MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar it-trasport u t-turiżmu
10.6.2020-()
skont l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Anna Deparnay‑Grunenberg, Tilly Metz
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B9-0166/2020
9‑0177/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trasport u t-turiżmu
()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.billi t-turiżmu huwa attività ekonomika trasversali li għandha impatt estensiv fuq ħafna setturi differenti u f'termini ta' żvilupp sostenibbli, impjiegi, żvilupp soċjali u ekonomija sostenibbli;
B.billi s-settur turistiku jħaddem22,6miljun ruħ – 11,2% tal-impjiegi totali tal-UE – u l-kontribut tiegħu għall-prodott domestiku gross tal-UE fl-2019 kien ta' 9,5%, minbarra li jikkontribwixxi għall-ibbilanċjar tal-inugwaljanzji reġjonali u sikwit ikollu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tar-reġjuni;
C.billi t-turiżmu huwa magħmul minn katina tal-valur kumplessa li tinvolvi ħafna partijiet ikkonċernati b'rabta diretta mal-attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri;
D.billi t-turiżmu, u speċjalment it-turiżmu eċċessiv, għandu wkoll impatt negattiv fuq it-tibdil fil-klima, huwa stmat li jiġġenera 8% tal-emissjonijiet ta' CO2 u għandu riperkussjonijiet ambjentali u ekonomiċi negattivi bħalma huma ż-żieda fit-tniġġis, it-telf tal-bijodiversità, il-konġestjoni, l-ispejjeż tal-manutenzjoni tal-infrastruttura u ż-żieda fil-prezzijiet, kif dokumentat fl-istudju tal-Kumitat TRAN dwar l-impatt tat-turiżmu eċċessiv u r-risposti politiċi possibbli[1];
E.billi minn fost is-setturi ekonomiċi ewlenin kollha, is-setturi tat-trasport u t-turiżmu kienu l-aktar setturi li ntlaqtu ħażin mill-COVID-19;
F.billi, bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni bit-titlu "It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn" u l-Pakkett dwar it-Turiżmu u t-Trasport fit-13ta'Mejju2020, il-Kummissjoni ħadet l-ewwel pass li kien hemm bżonn biex tappoġġja l-irkupru tal-ekosistemi tat-trasport u t-turiżmu prezzjużi tagħna mit-tifqigħa tal-COVID-19 billi enfasizzat il-ħtieġa li l-irkupru jintuża b'għaqal biex tiġi żviluppata sostenibbiltà aktar robusta fis-settur;
G.billi għadda ħafna żmien minn meta l-Kummissjoni Ewropea adottat il-Komunikazzjoni "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" f'Ġunju2010, li stabbiliet strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda għat-turiżmu fl-UE, inkluż il-bżonn li jiġu implimentati;
H.billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009, l-UE ngħatat kompetenzi ta' appoġġ bil-ħsieb li tikkoordina u tikkomplementa l-azzjoni tal-Istati Membri f'dan il-qasam[2];
Il-pjanijiet ta' rkupru tat-turiżmu u t-trasport Ewropej wara t-tifqigħa tal-COVID-19
1.Jemmen li, sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza tagħhom, is-setturi tat-trasport u t-turiżmu jirrikjedu appoġġ immedjat f'qasir żmien, flimkien mal-implimentazzjoni ta' miżuri li jagħtu lit-turisti l-kunfidenza biex jerġgħu jibdew isiefru lejn l-Ewropa u jivvjaġġaw fi ħdanha, minbarra l-iżgurar ta' rkupru li jinkorpora l-kunċett ta' "sostenibbiltà" b'mod robust bħala obbligu għal kwalunkwe attività ta' trasport u turiżmu, li huwa fundamentali għas-sostenibbilità tas-settur aktar fit-tul; jenfasizza li l-kriżi ta' bħalissa hija wkoll opportunità storika biex it-turiżmu fl-UE jiġi modernizzat u jsir aktar sostenibbli, bil-punt tat-tluq ikun li t-turiżmu jitqies bħala ekosistema industrijali reali li tirrikjedi razzjonalizzazzjoni tal-inizjattivi ta' sostenibbiltà, l-istandards ambjentali, l-għażliet tat-trasport, il-miri ta' investiment sostenibbli, il-bżonnijiet ta' innovazzjoni teknoloġika u l-indikaturi tal-prestazzjoni sostenibbli li għandhom iqisu standards ekoloġiċi u soċjali aħjar bħalma huma l-kwalità tal-impjiegi maħluqa u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti lokali;
2.Jilqa' l-Komunikazzjoni "Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – COVID-19" adottata mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett, u l-proposta ta' approċċ gradwali u kkoordinat, bil-għan li nerġgħu lura għall-moviment liberu tal-persuni bla restrizzjonijiet; jitlob li l-UE tappoġġja l-hekk imsejjaħ "rilanċ tat-turiżmu" b'rakkomandazzjoni li tagħmel enfasi fuq "turiżmu sostenibbli", u li n-negozji u d-destinazzjonijiet iċċertifikati b'mod kredibbli jsiru l-protagonisti ta' vjaġġar u turiżmu li jirrispettaw l-ambjent, ikunu soċjalment responsabbli u jkunu b'saħħithom ekonomikament;
3.Itenni l-importanza tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fit-tneħħija progressiva ta' restrizzjonijiet domestiċi u transfruntiera, kif ukoll tar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri li jkun intlaħaq qbil dwarhom fil-livell tal-UE, u jenfasizza l-importanza kbira li jiġu evitati ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri individwali (l-hekk imsejħa kurituri turistiċi), sabiex nissalvagwardjaw l-integrità tas-suq uniku u l-moviment liberu; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' konteniment, kif ukoll it-tħaffif tagħhom, m'għandha qatt twassal għal tnaqqis fil-livelli għolja tal-istandards tas-sikurezza tal-UE u għandha tqis il-pariri bbażati fuq ix-xjenza li wkoll jerġgħu jibnu l-fiduċja u jiffaċilitaw il-ftuħ tas-settur tat-turiżmu bla periklu wara l-lockdown; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpedixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri diskriminatorji u nonepidemjoloġiċi min-naħa tal-Istati Membri, li ma jagħmlux ħlief idgħajfu l-integrità taż-żona Schengen;
4.Jitlob li jinħolqu kriterji ta' valutazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha u jqis li hemm bżonn issir promozzjoni tal-istandards tal-UE li jiċċertifikaw u jiddistingwu territorji li jippreżentaw offerti sostenibbli u bla periklu għall-viżitaturi u li juru li huma konformi ma' kundizzjonijiet kemm epidemjoloġiċi kif ukoll ambjentalment sostenibbli;
5.Jiqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-"COVID-19: Linji gwida dwar ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività" kif ukoll il-gwida bbażata fuq qafas ta' prinċipji u sett ta' għodod komuni li se jgħinu biex, permezz ta' miżuri kkoordinati, nondiskriminatorji u proporzjonati, is-servizzi tat-trasport ta' kull tip fl-UE kollha jerġgħu jibdew joperaw bla periklu u b'mod sostenibbli;
6.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaqblu dwar miżuri temporanji, proporzjonati u nondiskriminatorji li jkollhom rabta ċara mat-tifqigħa tal-COVID-19 iżda li ma jirrikjedux restrizzjonijiet ta' kwarantina, imsejsa fuq l-evidenza xjentifika u valutazzjoni tar-riskju robusta, skont l-istandards internazzjonali definiti minn sorsi kredibbli bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jew iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC);
7.Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Gwida tal-UE biex jerġgħu jibdew progressivament is-servizzi tat-turiżmu u għall-protokolli tas-saħħa fi stabbilimenti tal-ospitalità – COVID-19" u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu din il-gwida mal-awtoritajiet kompetenti fil-livelli reġjonali u lokali; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jgħinu finanzjarjament lis-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu fl-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri, f'kooperazzjoni sħiħa mal-industrija tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu u anke, b'mod partikolari, f'konformità mal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
8.Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' skema tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza ta' stabbilimenti u operaturi turistiċi u tal-ivvjaġġar, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tat-turiżmu u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' obbligi speċifiċi msejsa fuq il-linji gwida tal-UE u jiżdiedu l-fiduċja u s-sikurezza ta' dawk li jżuru l-Istati Membri tagħna;
9.Jistieden lill-Kummissjoni tinsisti fuq in-natura volontarja tal-vouchers maħruġa fir-rigward tal-COVID-19 u fuq il-ħtieġa ta' obbligu li l-kumpaniji jirrimborżaw lill-vjaġġaturi u l-viżitaturi kif previst fil-preżent mil-liġi tal-UE, sabiex tiġi evitata implimentazzjoni frammentata oħra li tirriżulta f'differenzi fil-mod kif jiġu ttrattati l-konsumaturi u f'tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport u t-turiżmu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura infurzar xieraq u applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-UE u tippromwovi l-użu ta' regoli armonizzati dwar vouchers volontarji;
10.Jitlob li l-Kummissjoni, l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jikkooperaw biex, malajr kemm jista' jkun, jistabbilixxu pjanijiet ta' tħejjija xierqa u komuni għall-possibbiltà ta' mewġa oħra ta' każijiet ta' COVID-19 li jindirizzaw miżuri ta' prevenzjoni u kontroll tal-infezzjonijiet għas-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu;
11.Jistieden lill-Kummissjoni tvara kampanja ta' komunikazzjoni ddedikata għall-ivvjaġġar u t-turiżmu, li jkollha l-għan li tippromwovi l-ivvjaġġar fi ħdan l-UE, terġa' tistabbilixxi l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-ivvjaġġar u t-turiżmu f'dan il-perjodu kkaratterizzat mill-COVID-19, teduka t-turisti dwar il-miżuri ta' saħħa u sikurezza fis-seħħ u tiżgura l-implimentazzjoni ta' kriterji ta' sostenibbiltà biex jiġu żviluppati destinazzjonijiet turistiċi sostenibbli, responsabbli u aċċessibbli kif ukoll l-hekk imsejjaħ "turiżmu lokali";
Aktar solidarjetà u koordinazzjoni fis-settur turistiku tal-UE
12.Jenfasizza l-importanza li nimxu lejn politika Ewropea ġenwina dwar it-turiżmu li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tas-sostenibbiltà tal-Unjoni f'dan is-settur, għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u għall-ħolqien ta' possibbiltajiet ta' aktar innovazzjonijiet u investimenti sostenibbli biex titrawwem it-tranżizzjoni ekoloġika tas-settur, kif ukoll għall-ħolqien u l-appoġġ ta' impjiegi lokali u ġusti;
13.Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li torganizza summit Ewropew dwar it-turiżmu li jinvolvi lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-industrija, ir-reġjuni, il-bliet u l-partijiet ikkonċernati, biex issir riflessjoni dwar is-settur turistiku Ewropew ta' għada, u jappoġġja l-iżvilupp ta' pjan direzzjonaligħall-2050 lejn ekosistema turistika Ewropea sostenibbli, innovattiva u reżiljenti ("Aġenda Ewropea għat-Turiżmu2050") b'attenzjoni speċifika għas-sostenn tal-bijodiversità u l-ħarsien tal-pajsaġġi;
14.Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipprevedi flessibbiltà skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; jinsisti, madankollu, fuq il-bżonn ta' standards soċjali u ekoloġiċi kif ukoll gwida ċara u speċifika għas-settur fl-oqsma tat-trasport u t-turiżmu biex ikun hemm lok għal koordinazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri kollha, u li jiġi żgurat li l-iskemi ta' kumpens nazzjonali jintużaw b'uniformità u jkunu fis-seħħ għal tul ta' żmien limitat, f'waqtu u b'mod proporzjonat, bil-għan li jiġi indirizzat it-telf ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, mingħajr tgħawwiġ indebitu tal-kompetizzjoni;
15.Jilqa' l-proposta għal pjan ta' rkupru tal-UE mressqa mill-Kummissjoni fis-27ta'Mejju2020, li tinkludi baġit tal-UE fit-tul rinfurzat (il-QFP2021-2027) u strument ta' rkupru ġdid ta' EUR750biljun li għandu jkun marbut mar-rispett tal-istandards ekoloġiċi u soċjali;
16.Jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-importanza dovuta lis-settur tat-turiżmu fil-pakkett ta' rkupru u toħroġ linji gwida biex tiżgura aċċess veloċi u ġust għall-finanzjament fl-ambitu tal-programmi attwali u li ġejjin;
17.Itenni l-appell tiegħu biex fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (il-QFP2021-2027) tiġi stabbilita linja baġitarja ddedikata għat-turiżmu sostenibbli u jirrimarka li ma jeżistix strument finanzjarju konkret u mmirat biex tingħata spinta lill-prosperità u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fis-settur;
18.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'urġenza lin-negozji, speċjalment l-SMEs, fil-ġestjoni tal-problemi ta' likwidità li għandhom, jgħinuhom iżommu l-impjiegi u s-servizzi u jnaqqsu l-impatt ambjentali tat-turiżmu; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva l-ġdida SURE tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tkopri l-ispejjeż tal-iskemi nazzjonali tax-xogħol għal żmien qasir u b'hekk tippermetti lill-kumpaniji jissalvagwardjaw l-impjiegi u jżommu riżervi ta' likwidità;
19.Jitlob strateġija orizzontali Ewropea għall-irkupru tal-SMEs biex jingħataw appoġġ b'rabta mal-ispejjeż tal-aċċess għall-finanzjament u t-trawwim tal-investimenti fi ktajjen ta' valur strateġiċi f'konformità mal-Patt Ekoloġiku; ifakkar fil-ħtieġa li jsiru l-aġġustamenti meħtieġa sabiex jiġu osservati l-miżuri l-ġodda tas-saħħa u s-sikurezza, filwaqt li jiġu previsti investimenti sostanzjali biex jiġu żgurati s-sikurezza tal-konsumaturi u r-rispett tat-tbegħid soċjali u miżuri ta' prekawzjoni rilevanti oħra;
20.Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet trasversali relatati mat-turiżmu; jitlob lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tistabbilixxi Strateġija tal-UE dwar it-Turiżmu Sostenibbli li tinkludi pjan ta' azzjoni ċar b'objettivi fuq perjodu qasir, medju u fit-tul, li jinkludu l-miri tan-NU dwar is-sostenibbiltà, bil-proposta li l-Istati Membri jistabbilixxu objettivi strateġiċi u operattivi ċari u orjentati lejn ir-riżultati li jipprijoritizzaw is-sostenibbiltà ambjentali u l-kwalità tal-ħajja u l-benessri fil-komunitajiet lokali;
21.Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida msejsa fuq l-aħjar prattiki fis-settur tat-turiżmu kemm f'każ ta' kriżi pandemika kif ukoll f'każ ta' kriżi ekoloġika, tiżgura appoġġ finanzjarju xieraq u tiffaċilita l-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' pjattaformi online adegwati fejn il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jaqsmu l-aħjar prattiki u jikkondividu informazzjoni;
Lejn settur turistiku tal-UE li jibqa' validu fil-futur
22.Jenfasizza li s-settur turistiku jiddependi ħafna fuq is-settur tat-trasport, u għaldaqstant it-titjib tal-aċċessibbiltà u l-konnettività – qabelxejn għal trasport sostenibbli, filwaqt li jinżamm l-ogħla livell ta' sikurezza fis-setturi kollha tat-trasport (inkluż iċ-ċaqliq bil-mixi u bir-roti) – ċertament ikollu impatt sinifikanti fuq it-tisħiħ tas-settur turistiku tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li fil-kuntest tas-sena 2021 bħala s-Sena Ewropea tal-Ferroviji u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport, il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-ferroviji ta' billejl bħala alternattiva ta' vvjaġġar sostenibbli;
23.Jinsisti li s-settur turistiku jeħtieġ jagħmel il-parti tiegħu biex jitnaqqas il-konsum tal-fjuwils fossili u jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jew biex saħansitra tintlaħaq il-mira li jitnaqqsu 65% tal-GHGs sa mhux aktar tard mill-2030 u tinkiseb newtralità klimatika sal-2040;
24.Jenfasizza l-ħtieġa li jitrawmu modi ta' vvjaġġar sostenibbli, pereżempju billi jingħata aktar appoġġ lill-infrastruttura taċ-ċikliżmu turistiku u l-ferroviji ta' billejl; jenfasizza l-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali li mezzi tat-trasport sostenibbli bħar-roti jista' jkollhom għat-turiżmu, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tinvesti fl-infrastruttura ċiklistika biex tiffaċilita turiżmu bħal dan; jinnota li l-ivvjaġġar bl-ajru "bi prezz baxx", li huwa possibbli minħabba standards soċjali u ambjentali aktar baxxi, jista' jippromwovi turiżmu ta' ftit ġranet, li jżid l-impronta tal-karbonju tat-turiżmu;
25.Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jkollhom network ta' infrastruttura żviluppata, moderna, sikura u sostenibbli, sabiex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar fl-UE kollha, u li l-Istati Membri periferiċi jsiru aktar aċċessibbli għat-turiżmu intra-Ewropew u internazzjonali; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tappoġġja r-riintroduzzjoni ta' konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera abbandunati jew li m'għadhomx jintużaw[3], biex tkompli twettaq kontrolli tal-idoneità fuq in-netwerk tal-infrastruttura eżistenti, u biex tipproponi miżuri addizzjonali immedjati għaż-żoni l-inqas avvanzati u remoti li spiss ikollhom in-netwerks l-anqas żviluppati u li jeħtieġu attenzjoni partikolari; jirrimarka li filwaqt li r-reġjuni tal-fruntiera fl-UE kollha jammontaw għal 40% tat-territorju tal-Unjoni u għal terz tal-popolazzjoni tagħha[4], dawn jiffaċċjaw is-sitwazzjoni doppjament diffiċli li sikwit ikunu ta' natura rurali u lokalizzati fil-periferija, minkejja li jistgħu jkunu fost l-aktar destinazzjonijiet attraenti għat-turisti; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm ippjanar xieraq biex in-netwerks ewlenin u komprensivi kollha tat-TEN-T jitlestew sal-2030 u l-2050 rispettivament, filwaqt li jiġu indikati l-iskeda u d-disponibbiltà baġitarja u jekk ikunx hemm bżonn bidliet biex jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipju primum non nocere, b'enfasi partikolari fuq is-sezzjonijiet transfruntiera, speċjalment fl-Istati Membri li mhumiex qed jagħmlu progress f'dawn l-oqsma; jenfasizza li tali kontroll tal-idoneità jrid jivvaluta wkoll jekk dawn il-proġetti jirrispettawx il-prinċipju primum non nocere li l-Kummissjoni poġġiet fil-qalba tal-pakkett ta' rkupru tagħha[5] u, jekk le, għandhom jiġu proposti bidliet xierqa;
26.Jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-qafas ta' monitoraġġ tagħha, li jinkludi miri intermedji u l-istrateġija ta' "tużah jew titilfu" għall-valutazzjoni tal-progress magħmul mill-Istati Membri, issegwi approċċ sistematiku u uniformi bi skadenzi fissi biex l-Istati Membri jipprovdu data ta' feedback dwar segmenti kompluti, u tieħu l-miżuri xierqa fir-reviżjoni tar-regolament tat-TEN-T biex jitjieb l-ippjanar tal-manutenzjoni fit-tul min-naħa tal-Istati Membri;
27.Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-fattibbiltà u l-benefiċċji potenzjali ta' mekkaniżmu ta' ġestjoni tal-kriżijiet għas-settur turistiku tal-UE, sabiex ikun hemm risposta adegwata u rapida għal tifqigħat u pandemiċi perikolużi oħra fil-futur; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inklużi soluzzjonijiet ta' finanzjament għal nuqqasijiet finanzjarji għal żmien qasir u anke li tkun prevista l-attivazzjoni ta' oqfsa u strateġiji għal perjodu ta' żmien medju u twil;
28.ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata aktar il-kapaċità ta' appoġġ u komplementarjetà għall-azzjoni tal-Istati Membri fi żminijiet ta' kriżi, sabiex jiġu protetti l-ħaddiema, jiġu megħjuna l-kumpaniji u jiġi żgurat li d-drittijiet tal-passiġġieri jiġu rispettati u li s-sikurezza tagħhom tkun fil-qalba tal-miżuri; jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa li ssir ħidma f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, sabiex jiġu indirizzati l-ispeċifiċitajiet u l-aspetti kollha tas-setturi rilevanti tat-trasport u t-turiżmu;
29.Jinnota l-importanza ta' approċċ komuni mill-UE għas-salvagwardja u t-titjib tal-istrateġija ta' komunikazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini li jenfasizza anke l-isfidi ekoloġiċi u l-alternattivi sostenibbli; jenfasizza wkoll ir-rwol tal-UE fil-koordinazzjoni tas-settur tat-turiżmu, li għandu jittejjeb billi jittieħdu miżuri b'valur miżjud għall-UE u jkompli jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri; jitlob tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi u fiskali, appoġġ għall-ħolqien tan-negozji, kif ukoll il-promozzjoni tal-aċċessibbiltà għal kulħadd, inklużi l-persuni b'diżabilità, il-bejgħ u s-servizzi transfruntiera;
30.Iqis li t-teknoloġiji l-ġodda u ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni jistgħu jagħtu spinta konsiderevoli biex is-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu jsiru aktar attraenti, u li pjattaformi favorevoli u mudelli kummerċjali ġodda jistgħu jsaħħu l-potenzjal tas-sostenibbiltà tas-settur; jemmen, għalhekk, li t-taħriġ regolari kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema eżistenti fis-settur jidhru li huma tal-akbar importanza, b'enfasi speċifika fuq is-sostenibbiltà, il-ħiliet diġitali u t-teknoloġiji innovattivi;
31.Jirrimarka l-importanza tal-promozzjoni ta' turiżmu sostenibbli, li jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi, il-ħarsien u r-restawr tal-ekosistemi naturali, it-tkabbir u l-kompetittività, bl-għajnuna ta' mudelli kummerċjali ġodda li jabbandunaw it-turiżmu eċċessiv u l-impatt qerriedi tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-fondi tal-UE għall-partijiet ikkonċernati fit-turiżmu involuti fl-iżvilupp ta' prodotti u servizzi turistiċi innovattivi, intelliġenti u sostenibbli ta' kwalità għolja, u tkompli tikkontribwixxi għall-aċċessibbiltà għal kulħadd (inklużi l-persuni b'diżabilità), is-sostenibbiltà, it-tneħħija tal-istaġjonalità u d-dispersjoni ġeografika tal-flussi turistiċi; jemmen li jrid ikun hemm appoġġ u koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni biex titjieb l-amministrazzjoni turistika fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, fost l-oħrajn billi tiġi introdotta ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà turistika[6]; jemmen ukoll li għandhom jitwaqqfu l-flussi finanzjarji għas-setturi turistiċi dannużi li japplikaw prattiki li mhumiex sostenibbli, bħall-bastimenti tal-kruċieri, jew jipperikolaw żoni ambjentali sensittivi ħafna;
32.Jirrimarka li, f'dak li għandu x'jaqsam mat-tikkettar tat-turiżmu sostenibbli, huwa essenzjali li jiġu promossi inizjattivi fil-livell lokali, bħal kampanji li jippromwovu t-tikkettar tal-kwalità u tas-sostenibbiltà, kif ukoll l-aċċessibbiltà u l-appoġġ għan-negozji biex jiksbu ċ-ċertifikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja kampanji bħal dawn; jitlob ukoll li, fil-proċeduri ta' akkwist u finanzjament tal-proġetti tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-UE jirrikjedu li l-kuntratti jingħataw lil negozji turistiċi ċċertifikati;
33.Jenfasizza l-importanza tat-turiżmu għal ċerti pajjiżi u żoni ġeografiċi tal-UE li sikwit jintlaqtu l-agħar mit-tibdil fil-klima iżda fejn is-servizzi relatati mat-turiżmu sikwit huma wkoll fattur importanti biex jiġu żgurati l-impjiegi u huma fost is-sorsi ta' introjtu ewlenin għall-popolazzjoni lokali; jistieden lill-Kummissjoni tfassal miżuri mfassla apposta meta jiġu riintrodotti l-moviment liberu u l-konnessjonijiet tat-trasport bejn it-territorji ultraperiferiċi u l-gżejjer u l-Ewropa kontinentali; jirrimarka li korsiji ta' konnessjoni speċifiċi u appoġġ finanzjarju u amministrattiv addizzjonali huma tal-akbar importanza għal dawn ir-reġjuni; jenfasizza l-importanza li ssir enfasi fuq l-aspett kostali u marittimu fl-istrateġija u l-inizjattivi tal-UE fil-qasam tat-turiżmu, inklużi opportunitajiet ta' finanzjament u għodod ta' promozzjoni u ta' komunikazzjoni, kif ukoll li jissaħħaħ il-funzjonament tas-swieq rilevanti, bl-istabbiliment ta' politiki mfassla apposta f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati fid-destinazzjoni;
34.Ifakkar li t-turiżmu kulturali jirrappreżenta 40% tat-turiżmu Ewropew kollu u jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tipproponi li l-Istati Membri jistabbilixxu objettivi strateġiċi u operattivi ċari u orjentati lejn ir-riżultati fil-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura li jmiss u jtejbu l-qafas strateġiku attwali għall-kultura; jenfasizza li l-investimenti fis-siti kulturali għandhom jitqiesu u jiġu ttrattati bħala riżorsa għat-titjib tal-ekonomija ċirkolari msejsa fuq il-wirt naturali u kulturali u s-sinerġiji mal-artiġjanat u l-biedja lokali eċċ., mingħajr ma jintesa l-valur intrinsiku tagħhom bħala parti mill-wirt kulturali tagħna, li jeħtieġ jitħares speċjalment mit-tibdil fil-klima u t-turiżmu eċċessiv;
35.Jenfasizza l-benefiċċji tat-turiżmu rurali u agroekoloġiku, kif ukoll it-turiżmu mmaniġġjat tajjeb f'żoni protetti, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi u tappoġġja inizjattivi li jiġġeneraw opportunitajiet ta' xogħol u sorsi ta' introjtu addizzjonali għaż-żoni rurali, iwaqqfu d-depopolazzjoni u jżidu l-benefiċċji soċjali; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – u speċjalment il-programm LEADER – b'appoġġ għall-inizjattivi turistiċi lokali u rurali, u jitlob finanzjament adegwat għal dan il-programm fil-perjodu ta' programmazzjoni2021-2027;
36.Jindika l-importanza tat-turiżmu tas-saħħa, li jinkludi t-turiżmu mediku, tal-benessri u termali; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta jkun xieraq, tippromwovi t-turiżmu tal-kura tas-saħħa preventiva, il-balneoloġija u t-turiżmu mediku sostenibbli u tal-muntanji fil-livell Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment ulterjuri fit-titjib tal-infrastruttura tat-turiżmu sostenibbli u l-importanza ta' aktar viżibbiltà għaċ-ċentri Ewropej tat-turiżmu termali u tal-benessri; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi opportunitajiet ta' finanzjament ulterjuri bbażati fuq ix-xjenza, billi t-turiżmu mediku jista' jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż tas-saħħa permezz ta' miżuri preventivi u inqas konsum ta' prodotti farmaċewtiċi, u jkompli jtejjeb is-sostenibbiltà u l-kwalità tax-xogħol;
37.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Presidenza fil-Kariga tal-Kunsill.
- [1] /RegData/etudes/STUD/2018/629184/IPOL_STU(2018)629184_EN.pdf
- [2] L-Artikolu195(1) tat-TFUE: "L-Unjoni għandha tikkomplementa l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tat-turiżmu, b'mod partikolari billi tippromwovi l-kompetittività tal-impriżi tal-Unjoni f'dan is-settur."
-
[3] Rapport tad-DĠ REGIO dwar analiżi komprensiva tal-konnessjonijiet tat-trasport ferrovjarju transfruntiera eżistenti u l-konnessjonijiet neqsin fil-fruntieri interni tal-UE
(Sors: ) - [4]
- [5] https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/1/2020/MT/COM-2020-456-F1-MT-MAIN-PART-1.PDF
- [6] /RegData/etudes/STUD/2018/617461/IPOL_STU(2018)617461_EN.pdf