MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar ir-rigress demokratiku u t-theddid għall-pluraliżmu politiku fil-Georgia
4.10.2024-()
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Hans Neuhoff, Tomasz Froelich, Stanislav Stoyanov
f’isem il-Grupp ESN
10‑0074/2024
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rigress demokratiku u t-theddid għall-pluraliżmu politiku fil-Georgia
()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-25 ta’ April 2024 dwar tentattivi biex terġa’ tiddaħħal liġi dwar l-aġenti barranin fil-Georgia u r-restrizzjonijiet tagħha fir-rigward tas-soċjetà ċivili[1],
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-15 ta’ Mejju 2024 dwar l-adozzjoni tal-liġi dwar it-“trasparenza tal-influwenza barranija” fil-Georgia.
–wara li kkunsidra s-sovranità tal-Georgia kif rikonoxxuta mid-dritt internazzjonali,
–wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji tan-nonindħil fl-affarijiet interni,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi l-Georgia hija Stat sovran skont id-dritt internazzjonali, b’awtorità sħiħa biex tiddetermina s-sistema politika tagħha, torganizza elezzjonijiet u tieħu ħsieb l-affarijiet interni tagħha mingħajr indħil minn atturi barranin jew organizzazzjonijiet internazzjonali;
B.billi s-sistema politika u l-elezzjonijiet tal-Georgia huma allinjati man-normi demokratiċi simili għal dawk tal-Istati Membri tal-UE, u b’hekk jeskludu kwalunkwe bżonn ta’ ndħil minn barra;
C.billi l-affermazzjonijiet ta’ “rigress demokratiku” jidhru li jservu ta’ pretest biex tiġi eżerċitata pressjoni fuq il-Georgia, mingħajr bażi leġittima għal tali akkużi;
D.billi l-liġi tal-Georgia dwar l-aġenti barranin timmira li tiżgura t-trasparenza tal-influwenza barranija, mingħajr ma ddgħajjef is-soċjetà ċivili jew l-indipendenza tal-media, u hija allinjata ma’ liġijiet simili u saħansitra aktar rigorużi, fis-seħħ f’diversi pajjiżi, fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Awstralja u Franza;
E.billi l-prinċipju tal-pluraliżmu politiku jħares id-dritt tan-nazzjonijiet sovrani bħall-Georgia li jesprimu opinjonijiet li jistgħu jkunu differenti minn dawk tal-UE;
F.billi l-Knisja Kristjana Ortodossa u l-valuri tradizzjonali tal-familja huma ċentrali fis-soċjetà tal-Georgia u l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-UE rrappreżentaw indħil inaċċettabbli f’dawn il-kwistjonijiet kulturali;
1.Jafferma mill-ġdid ir-rispett tas-sovranità tal-Georgia u jistieden lill-UE tastjeni minn kwalunkwe involviment fl-affarijiet interni tal-Georgia;
2.Jirrifjuta d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli rigward ir-“rigress demokratiku” fil-Georgia, inkwantu tonqos minn evidenza kredibbli u sservi ta’ pretest għal intervent estern;
3.Jenfasizza r-rispett tiegħu fil-konfront tal-liġi tal-Georgia dwar it-“trasparenza tal-influwenza barranija”, u jinnota li hija konformi man-normi demokratiċi u tixbah lil-liġijiet applikati f’pajjiżi oħrajn, uħud minnhom anki Stati Membri tal-UE;
4.Jistieden lill-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha jirrispettaw id-drittijiet tan-nazzjonijiet sovrani li jiddeterminaw il-politika barranija, il-governanza interna u l-valuri soċjali tagħhom mingħajr koerċizzjoni esterna jew intervent estern;
5.Jiddeplora kwalunkwe pressjoni indebita fuq il-Georgia u jħeġġeġ lill-UE tirrispetta d-diversità tal-opinjonijiet politiċi fil-Georgia;
6.Jesprimi tħassib rigward l-indħil fil-kwistjonijiet kulturali u soċjali fil-Georgia, b’mod partikolari dawk relatati mal-Kniska Kristjana Ortodossa u mal-valuri tradizzjonali tal-familja u jitlob li l-UE tirrispetta n-normi soċjali taċ-ċittadini tal-Georgia;
7.Jitlob li jieqfu l-akkużi inġustifikati ta’ “rigress demokratiku” fil-Georgia sakemm ma jkunux korroborati b’evidenza konkreta u trasparenti;
8.Jitlob li jkun hemm djalogu kostruttiv u rispettuż bejn l-UE u l-Georgia, ibbażat fuq ir-rispett reċiproku tas-sovranità u tan-nonindħil fl-affarijiet interni;
9.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P9_TA(2024)0381.