ANNESS VI:SETGĦAT U RESPONSABBILTAJIET TAL-KUMITATI PERMANENTI(1)
I.Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Kumitat responsabbli għall-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika barranija tal-Unjoni fir-rigward:
1.tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK);
2.tar-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni, man-Nazzjonijiet Uniti u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u ma' assemblej interparlamentari għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu;
3.tas-superviżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;
4.tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi ma' pajjiżi terzi permezz ta' programmi komprensivi ta' koperazzjoni u assistenza jew permezz ta' ftehimiet internazzjonali bħal ftehimiet ta' assoċjazzjoni jew sħubija;
5.tal-ftuħ, il-monitoraġġ u l-konklużjoni ta' negozjati dwar l-adeżjoni ta' Stati Ewropej mal-Unjoni;
6.tal-leġiżlazzjoni, l-ipprogrammar u l-iskrutinju kollha tal-azzjonijiet imwettqa taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u l-Istrument ta' Sħubija għall- koperazzjoni ma' pajjiżi terzi, u l-politiki li fuqhom huma bbażati;
7.tal-monitoraġġ u s-segwitu ta', inter alia, il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), b'mod partikolari fir-rigward tar-Rapporti ta' Progress Annwali tal-PEV;
8.tal-kwistjonijiet li jirrigwardaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, f'pajjiżi terzi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali. F'dan il-kuntest il-kumitat ikun assistit minn sottokumitat għad-drittijiet tal-bniedem, li għandu jiżgura koerenza bejn il-politika esterna kollha tal-Unjoni u l-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli, membri ta' kumitati u korpi oħra li għandhom kompetenzi f'dan il-qasam għandhom jiġu mistiedna sabiex jattendu l-laqgħat tas-sottokumitat;
9.tal-involviment tal-Parlament fil-missjonijiet ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet, fejn hu xieraq b'kooperazzjoni mal-kumitati u d-delegazzjonijiet l-oħra rilevanti;
Il-kumitat jipprovdi superviżjoni politika, u jikkoordina x-xogħol ta' kumitati parlamentari konġunti u ta' kumitati parlamentari ta' kooperazzjoni kif ukoll ix-xogħol ta' delegazzjonijiet interparlamentari u ta' delegazzjonijiet ad hoc li jaqgħu taħt il-kompetenzi tiegħu.