Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2024 dwar ir-rigress demokratiku u t-theddid għall-pluraliżmu politiku fil-Georgia ()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir tas-17 ta’ April 2024 dwar l-adozzjoni tal-liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija”,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-18 ta’ Settembru 2024 dwar il-liġi tal-Georgia dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-portavuċi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-4 ta’ April 2024 dwar l-abbozz ta’ liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija”,
–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15ta’Diċembru2023 u tas-27 ta’Ġunju2024,
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023 bit-titolu “Komunikazzjoni tal-2023 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (),
–wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2561(2024) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titolu “Challenges to democracy in Georgia” (Sfidi għad-Demokrazija fil-Georgia),
–wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Bucharest adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) fil-wieħed u tletin sessjoni annwali mid-29 ta’ Ġunju sat-3 ta’ Lulju 2024,
–wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra(1),
–wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Rapporteur Permanenti tal-Parlament Ewropew dwar il-Georgia tat-18 ta’ April 2024 dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-abbozz ta’ liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” fil-Georgia,
–wara li kkunsidra l-Artikolu136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi fix-xhur li għaddew seħħew attakki sinifikanti fuq id-demokrazija fil-Georgia, li kienu kkaratterizzati mill-adozzjoni mgħaġġla ta’ leġiżlazzjoni antidemokratika kkritikata min-NU, il-Kummissjoni ta’ Venezja u l-UE, flimkien ma’ attakki fuq is-soċjetà ċivili u fuq il-media indipendenti, protesti tal-massa prolongati u r-ripressjoni vjolenti sussegwenti ta’ dawk il-protesti paċifiċi, u polarizzazzjoni u tensjonijiet politiċi u soċjetali profondi;
B.billi l-eżerċizzju tal-libertà tal-opinjoni, tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika huwa dritt fundamentali minqux fil-Kostituzzjoni tal-Georgia;
C.billi l-Georgia, bħala firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, impenjat ruħha li tosserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u għad-drittijiet tal-bniedem;
D.billi l-Artikolu 78 tal-Kostituzzjoni tal-Georgia jipprevedi li l-korpi kostituzzjonali għandhom jieħdu l-miżuri kollha fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom biex jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tal-Georgia fl-Unjoni Ewropea u fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana;
E.billi l-UE tistenna li l-Georgia, li hija pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE, tirrispetta bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u impenji internazzjonali oħra li ħadet u, b’mod partikolari, tissodisfa l-kundizzjonijiet u tieħu l-passi stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023; billi l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti l-istatus ta’ kandidat lill-Georgia biss bil-fehim li tieħu dawn il-passi, inklużi li tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil kontra l-UE u l-valuri tagħha, li tinvolvi lill-partiti tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili fil-governanza, li tiżgura l-libertà tal-għaqda u tal-espressjoni, kif ukoll li, b’mod sinifikanti, tikkonsulta lis-soċjetà ċivili u tinvolviha fil-proċessi leġiżlattivi u tat-tfassil tal-politika, u li tiżgura li tkun tista’ topera liberament;
F.billi s-soċjetà ċivili fil-Georgia tradizzjonalment kienet vibranti u attiva ħafna u żvolġiet rwol ċentrali fis-solleċitazzjoni u l-promozzjoni tal-bidliet demokratiċi fil-pajjiż, kif ukoll fis-salvagwardja u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tagħhom;
G.billi fl-20 ta’ Frar 2024, il-Parlament tal-Georgia għadda emendi għall-Kodiċi Elettorali li biddlu l-proċedura għall-elezzjoni tal-president u tal-hekk imsejħa membri professjonali tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali u abolixxew il-kariga ta’ viċi president, li timtela minn rappreżentant tal-oppożizzjoni;
H.billi fl-4 ta’ April 2024, inqas minn sena qabel l-elezzjonijiet, il-Parlament tal-Georgia adotta emendi għall-Kodiċi Elettorali tal-pajjiż li mmodifikaw aspetti fundamentali tal-leġiżlazzjoni elettorali tal-pajjiż u b’hekk abolixxew il-kwoti parlamentari obbligatorji għan-nisa, li kienu jirrikjedu li mill-inqas kandidat wieħed minn kull erba’ kandidati fuq il-lista tal-partiti jkun ta’ ġeneru differenti mill-maġġoranza;
I.billi fit-28 ta’ Mejju 2024, il-Parlament tal-Georgia adotta l-hekk imsejħa liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija, wara li kkanċellaw il-veto tal-President Salome Zourabishvili u minkejja l-protesti tal-massa taċ-ċittadini Georgjani u t-talbiet ripetuti mis-sħab Ewropej tal-Georgia biex jirtiraw l-abbozz ta’ liġi li, fl-ispirtu u l-kontenut, jikkontradixxi n-normi u l-valuri tal-UE; billi l-adozzjoni ta’ din il-liġi effettivament iffriżat il-proċess tal-adeżjoni tal-Georgia u wasslet għas-sospensjoni tal-assistenza finanzjarja tal-UE lill-Georgia;
J.billi l-liġi ġiet adottata fi proċedura li, skont il-Kummissjoni ta’ Venezja, ma ħalliet l-ebda spazju għal diskussjoni ġenwina u konsultazzjoni sinifikanti, b’nuqqas ta’ rispett apert għat-tħassib ta’ partijiet kbar tal-popolazzjoni Georgjana; billi r-restrizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ dik il-liġi għad-drittijiet tal-libertà ta’ espressjoni u tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u għad-dritt tal-privatezza huma inkompatibbli mat-test strett stabbilit fl-Artikoli 8(2), 10(2) u 11(2) tal-KEDB u fl-Artikoli 17(2), 19(2) u 22(2) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi peress li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-legalità, il-leġittimità, in-neċessità u l-proporzjonalità f’soċjetà demokratika, u huma wkoll inkompatibbli mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 14 tal-KEDB;
K.billi din il-leġiżlazzjoni waslet fi żmien ta’ attakki kontinwi u dejjem jiżdiedu kontra s-soċjetà ċivili fil-Georgia f’dak li donnu li hu sforz biex jiċċekken l-ispazju ċiviku billi jżomm lill-gruppi indipendenti milli jkollhom aċċess għall-fondi; billi din il-leġiżlazzjoni hija mmudellata fuq il-leġiżlazzjoni dwar l-aġenti barranin fir-Russja;
L.billi fis-6 ta’ Ġunju 2024, l-Istati Uniti imponew restrizzjonijiet tal-viża fuq għexieren ta’ uffiċjali Georgjani minħabba l-adozzjoni tal-“liġi dwar l-aġenti barranin”;
M.billi l-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2024, stieden lill-awtoritajiet tal-Georgia “jiċċaraw l-intenzjonijiet tagħhom billi jreġġgħu lura l-azzjoni attwali li tipperikola t-triq tal-Georgia lejn l-UE, li de facto twassal għal waqfien tal-proċess ta’ adeżjoni”;
N.billi fil-11 ta’ Lulju 2024, il-Kumitat tal-Kungress tal-Istati Uniti għall-Affarijiet Barranin adotta leġiżlazzjoni ta’ sanzjonijiet kontra l-Georgia magħrufa bħala l-Att Megobari, li timponi sanzjonijiet kontra uffiċjali Georgjani responsabbli ta’ atti li jdgħajfu s-sistema demokratika tal-pajjiż;
O.billi fis-17 ta’ Settembru 2024, il-Parlament Georgjan għadda liġi dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, li għandha l-għan li tipprojbixxi informazzjoni affidabbli dwar l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;
P.billi l-awtoritajiet Georgjani ma qiesu lanqas rakkomandazzjoni waħda tal-Kummissjoni ta’ Venezja rigward l-annullament jew il-modifika tal-liġijiet imsemmija hawn fuq dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” u dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, l-abolizzjoni tal-kwoti tal-ġeneru fl-elezzjonijiet lokali u parlamentari, u l-formazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali;
Q.billi hemm retorika ostili kontra l-Punent li kulma jmur qed tikber min-naħa tal-partit fil-gvern Ħolma Georgjana kontra s-sħab demokratiċi tal-Georgia, kif ukoll promozzjoni tad-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni u t-teoriji ta’ komplott Russi; billi dik ir-retorika ostili hija mmirata wkoll lejn l-Ukrajna, peress li l-partit fil-gvern juża strixxuni politiċi ta’ stmellija li juru bliet Ukreni meqruda mir-Russja, u b’hekk jikkapitalizza mit-tbatija tal-Ukreni kuraġġużi; billi l-partit Ħolma Georgjana qed isegwi n-narrattiva li l-Punent huwa “partit tal-gwerra globali” li qed jipprova jimbotta lill-Georgia lura fi gwerra mar-Russja;
R.billi għadd dejjem jiżdied ta’ inċidenti jindikaw li l-Georgia qed tesperjenza ambjent tal-media mhux sigur, u dan huwa ta’ theddida għad-demokrazija tagħha; billi l-indiċi annwali ta’ Reporters Mingħajr Fruntieri dwar il-libertà tal-istampa jikklassifika lill-Georgia fil-103 post minn 180 pajjiż, tnaqqis ta’ 26 post mis-sena preċedenti;
S.billi fit-28 ta’ Awwissu 2024, il-mexxej tal-Ħolma Georgjana, Bidzina Ivanishvili, fl-inawgurazzjoni tal-kampanja elettorali tal-partit tiegħu, tkellem dwar l-intenzjoni tiegħu li jipprojbixxi lill-partiti demokratiċi tal-oppożizzjoni; billi huwa ġie ssekondat mill-Prim Ministru, Irakli Kobakhidze, li ddikjara li, jekk il-partit tagħhom jikseb maġġoranza fil-Parlament Georgjan, dan jipprojbixxi ċerti partiti tal-oppożizzjoni, u rrefera għall-oppożizzjoni bħala “forza politika kriminali”;
T.billi d-dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu li tesprimi r-rieda tiegħu li jgħin lill-Georgia tinnormalizza r-relazzjonijiet tagħha mal-“istati ġirien tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar” ġiet imfaħħra mill-mexxejja tal-partit fil-gvern, li juri t-tluq tal-Gvern tal-Georgia mill-politika tiegħu ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tar-reġjuni okkupati tal-Georgia;
U.Billi fis-26 ta’ Ottubru 2024 fil-Georgia se jsiru l-elezzjonijiet parlamentari; billi l-liġi dwar it-“trasparenza tal-influwenza barranija” effettivament imblukkat ir-rekwiżit li jkun hemm osservaturi domestiċi, li l-preżenza tagħhom, skont il-prinċipji tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE, tikkontribwixxi għal żieda fit-trasparenza tal-proċess elettorali u l-fiduċja fih;
1.Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rigress demokratiku fil-Georgia li seħħ b’mod esponenzjali matul din is-sena kollha u speċjalment qabel l-elezzjonijiet parlamentari tas-26 ta’ Ottubru 2024; jikkundanna bil-qawwa l-adozzjoni tal-liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” u l-liġi dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, kif ukoll il-bidliet li saru fil-Kodiċi Elettorali; iqis li dawn ta’ hawn fuq huma għodod użati mill-gvern biex jikser il-libertà tal-espressjoni, jiċċensura l-media, jimponi restrizzjonijiet fuq l-ilħna kritiċi fis-soċjetà ċivili u fis-settur tal-NGOs jew biex jiddiskrimina kontra persuni vulnerabbli; jissottolinja li dawn huma wkoll inkompatibbli mal-valuri u l-prinċipji demokratiċi tal-UE, imorru kontra l-ambizzjonijiet tal-Georgia ta’ sħubija mal-UE, jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni internazzjonali tal-Georgia u jipperikolaw l-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż; jenfasizza bil-qawwa li sakemm il-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq ma tiġix revokata, ma jistax isir progress fir-relazzjonijiet tal-Georgia mal-UE; jiddispjaċih li l-Georgja, li darba kienet promotriċi tal-progress demokratiku b’aspirazzjonijiet Ewro-Atlantiċi, ilha tiżżerżaq lura mil-lat demokratiku għal perjodu konsiderevoli ta’ żmien;
2.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestigaw il-konsegwenzi tar-rigress demokratiku li dawn il-liġijiet jirrappreżentaw għar-rwol tagħhom ta’ donaturi fil-Georgia u jikkomunikaw dan l-impatt possibbli lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia; jappella sabiex il-finanzjament kollu li l-UE tipprovdi lill-Gvern tal-Georgia jiġi ffriżat sakemm jitħassru dawn il-liġijiet mhux demokratiċi msemmija hawn fuq, u li jitqiegħdu kundizzjonijiet stretti fuq l-iżborż ta’ kwalunkwe finanzjament futur lill-Gvern tal-Georgia;
3.Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-klima ta’ mibegħda u intimidazzjoni xprunata minn dikjarazzjonijiet minn rappreżentanti tal-Gvern Ġeorġjan u mexxejja politiċi, kif ukoll mill-attakki tal-gvern fuq il-pluraliżmu politiku; jikkundanna l-kummenti mill-oligarka Bidzina Ivanishvili u personalitajiet ewlenin tal-gvern li jheddu li jipprojbixxu l-partiti tal-oppożizzjoni u jirreferu għall-oppożizzjoni bħala “forza politika kriminali”; jinnota li tali intimidazzjoni ddgħajjef serjament il-proċess politiku u l-libertà tal-espressjoni, u tikkontribwixxi għal ambjent ta’ biża’;
4.Jappella għal investigazzjoni bir-reqqa tal-brutalità tal-pulizija kontra dimostranti paċifiċi matul il-protesti tar-rebbiegħa kontra l-liġi dwar it-“trasparenza tal-influwenza barranija” fil-Georgia;
5.Itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni biex tivvaluta minnufih kif il-liġijiet tal-Georgia dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” u “l-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, l-abolizzjoni tal-kwoti tal-ġeneru u bidliet oħra fil-leġiżlazzjoni elettorali tagħha, l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja b’mod ġenerali, u l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet b’mod konformi mal-istandards internazzjonali aċċettati, jaffettwaw it-twettiq kontinwu tal-Georgia tal-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża, b’mod partikolari l-parametru referenzjarju tad-drittijiet fundamentali, li huwa komponent kruċjali tal-politika tal-UE dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża;
6.Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-aspirazzjonijiet Ewropej leġittimi tan-nies tal-Georgia u għax-xewqa tagħhom li jgħixu f’pajjiż prosperu, ħieles mill-korruzzjoni, li jirrispetta bis-sħiħ il-libertajiet fundamentali, jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxi soċjetà miftuħa u media indipendenti; jissottolinja li d-deċiżjoni biex il-Georgia tingħata status ta’ pajjiż kandidat għal sħubija fl-UE kienet immotivata mix-xewqa li jiġu rikonoxxuti l-kisbiet u l-isforzi demokratiċi tas-soċjetà ċivili tal-Georgia, kif ukoll l-appoġġ enormi fost iċ-ċittadini tagħha għal adeżjoni mal-UE, fejn iktar minn 80 % tan-nies tal-Georgia kienu favur b’mod kostanti; japprezza l-isforzi li saru mill-President tal-Georgia Salome Zourabishvili biex il-Georgia terġa’ lura fit-triq demokratika u pro-Ewropea tal-iżvilupp u jikkundanna bil-qawwa l-isforz tal-partit Ħolma Georgjana biex isikktuha permezz ta’ proċeduri ta’ denunzja għal raġunijiet inġustifikati;
7.Jiddeplora r-rwol personali li żvolġa l-oligarka Georgjan Bidzina Ivanishvili, li rritorna fil-politika attiva fit-30 ta’ Diċembru 2023 u sar “president onorarju” tal-partit Ħolma Georgjana, fil-kriżi politika attwali u f’tentattiv ieħor biex jikkomprometti l-orjentament Ewro-Atlantiku tal-pajjiż biex minflok jiddevjah lejn ir-Russja; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill u lis-sħab demokratiċi tal-UE biex jimponu sanzjonijiet personali mmirati u immedjati fuq Ivanishvili għar-rwol tiegħu fid-deterjorament tal-proċess politiku fil-Georgia, kif ukoll f’attivitajiet oħra ta’ benefiċċju għall-Federazzjoni Russa;
8.Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżommu responsabbli u jimponu sanzjonijiet personali fuq dawk kollha responsabbli li pperikolaw id-demokrazija fil-Georgia, li huma kompliċi fil-vjolenza mwettqa kontra avversarji politiċi u dimostranti paċifiċi u li jxerrdu diżinformazzjoni kontra l-Punent; jilqa’ s-sanzjonijiet personali imposti mill-Istati Uniti fuq l-uffiċjali tal-partit Ħolma Georgjana;
9.Jesprimi tħassib dwar il-fatt li ħafna proposti leġiżlattivi riċenti adottati mill-partit maġġoritarju Ħolma Georgjana fil-Parlament Georgjan jittradixxu l-aspirazzjonijiet tal-maġġoranza l-kbira tal-poplu tal-Georgia li jgħixu f’soċjetà demokratika, li jitkomplew ir-riformi demokratiċi u tal-istat tad-dritt, li titkompla l-kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab Ewro-Atlantiċi u li jittieħed impenn favur triq lejn sħubija fl-UE;
10.Jenfasizza li d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda u tal-protesta paċifika huma libertajiet fundamentali u jridu jiġu rrispettati f’kull ċirkostanza, b’mod partikolari f’pajjiż bl-ambizzjoni li jissieħeb fl-UE;
11.Jissottolinja li r-rwol ta’ għassies pubbliku moqdi mis-soċjetà ċivili u l-media indipendenti huwa essenzjali għal soċjetà demokratika u huwa kruċjali għall-avvanz tar-riformi relatati mal-adeżjoni mal-UE, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jagħmlu l-almu tagħhom biex jiggarantixxu ambjent abilitanti li fih is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti jistgħu jirnexxu;
12.Ifakkar li l-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023 ta lill-Georgia l-istatus ta’ pajjiż kandidat bil-kundizzjoni li jittieħdu l-passi rilevanti stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni adottata reċentement tmur b’mod ċar kontra din l-ambizzjoni u effettivament issospendiet l-integrazzjoni tal-Georgia fl-UE;
13.Itenni l-istedina lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir u lill-President tal-Kummissjoni jfakkru lill-Gvern Georgjan dwar l-impenji li ħa u l-valuri u l-prinċipji li huwa ssottoskriva għalihom meta applika għas-sħubija mal-UE;
14.Itenni l-opportunitajiet tanġibbli li l-Georgia tieħu vantaġġ minnhom ladarba jibdew in-negozjati tal-adeżjoni, bħall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni li ttejjeb l-istandard tal-għajxien taċ-ċittadini Georgjani, kif ukoll l-appoġġ għall-istituzzjonijiet, l-infrastruttura u s-servizzi soċjali;
15.Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jiżguraw li l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin f’Ottubru 2024 jaderixxu mal-ogħla standards internazzjonali, filwaqt li jiggarantixxu proċess trasparenti, liberu u ġust li jirrifletti r-rieda demokratika tal-poplu; jesiġi l-abolizzjoni tal-prattika stabbilita tal-użu ħażin tar-riżorsi pubbliċi u l-kapaċità amministrattiva għall-benefiċċju tal-partit fil-gvern; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Georgia jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rispettati kollha involuti fl-osservazzjoni elettorali jkunu jistgħu josservaw dawn l-elezzjonijiet mingħajr xkiel jew indħil fil-ħidma tagħhom;
16.Jikkondividi t-tħassib li qajmet il-Kummissjoni ta’ Venezja dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-qafas legali għall-elezzjonijiet fil-Georgia u għall-Kodiċi Elettorali, u jaqbel li dawn il-bidliet fil-Kodiċi Elettorali se jkollhom impatt qawwi fuq il-perċezzjoni tal-partijiet ikkonċernati dwar l-imparzjalità u l-ġustizzja tal-amministrazzjoni elettorali u l-fiduċja fiha;
17.Huwa allarmat bid-deċiżjoni li jinfetħu biss għadd limitat ta’ postijiet tal-votazzjoni barra mill-pajjiż, minkejja bosta talbiet mid-dijaspora Georgjana, peress li dan iċaħħad lill-maġġoranza tal-Georgjani li jgħixu barra mill-pajjiż mid-dritt tal-vot; jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rapporti li l-Gvern tal-Georgia qed joħloq ostakli għall-koalizzjoni ta’ 30 NGO u Transparency International Georgia fl-isforzi tagħhom favur kampanja biex in-nies joħorġu jivvutaw; iqis dawn l-ostakli bħala tentattiv biex tiddgħajjef id-demokrazija fil-pajjiż;
18.Jinnota li, fil-kuntest ta’ reazzjoni internazzjonali sinifikanti li tiddubita l-leġittimità tal-elezzjonijiet li ġejjin, il-Prim Ministru tal-Georgia “irrakkomanda” li l-Bureau Kontra l-Korruzzjoni (ACB) jirrevoka d-deċiżjoni tiegħu tal-24 ta’ Settembru 2024 li biha stqarr li Transparency International Georgia kellha “għanijiet elettorali ddikjarati”, u l-ACB fil-fatt irrevokaha fit-2 ta’ Ottubru 2024; ifakkar li d-deċiżjoni inizjali, jekk tiġi infurzata u mhux revokata, iċċaħħad lil waħda mill-organizzazzjonijiet ewlenin tas-soċjetà ċivili tal-Georgia mill-aċċess għal finanzjament barrani, u xxekkel serjament il-kapaċità tagħha li tkompli bl-operazzjonijiet, inkluża l-osservazzjoni elettorali, kif ukoll tqajjem tħassib dwar in-newtralità politika tal-ACB;
19.Jiddeplora l-użu mill-partit Ħolma Georgjana ta’ immaġnijiet vjolenti tal-gwerra fl-Ukrajna bħala mezz biex jiġu mmanipulati l-opinjonijiet u tinxtered id-diżinformazzjoni u s-sentiment favur ir-Russja u kontra l-Ukrajna fil-kampanja tiegħu qabel l-elezzjonijiet ta’ Ottubru 2024;
20.Jistenna li l-partit Ħolma Georgjana jirrispetta r-rieda u l-għażla libera tal-poplu Georgjan fl-elezzjonijiet parlamentari li jmiss u li jiżgura trasferiment paċifiku tas-setgħa; jitlob li l-partit u l-mexxejja tiegħu jwaqqfu minnufih il-vjolenza, l-intimidazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda, il-persekuzzjoni u r-ripressjoni li qed iwettaq kontra l-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti;
21.Jemmen bis-sħiħ li l-elezzjonijiet li jmiss se jkunu deċiżivi biex jiddeterminaw l-iżvilupp demokratiku futur u l-għażla ġeopolitika tal-Georgia, kif ukoll il-kapaċità tagħha li tagħmel progress fil-kandidatura tagħha bħala Stat Membru tal-UE; jirrikonoxxi li għadu possibbli li jiġi kkonsolidat il-futur demokratiku tal-Georgia bħala pajjiż kandidat tal-UE b’ġenerazzjoni żagħżugħa u impenjata ta’ mexxejja, fatt li ntwera mill-protesti spontanji matul l-2024 kontra l-liġi dwar l-aġenti barranin;
22.Jesprimi tħassib serju dwar l-influwenza akbar tar-Russja fil-Georgia, inkluża ż-żieda fl-imigrazzjoni mir-Russja, iż-żieda fir-rabtiet kummerċjali mar-Russja, u r-rieda tal-Georgia li ssegwi r-rikonċiljazzjoni mar-Russja minkejja l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u l-okkupazzjoni tagħha ta’ għoxrin fil-mija tat-territorju sovran Georgjan; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jimponi sanzjonijiet kontra r-Russja b’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, ikompli l-politika preċedenti tiegħu ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tat-territorji okkupati u jonora l-impenn tiegħu li jinforza miżuri effettivi biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet Ewropej; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jallinja ruħu bis-sħiħ mal-politika barranija tal-UE u mal-istrateġija tal-UE fir-rigward tar-Russja;
23.Itenni bil-qawwa t-talba urġenti tiegħu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ex President Mikheil Saakashvili għal raġunijiet umanitarji bil-għan li jfittex trattament mediku barra mill-pajjiż; jenfasizza li l-Gvern tal-Georgia jġorr ir-responsabbiltà sħiħa u inkontestabbli għall-ħajja, is-saħħa, is-sikurezza u l-benesseri tal-ex President Mikheil Saakashvili u jeħtieġ li jinżamm kompletament responsabbli għal kwalunkwe ħsara li tiġrilu;
24.Jinnota li l-Gvern tal-Georgia kompla jaggrava l-aċċess għall-informazzjoni pubblika, inklużi l-arkivji tal-era Sovjetika, bl-użu tar-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data biex jiġġustifika b’mod falz ir-restrizzjonijiet ħorox għall-aċċess għall-arkivji, u li wħud mill-aktar arkivji importanti tal-era Sovjetika tal-Georgia (inklużi l-arkivji tal-eks KGB u l-eks Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista) ilhom kompletament magħluqa minn Ottubru 2023 mingħajr ebda spjegazzjoni; jenfasizza l-manipulazzjoni u l-falsifikazzjoni tar-Russja tal-istorja, inkluża l-istorja Sovjetika, bħala parti mill-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u t-theddid militari tagħha kontra pajjiżi oħra; jiddispjaċih għall-kult dejjem jikber ta’ Stalin u ż-żieda relatata fin-nostalġija Sovjetika fil-Ġeorġja, appoġġjata mill-gvern attwali, li tenfasizza l-allinjament aktar mill-qrib tagħha mar-Russja;
25.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia.