ANNESS VI:SETGĦAT U RESPONSABBILTAJIET TAL-KUMITATI PERMANENTI(1)
II.Kumitat għas-Sigurtà u d-Difiża
Kumitat responsabbli għall-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) u tal-miżuri relatati tal-Unjoni li jkunu esklużivament fil-qasam tad-difiża kif previsti fl-Artikolu 42(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea inkluż is-segwenti:
1.l-iżviluppi li jheddu l-integrità territorjali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni;
2.il-kapaċitajiet u l-mezzi għall-missjonijiet ċivili u militari tal-PSDK barra mill-Unjoni, il-miżuri komplementari fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) kif ukoll linji baġitarji u strumenti finanzjarji oħra li jagħtu appoġġ jew kontribut diretti lill-qafas tal-PSDK;
3.l-implimentazzjoni u r-rieżami regolari tad-deċiżjonijiet u tal-politiki strateġiċi fil-qasam tad-difiża;
4.it-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni tal-Unjoni li twassal għal Unjoni tad-Difiża Komuni u l-allinjament tal-istrumenti tal-PSDK ma’ strumenti finanzjarji, leġiżlazzjoni u politiki oħra tal-Unjoni;
5.il-kapaċitajiet li jimmonitorjaw u jiġġieldu t-theddid ibridu li jiġi minn barra l-Unjoni – inklużi l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin, iċ-ċiberdifiża u l-kwistjonijiet relatati bħall-protezzjoni tar-riżorsi spazjali, u s-sigurtà tal-infrastruttura kritika marbuta mad-difiża – fi ħdan il-limiti tal-PSDK u tal-miżuri relatati tal-Unjoni li jkunu esklużivament fil-qasam tad-difiża;
6.il-kapaċitajiet ta’ difiża, il-preparatezza u r-reżiljenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inklużi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni speċifiċi għad-difiża, il-produzzjoni konġunta u l-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja;
7.il-miżuri, l-attivitajiet u l-istrumenti relatati mal-integrazzjoni u mal-kooperazzjoni industrijali tal-Unjoni fil-qasam tad-difiża, għall-finijiet ta’ suq uniku tad-difiża;
8.l-infrastrutturi tal-mobbiltà militari rilevanti għall-prontezza fil-qasam tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u l-kapaċitajiet biex jipproteġu dawn l-infrastrutturi mit-theddid barrani, għajr għall-proġetti marbuta mat-TEN-T u għall-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju, li għalihom, jekk ikun il-każ, jingħataw pariri lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu responsabbli;
9.is-sorveljanza parlamentari tal-istrutturi u tal-aġenziji istituzzjonali tal-Unjoni speċifiċi għad-difiża, b’mod partikolari:
–id-Direttorat Ġenerali għall-Istat Maġġur tal-Unjoni Ewropea,
–il-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża,
–l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA),
–il-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO),
–iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-limiti tal-PSDK u fit-twaqqif tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża, u
–l-istruttura tal-PSDK tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;
10.l-inizjattivi, il-programmi u l-politiki li jimmiraw li jsaħħu l-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea u jikkonsolidaw il-kooperazzjoni industrijali fil-qasam tad-difiża għall-finijiet ta’ użu esklużivament militari min-naħa tal-Istati Membri u tal-kapaċitajiet rilevanti tal-Unjoni;
11.il-ftehimiet internazzjonali speċifiċi għad-difiża, skont il-kontenut u l-portata tagħhom, dwar is-sigurtà u d-difiża, dwar id-dimensjoni esterna tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, dwar iċ-ċiberdifiża, dwar l-esportazzjonijiet u l-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni;
12.ir-relazzjonijiet mas-sħab tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, fosthom in-NATO, id-Dipartiment tal-Operazzjonijiet ta’ Paċi tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, u mal-organi interparlamentari għall-kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat għas-Sigurtà u d-Difiża;
13.is-sorveljanza politika u l-koordinament mal-ħidma tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO u mad-delegazzjonijiet futuri possibbli b’kompetenzi fis-settur tas-sigurtà u d-difiża;
14.l-oqfsa multilaterali għall-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà, mal-esportazzjonijiet u mal-kontroll tal-armi u man-nonproliferazzjoni, għad-dimensjoni esterna tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, għall-prattiki tajba biex titjieb l-effikaċja tas-sigurtà u tad-difiża u għall-iżviluppi ġuridiċi u istituzzjonali tal-Unjoni f’dawk is-setturi fi ħdan il-limiti tal-PSDK u tal-miżuri relatati tal-Unjoni li jkunu esklużivament fil-qasam tad-difiża;
15.il-konsultazzjonijiet, il-laqgħat u l-konferenzi konġunti fuq bażi regolari għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-Kunsill, mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mal-Kummissjoni fl-ambitu tal-kompetenzi tal-Kumitat għas-Sigurtà u d-Difiża.