TITOLU II:PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 3:PROĊEDURA LEĠIŻLATTIVA ORDINARJA
TAQSIMA 4 - KONĊILJAZZJONI U T-TIELET QARI
Artikolu 78:Delegazzjoni għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni
1.Id-delegazzjoni tal-Parlament għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandha tkun magħmula minn numru ta' membri illi jkun ugwali għan-numru ta' membri tad-delegazzjoni tal-Kunsill.
2.Il-kompożizzjoni politika tad-delegazzjoni għandha tikkorrispondi mal-kompożizzjoni tal-Parlament skont gruppi politiċi. Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tistabbilixxi n-numru eżatt ta' Membri minn kull grupp politiku li għandhom iservu bħala membri tad-delegazzjoni tal-Parlament.
3.Il-membri tad-delegazzjoni għandhom jinħatru mill-gruppi politiċi għal kull każ ta' konċiljazzjoni, preferibilment minn fost il-membri tal-kumitat responsabbli, ħlief għal tliet membri li għandhom jinħatru bħala membri permanenti ta' delegazzjonijiet konsekuttivi għal perjodu ta' tnax-il xahar. It-tliet membri permanenti għandhom jinħatru mill-partiti politiċi minn fost il-Viċi Presidenti u għandhom ikunu ġejjin minn mhux anqas minn żewġ gruppi politiċi differenti. Il-president u r-rapporteur fit-tieni qari tal-kumitat responsabbli għandhom f'kull każ ikunu membri tad-delegazzjoni.
4.Il-gruppi politiċi rappreżentati fid-delegazzjoni għandhom jaħtru sostituti.
5.Gruppi politiċi li ma jkunux rappreżentati fid-delegazzjoni jistgħu jibagħtu rappreżentant kull wieħed għal kull laqgħa interna ta' preparazzjoni tad-delegazzjoni. Jekk id-delega ma tinkludi l-ebda Membru mhux affiljat, Membru mhux affiljat wieħed jista' jattendi kwalunkwe laqgħa interna ta' preparazzjoni tad-delegazzjoni.
6.Id-delegazzjoni għandha titmexxa mill-President jew minn wieħed mit-tliet membri permanenti.
7.Id-delegazzjoni għandha tiddeċiedi b'maġġoranza tal-membri tagħha. Id-deliberazzjonijiet tagħha m'għandhomx ikunu pubbliċi.
Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tistabbilixxi linji gwida proċedurali oħra għall-ħidma tad-delegazzjoni għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.
8.Id-delegazzjoni għandha tirraporta r-riżultati tal-konċiljazzjoni lill-Parlament.