profilassi ta’ wara l-esponiment u l-kura f’każ ta’ abort, inkluż għas-superstiti tal-istupru;

8.Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex iżżid l-isforzi biex tindirizza s-sitwazzjoni mwiegħra ta’ dawk deportati bil-forza lejn ir-Russja u t-tfal adottati bil-forza fir-Russja, inkluż billi tissanzjona persuni direttament responsabbli għat-trasferiment furzat u d-detenzjoni mhux ġustifikata tat-tfal Ukreni u involuti fihom;

9.Jilqa’ l-iffirmar tal-impenji konġunti ta’ sigurtà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu malajr biex jimplimentaw b’mod effettiv l-impenji li saru;

10.Jissottolinja li konsenji insuffiċjenti ta’ armi u munizzjon jew id-dewmien tagħhom jirriskjaw li jimminaw l-isforzi li saru s’issa u għalhekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu b’mod sostanzjali u jaċċeleraw b’mod sinifikanti l-appoġġ militari tagħhom bħala kwistjoni tal-akbar urġenza, b’mod partikolari fil-forniment ta’ armi u munizzjon b’rispons għall-ħtiġijiet identifikati b’mod ċar, inklużi l-missili TAURUS; jenfasizza li għadd sinifikanti tas-sistemi li l-Ukrajna kellha tirċievi wara d-deċiżjoni meħuda fis-Summit tan-NATO għadhom ma ġewx fornuti; jikkundanna l-limitazzjonijiet imposti fuq l-użu tal-armi tal-Punent għal bersalli militari leġittimi fit-territorju Russu li jikkontradixxu d-drittijiet tal-Ukrajna skont id-dritt pubbliku internazzjonali; jemmen li l-UE jeħtiġilha turi sens ta’ tmexxija f’din il-ġlieda kontra l-impunità u favur il-paċi;

11.Jiddeplora bil-qawwa t-tnaqqis fil-volum finanzjarju tal-għajnuna militari bilaterali lill-Ukrajna mill-Istati Membri, minkejja dikjarazzjonijiet qawwija li saru fil-bidu ta’ din is-sena, u li issa deċiżjonijiet governattivi reċenti qed jikkontradixxuhom kif ukoll il-problemi serji tal-funzjonament ġenerali tal-mekkaniżmu ewlieni tal-UE (EPF) biex tiġi inċentivata l-għajnuna militari bilaterali lill-Ukrajna; jiddispjaċih dwar it-tħabbira mill-Ġermanja li biħsiebha tnaqqas il-finanzjament għall-Ukrajna fil-baġit tal-Istat tagħha; jisħaq li l-użu tal-assi Russi ffriżati għall-appoġġ finanzjarju tal-Ukrajna bħalissa għadu biss proposta teoretika peress li l-qafas legali biex dan isir possibbli għad irid jiġi stabbilit; jinnota li tali fondi għandhom jitqiesu addizzjonali u ma jistgħux jissostitwixxu l-finanzjament għall-Ukrajna mill-baġits eżistenti tal-Istat;

12.Itenni l-valutazzjoni tal-VP/RGħ Borrell tal-imblokk inaċċettabbli sa EUR5,68biljun ta’ fondi tal-EPF mill-Ungerija, li suppost kellhom jirrimborżaw partijiet mill-għajnuna militari bilaterali u issa ġew parzjalment iffriżati għal aktar minn sena u nofs; jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lill-President tal-Kummissjoni, u lill-VP/RGħ jagħmlu l-almu tagħhom biex itemmu jew jegħlbu l-veto tal-Ungerija bħala kwistjoni ta’ urġenza;

13.Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-kwantità u l-kwalità tajbin tal-appoġġ militari lill-Ukrajna flimkien mat-twaqqit it-tajjeb tal-konsenja u d-drittijiet tal-użu li jippermettu b’mod tanġibbli lill-Ukrajna tistabbilixxi mill-ġdid l-integrità territorjali tagħha; itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li l-Istati Membri kollha tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom jimpenjaw ruħhom b’mod kollettiv u individwali li jappoġġjaw lill-Ukrajna b’mod militari b’mhux anqas minn 0,25% tal-PDG tagħhom kull sena;

14.Jistieden lill-Kunsill iżomm u jestendi l-politika ta’ sanzjonijiet tiegħu kontra r-Russja u l-Belarussja, filwaqt li jimmonitorja, jirrieżamina u jsaħħaħ l-effettività u l-impatt tagħha; jisħaq li l-impatt tas-sanzjonijiet eżistenti, kif ukoll l-appoġġ finanzjarju u militari lill-Ukrajna, se jkomplu jiġu mminati sakemm l-UE tippermetti l-importazzjoni ta’ fjuwils fossili Russi; jinsab imħasseb ħafna dwar iċ-Ċina u pajjiżi oħra meqjusa li qed jgħinu l-isforz tal-gwerra ta’ Moska;

15.Jitlob projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ ċereali u fertilizzanti Russi, kif ukoll materja prima, inklużi l-aluminju, il-prodotti tal-azzar, l-uranju, it-titanju, in-nikil, l-injam u l-prodotti tal-injam, u l-gass u ż-żejt; jitlob embargo sħiħ fuq il-gass naturali likwifikat Russu u sanzjonijiet kontra Gazprom u kumpaniji taż-żejt Russi; jistieden lill-UE timponi r-rekwiżit li l-bastimenti tal-klassi tas-silġ Arc-7 li jesportaw il-gass naturali likwifikat Russu jiġu inklużi fil-listi ta’ sanzjonijiet tal-OFAC u tal-UE, filwaqt li ċċaħħadhom mill-aċċess għall-portijiet jew għas-servizzi marittimi tal-Punent; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimponu sanzjonijiet immirati fuq bastimenti marittimi użati mir-Russja biex jevitaw is-sanzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet taż-żejt u tal-gass tagħha u s-servizzjar tal-proġetti tal-enerġija tagħha fl-Artiku; jistieden lill-UE tintroduċi projbizzjoni sħiħa fuq prodotti raffinati manufatturati miż-żejt Russu;

16.Jappella għal sanzjonijiet fuq is-settur nukleari tar-Russja u sanzjonijiet immirati kontra l-awturi li jwettqu ksur tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Zaporizhzhia; jitlob projbizzjoni fuq titjiriet tal-passiġġieri minn pajjiżi mhux tal-UE lejn ir-Russja u viċi versa li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru tal-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieqfu jimportaw prodotti taż-żejt raffinat Russi esportati mill-ġdid;

17.Jistieden lill-Kunsill jindirizza b’mod sistematiku ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet minn kumpaniji bbażati fl-UE, partijiet terzi u Stati terzi; jistieden ukoll lill-Kunsill jadotta u jimplimenta b’mod strett miżuri restrittivi kontra l-entitajiet u l-persuni fiżiċi affiljati kollha li jiffaċilitaw iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet u jipprovdu lill-kumpless militari Russu b’teknoloġiji u tagħmir militari u b’użu doppju;

18.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, u lin-Nazzjonijiet Uniti.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Settembru 2024
Avviż legali-Politika tal-privatezza