Id-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u r-Renju tal-Marokk
13.3.2025
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000008/2025
lill-Kunsill
Artikolu 142 tar-Regoli ta' Proċedura
João Oliveira (The Left), Ana Miranda Paz (Verts/ALE), Estrella Galán (The Left), Andreas Schieder (S&D), Giorgos Georgiou (The Left), Jaume Asens Llodrà (Verts/ALE), Rudi Kennes (The Left), Vicent Marzà Ibáñez (Verts/ALE), Danilo Della Valle (The Left), Oihane Agirregoitia Martínez (Renew), Hanna Gedin (The Left), Vladimir Prebilič (Verts/ALE), Maria Zacharia (NI), Lynn Boylan (The Left), Jonas Sjöstedt (The Left), Kostas Papadakis (NI), Lefteris Nikolaou-Alavanos (NI), Pernando Barrena Arza (The Left), Per Clausen (The Left), Dario Tamburrano (The Left), Friedrich Pürner (NI), Carolina Morace (The Left), Gaetano Pedulla' (The Left), Valentina Palmisano (The Left), Mario Furore (The Left), Pasquale Tridico (The Left), Cecilia Strada (S&D), Irene Montero (The Left), Isabel Serra Sánchez (The Left), Kathleen Funchion (The Left), Fabio De Masi (NI), Mimmo Lucano (The Left), Ilaria Salis (The Left), Catarina Vieira (Verts/ALE), Özlem Demirel (The Left), Matjaž Nemec (S&D), Ruth Firmenich (NI)
Fl-4 ta’ Ottubru 2024, ġiet rilaxxata d-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) dwar il-kawżi [C-778/21P u C-798/21P] u [C-779/21P u C-799/21P]. Hija ċaħdet l-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali ta’ Settembru 2021 (EU:T:2021:640 u EU:T:2021:639 rispettivament) dwar il-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u r-Renju tal-Marokk. Dawk is-sentenzi kienu ddikjaraw il-ftehimiet kummerċjali rispettivi nulli u bla effett.
Is-sentenza ttenni li l-Front Polisario huwa “interlokutur ipprivileġġat fil-qafas tal-proċess immexxi taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-għan tad-determinazzjoni tal-istatus futur tas-Saħara tal-Punent, li d-deċiżjonijiet tiegħu jorbtu lill-Istati Membri tal-UE u lill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni”.
Hija tindika wkoll li l-ftehimiet inkwistjoni ma jimplikawx li l-Unjoni tirrikonoxxi “l-allegazzjonijiet tar-Renju tal-Marokk dwar is-sovranità fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent” u li l-applikazzjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk dwar it-territorju tas-Saħara tal-Punent trid tirċievi l-kunsens tal-poplu tiegħu u tar-rappreżentanti leġittimi tiegħu, inkella jinkiser id-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni.
Il-konklużjoni ta’ ftehimiet mal-Marokk, filwaqt li injorat id-deċiżjonijiet preliminari tal-QĠUE, ikkawżat ħsara lill-poplu tas-Saħara tal-Punent billi tat aċċess għal riżorsi sfruttati b’mod illegali s’issa mill-Marokk, li għaliha jeħtiġilhom jirċievu kumpens.
Fid-dawl ta’ dawn id-deċiżjonijiet:
- 1.X’passi ħa l-Kunsill sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-QĠUE?
- 2.Il-Kunsill se jibda negozjati mal-Front Polisario, ir-rappreżentant leġittimu tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, sabiex joffri kumpens għall-ħsara li ġġarrbet u dwar il-qafas kummerċjali futur għal dawk it-territorji?
- 3.X’passi se jieħu l-Kunsill, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ għadd kbir ta’ riżoluzzjonijiet tan-NU, biex iħares id-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-awtodeterminazzjoni?
Imressqa: 13.3.2025
Skadenza: 14.6.2025