Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0399/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0399/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar is-sitwazzjoni fin-Nagorno-Karabakh wara l-attakk mill-Ażerbajġan u t-theddid kontinwu kontra l-Armenja

2.10.2023-()

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Jean‑Lin Lacapelle
f’isem il-Grupp ID

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B9-0399/2023
Testi mressqa :
B9-0399/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

9‑0399/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nagorno-Karabakh wara l-attakk mill-Ażerbajġan u t-theddid kontinwu kontra l-Armenja

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2023 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ażerbajġan[1],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2023 dwar ir-relazzjonijiet UE-Armenja[2],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet l-oħra tiegħu dwar l-Ażerbajġan, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2023 dwar is-sitwazzjoni fin-Nagorno-Karabakh wara l-attakk mill-Ażerbajġan u t-theddid kontinwu kontra l-Armenja,

wara li kkunsidra l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi fis-27 ta’ Settembru 2020 l-Ażerbajġan kompla bl-ostilitajiet fir-reġjun tan-Nagorno-Karabakh li wasslu għall-mewt ta’ mill-inqas 140 persuna ċivili u għall-ispostament ta’ 75000 persuna;

B.billi l-Ażerbajġan attakka r-reġjun ikkontestat tan-Nagorno-Karabakh għal darb’oħra fid-19 ta’ Settembru 2023, attakk li rriżulta fil-qtil ta’ mill-inqas 400 persuna;

C.billi l-awtoritajiet tal-awtoproklamata “Repubblika ta’ Artsakh” effettivament ċedew; billi l-istituzzjonijiet politiċi kollha ta’ Artsakh se jiġu xolti fl-1 ta’ Jannar 2024;

D.billi, skont l-awtoritajiet Armeni, wara l-attakk u sat-28 ta’ Settembru, madwar 65000 Armen tan-Nagorno-Karabakh, ammont li jirrappreżenta aktar minn terz tal-popolazzjoni tar-reġjun, kienu diġà ħarbu lejn l-Armenja;

E.billi l-Ażerbajġan ilu għaddej b’imblokk tal-kuritur ta’ Lachin minn Diċembru 2022 u dan qed jikkawża kriżi umanitarja fir-reġjun tan-Nagorno-Karabakh;

F.billi l-Ażerbajġan ilu mill-2020 jeqred siti storiċi Armeni u Kristjani ta’ importanza globali f’territorji li jkun għadu kif qabad;

G.billi f’Lulju 2022, il-Kummissjoni ffirmat Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Ażerbajġan dwar Sħubija Strateġika fil-Qasam tal-Enerġija biex tirdoppja l-importazzjonijiet tal-gass naturali mill-Ażerbajġan lejn l-UE sal-2027;

1.Jikkundanna bil-qawwa l-attakk mill-Ażerbajġan, fid-19 ta’ Settembru 2023, fuq it-territorju kkontestat tan-Nagorno-Karabakh, bil-pretensjoni falza ta’ operazzjoni kontra t-terroriżmu;

2.Ifakkar li dan l-attakk isegwi l-imblokk, imwettaq mill-hekk imsejħa attivisti ambjentali, tal-kuritur ta’ Lachin, fis-seħħ minn Diċembru 2022, li kkawża kriżi umanitarja fin-Nagorno-Karabakh;

3.Jinsab ferm imħasseb dwar id-destin tal-wirt kulturali Armen u Kristjan fir-reġjun tan-Nagorno-Karabakh; jissottolinja li s-siti kulturali Armeni u Kristjani nqerdu f’territorji li nħatfu fl-2020 mill-Ażerbajġan; jinsab imħasseb li l-Armeni se jitilqu mir-reġjun f’daqqa u li l-wirt kulturali tagħhom se jitħalla abbandunat jew se jinqered;

4.Jinsab imħasseb li l-eżodu massiv tal-Armeni tan-Nagorno-Karabakh lejn l-Armenja kif ukoll il-kriżi politika li għaddejja fl-Armenja poġġew piż kbir fuq is-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħha li jista’ saħansitra jwassal għad-destabbilizzazzjoni tal-pajjiż; ifakkar fil-ħtieġa għal stabbiltà fir-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar;

5.Iħeġġeġ lill-Ażerbajġan iwaqqaf l-atti kollha ta’ vjolenza u jevita kwalunkwe użu ulterjuri tal-forza kontra l-Armeni tar-reġjun ta’ Karabakh;

6.Jinnota li bosta nazzjonijiet fir-reġjun qed isegwu l-interessi tagħhom stess, u b’hekk qed jikkontribwixxu għas-sitwazzjoni inkwetanti attwali u qed ikomplu jiddestabbilizzaw ir-reġjun; jirrimarka r-rwol tat-Turkija u ta’ stati oħra u l-involviment tagħhom f’dan l-attakk u l-gwerra tal-2020;

7.Jissottolinja li għall-attakk tal-2020, Ankara kienet qed tipprovdi b’mod effettiv appoġġ militari lil Baku, inkluż billi bagħtet Iżlamisti Sirjani biex jiġġieldu għal Aliev, filwaqt li appoġġjat l-għanijiet tal-aħħar operazzjoni militari tal-Ażerbajġan; jinnota, f’dan ir-rigward, li Erdoğan mar l-Ażerbajġan minnufih wara l-aħħar offensiva, li jindika l-ambizzjonijiet tat-Turkija fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u b’hekk ikkontradixxa l-interess ġeopolitiku tal-Istati Membri tal-UE;

8.Jinnota, b’mod mhux sorprendenti, il-pożizzjoni inqas stretta tal-UE u tal-komunità internazzjonali fir-rigward tal-Ażerbajġan u l-azzjonijiet tiegħu; jissottolinja l-fatt li l-Memorandum ta’ Qbil tal-2022 bejn l-UE u l-Ażerbajġan ġie ffirmat wara l-gwerra tal-2020 immexxija mill-Ażerbajġan, li kienet tinvolvi atti ta’ tortura, persekuzzjoni tal-Armeni u l-qerda ta’ siti kulturali Armeni u Kristjani;

9.Jappella lill-UE biex twaqqaf il-finanzjament tal-Ażerbajġan, b’mod partikolari fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tas-Sħubija tal-Lvant;

10.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvernijiet u lill-Assemblej Nazzjonali tar-Repubblika tal-Armenja u tar-Repubblika tal-Ażerbajġan, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżenant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Ottubru 2023
Avviż legali-Politika tal-privatezza