Is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tan-nisa fl-Afganistan minħabba l-adozzjoni reċenti tal-liġi dwar il-“Promozzjoni tal-Virtù u l-Prevenzjoni tal-Vizzju”
126k
44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2024 dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tan-nisa fl-Afganistan minħabba l-adozzjoni reċenti tal-liġi dwar il-“Promozzjoni tal-Virtù u l-Prevenzjoni tal-Vizzju” ()
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,
–wara li kkunsidra l-Artikoli150(5) u 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi t-Talibani kisru n-normi internazzjonali, reġgħu bdew ir-repressjoni, b’mod partikolari tan-nisa u l-bniet, tal-minoranzi etniċi, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-persuni LGBTIQ+, u iżolaw lill-Afganistan, u żiedu l-ġuħ u l-faqar;
B.billi t-Talibani implimentaw l-interpretazzjoni estrema tagħhom tax-Xarija u eliminaw lin-nisa mill-ħajja pubblika; billi dan jinkludi l-projbizzjoni tan-nisa mix-xogħol, l-aċċess għall-kura tas-saħħa mingħajr qarib maskili u l-edukazzjoni lil hinn mis-sitt livell, l-infurzar vjolenti ta’ kodiċi tal-ilbies diżumanizzanti, iċ-ċaħda tal-preżenza tan-nisa fl-ispazju pubbliku u ż-żarmar tas-sistema ta’ appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza; billi r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tan-nisa Afgani jżommuhom milli jiksbu viżi tal-UE;
C.billi digriet reċenti tat-Talibani, l-hekk imsejħa liġi dwar il-“Promozzjoni tal-Virtù u l-Prevenzjoni tal-Vizzji”, jestendi dawn ir-restrizzjonijiet billi saħansitra jirrikjedi li l-ilħna nisa ma jinstemgħux fil-pubbliku, u b’hekk in-nisa Afgani jiġu mċaħħda aktar mid-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, li jammontaw għal apartheid tal-ġeneru;
1.Jikkundanna d-digriet reċenti tat-Talibani u l-interpretazzjoni u l-infurzar tal-liġi tax-Xarija, l-eliminazzjoni tan-nisa u l-bniet mill-ħajja pubblika, li jiġu sfurzati jidħlu fi żwiġijiet mhux mixtieqa u bikrija u jiġu esposti għal vjolenza sesswali, u l-introduzzjoni mill-ġdid tas-swat u t-tħaġġir għall-mewt pubbliku tan-nisa; ifaħħar il-kuraġġ tan-nisa Afgani li, minkejja r-riskji ta’ theddida għall-ħajja, jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, u jinsab f’solidarjetà magħhom;
2.Iħeġġeġ lill-awtoritajiet de facto tal-Afganistan jabolixxu l-prattiki u l-liġijiet tagħhom li jiddiskriminaw kontra n-nisa; jappella sabiex terġa’ tiġi introdotta b’mod immedjat il-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u sinifikattiva tan-nisa u l-bniet fil-ħajja pubblika;
3.Iħeġġeġ lill-awtoritajiet de facto tal-Afganistan jeħilsu lin-nisa u l-bniet arrestati arbitrarjament u jiftħu mill-ġdid is-sistema ta’ appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza, filwaqt li jiżguraw li l-vittmi jkunu jistgħu jfittxu kenn, kura medika, rikors legali u riparazzjoni;
4.Jappella sabiex l-awtoritajiet de facto tal-Afganistan jinżammu responsabbli, b’mod partikolari permezz tal-investigazzjoni tal-QKI u l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu ta’ Investigazzjoni Indipendenti tan-NU, u jitlob lill-VP/RGħ jagħti bidu għal sanzjonijiet ġodda tal-UE kontra t-Talibani;
5.Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaderixxu strettament mal-ħames punti ta’ riferiment tal-Kunsill, li bħalissa mhumiex issodisfati, u jappoġġjaw it-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU;
6.Jikkundanna lill-gvernijiet li jirrikonoxxu lit-Talibani billi jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet; jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw il-parteċipazzjoni sinifikattiva tan-nisa Afgani fil-fora u n-negozjati internazzjonali;
7.Jappella lill-UE biex tappoġġja r-rikonoxximent tal-apartheid tal-ġeneru bħala delitt kontra l-umanità;
8.Iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri u lil stati donaturi oħra jżidu l-għajnuna umanitarja u l-finanzjament biex jappoġġjaw il-ħtiġijiet bażiċi u l-għajxien u s-soċjetà ċivili Afgana, jiżguraw finanzjament flessibbli għall-NGOs u l-ħaddiema umanitarji nisa tagħhom u jagħtu viżi umanitarji u viżi mwiegħda għall-eks impjegati Afgani tal-koalizzjoni internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-komunità internazzjonali tivvaluta l-impatt tad-digriet reċenti fuq l-operazzjonijiet umanitarji;
9.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri, lin-NU u lill-awtoritajiet de facto tal-Afganistan.
Is-sitwazzjoni gravi tal-priġunieri politiċi fil-Belarussja
124k
44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2024 dwar is-sitwazzjoni gravi tal-priġunieri politiċi fil-Belarussja ()
–wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja minn Awwissu 2020,
–wara li kkunsidra l-Artikoli150(5) u 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi r-reġim ta’ Lukashenka ilu mill-elezzjoni presidenzjali frawdolenti tad-9 ta’ Awwissu 2020 irażżan b’mod sistematiku lill-attivisti politiċi, lis-soċjetà ċivili, lill-media, lit-trade unions u lid-dissidenti kollha u lid-difensuri tagħhom, u arbitrarjament żamm għexieren ta’ eluf ta’ persuni;
B.billi Lukashenka ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali tal-2025 għas-seba’ mandat;
C.billi ħafna mill-1350 priġunier politiku fil-Belarussja huma soġġetti għal kundizzjonijiet ta’ theddida għal ħajjithom u bosta mietu fil-ħabs;
1.Jitlob li l-awtoritajiet Belarussi jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi kollha u lill-persuni kollha detenuti b’mod arbitrarju;
2.Jesprimi tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni ta’ ħafna priġunieri politiċi, inklużi Maria Kalesnikava, Siarhei Tsikhanouski, Mikalai Statkevich, Ales Bialiatski, Maksim Znak, Viktar Babaryka, Ihar Losik, Palina Szarenda-Panasiuk, Pavel Seviarynets, Aliaksandr Yarashuk, Mikita Zalatarou u Yana Pinchuk, li ħafna minnhom ilhom jinżammu f’iżolament għal xhur jew snin, jiffaċċjaw problemi serji ta’ saħħa, bħal Maria Kalesnikava u Andrzej Poczobut, u huma soġġetti għal iżolament, trattament ħażin u tortura;
3.Jiddispjaċih li l-priġunieri politiċi Belarussi ma setgħux jibbenefikaw mill-isforzi reċenti biex jinħelsu l-priġunieri politiċi u ċ-ċittadini tal-Punent fir-Russja u fil-Belarussja; jappella għal sforzi intensifikati biex dawn jinħelsu;
4.Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem tad-detenuti, jipprovdu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tagħhom, jipprovdu t-trattament mediku meħtieġ u jippermettu aċċess għall-avukati, għall-membri tal-familja u għall-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar;
5.Itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw lill-priġunieri politiċi u lill-familji tagħhom billi jitolbu, f’kull opportunità, il-ħelsien immedjat tagħhom, isejħu lill-ambaxxaturi tar-reġim biex jitolbu prova tal-kundizzjoni u l-post tagħhom, jissimplifikaw il-proċeduri għall-kisba ta’ viżi u dokumenti ta’ identifikazzjoni proviżorja għal dawk li qed jaħarbu mill-Belarussja, u jipprovdu riabilitazzjoni, u appoġġ prattiku u finanzjarju;
6.Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwessgħu u jsaħħu s-sanzjonijiet kontra l-individwi u l-entitajiet responsabbli għar-repressjoni fil-Belarussja;
7.Jesprimi tħassib dwar il-persekuzzjoni fl-eżilju, eż. l-abbuż tal-mandati ta’ arrest tal-Interpol biex tinkiseb l-estradizzjoni ta’ avversarji politiċi minn pajjiżi mhux tal-UE; jistieden lis-Serbja żżomm lura milli testradixxi lill-ġurnalist Belarussu Andrei Hnyot u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimmonitorjaw il-każ tiegħu; jesprimi tħassib dwar it-300000 Belarussu li ġew imġiegħla jitilqu mill-Belarussja mill-2020 u jiffaċċjaw persekuzzjoni politika barra mill-pajjiż;
8.Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu biex ir-reġim ta’ Lukashenka jinżamm responsabbli għar-reati tiegħu u japplikaw il-prinċipju ta’ ġuriżdizzjoni universali;
9.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tas-Serbja, lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lir-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi Belarussi u lill-awtoritajiet de facto tar-Repubblika tal-Belarussja.
Il-każ ta’ José Daniel Ferrer García f’Kuba
123k
44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2024 dwar il-każ ta’ José Daniel Ferrer García f’Kuba ()
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba,
–wara li kkunsidra l-Artikolu150 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem u mexxej tal-oppożizzjoni José Daniel Ferrer García ġie arrestat fil-11 ta’ Lulju 2021 fil-kuntest ta’ protesti mifruxa f’Kuba, u ilu jinżamm iżolat mill-14 ta’ Awwissu 2021; billi r-reġim Kuban żammu l-ħabs, iffastidjah u intimidah għal aktar minn għaxar snin minħabba l-attiviżmu politiku paċifiku tiegħu; billi huwa ilu minn Marzu 2023 jinżamm detenut f’iżolament u l-familja tiegħu ma rċeviet l-ebda informazzjoni dwar saħħtu u ċċaħdilha d-dritt li żżuru;
B.billi r-reġim Kuban iżomm lill-priġunieri politiċi fl-aktar kundizzjonijiet terribbli; billi hemm rapporti li jindikaw li José Daniel Ferrer jinsab f’kundizzjoni kritika u qed jinżamm mingħajr aċċess għal trattament mediku, b’ikel inadegwat u f’kundizzjonijiet mhux sanitarji, li jikkostitwixxu forom ta’ tortura, u trattament inuman jew degradanti;
C.billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba hija allarmanti, b’mod partikolari għad-dissidenti, li huma soġġetti għal livelli inkwetanti ta’ sorveljanza u detenzjoni arbitrarja; billi l-għadd ta’ priġunieri politiċi mhuwiex magħruf iżda sorsi affidabbli jiddikjaraw li r-reġim qed iżomm aktar minn elf priġunier, inklużi minorenni; billi fost il-ħafna priġunieri politiċi hemm Luis Manuel Otero Alcántara u Lizandra Gongora, li l-kundizzjoni tas-saħħa tagħhom hija kritika;
1.Iħeġġeġ lir-reġim Kuban jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil José Daniel Ferrer u lill-persuni kollha detenuti politikament u arbitrarjament talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda paċifika;
2.Jikkundanna l-ksur u l-abbużi sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mir-reġim Kuban kontra d-dimostranti, id-dissidenti politiċi, il-mexxejja reliġjużi u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, fost l-oħrajn; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani jtemmu minnufih ir-repressjoni;
3.Jikkundanna t-tortura u t-trattament inuman, degradanti u ħażin imwettqa mill-awtoritajiet Kubani kontra José Daniel Ferrer u l-priġunieri politiċi l-oħra; jitlob li l-familji tal-vittmi tal-persekuzzjoni tar-reġim jingħataw aċċess immedjat għalihom, sakemm huma jinħelsu, u li l-vittmi jingħataw kura medika;
4.Itenni l-appoġġ mingħajr kundizzjonijiet tiegħu għall-poplu Kuban u għad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba għad-dedikazzjoni tagħhom għal-libertajiet u d-drittijiet li r-reġim ċaħħad għal għexieren ta’ snin; jistieden lir-reġim jisma’ liċ-ċittadini tiegħu u jinvolvi ruħu fi djalogu nazzjonali inklużiv immirat lejn il-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni;
5.Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex japplika r-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) u jadotta sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għall-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba;
6.Itenni l-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu rigward il-possibbiltà li tiġi attivata l-klawżola ta’ sospensjoni tal-Ftehim ta’ Djalogu Politiku u ta’ Kooperazzjoni, peress li l-klawżoli ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim inkisru kontinwament mir-reġim Kuban;
7.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-reġim Kuban, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew.
Ftehim UE/Stati Uniti tal-Amerka dwar illanċjar ta’ satelliti Galileo mit-territorju tal-Istati Uniti
121k
42k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2024 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka li jistabbilixxi l-proċeduri ta’ sigurtà għall-illanċjar ta’ satelliti Galileo mit-territorju tal-Istati Uniti (07058/2024 – C9-0137/2024 – )
–wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07058/2024),
–wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka li jistabbilixxi proċeduri ta’ sigurtà għall-illanċjar ta’ satelliti Galileo mit-territorju tal-Istati Uniti (07061/2024),
–wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 189 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9‑0137/2024),
–wara li kkunsidra l-Artikolu 107(1) u (4), u l-Artikolu 117(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
–wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A10-0001/2024),
1.Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti tal-Amerka.
Appoġġ finanzjarju u militari kontinwu lill-Ukrajna mill-Istati Membri tal-UE
150k
55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2024 dwar l-appoġġ finanzjarju u militari kontinwu lill-Ukrajna mill-Istati Membri tal-UE ()
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja mill-1 ta’ Marzu 2022 ’l hawn, b’mod partikolari dik tas-17 ta’ Lulju 2024 dwar il-ħtieġa tal-appoġġ kontinwu tal-UE għall-Ukrajna(1),
–wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjonijiet ta’ The Hague, il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, u l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,
–wara li kkunsidra r-rapport tal-14ta’Frar2024 tal-Bank Dinji, tal-Gvern tal-Ukrajna, tal-Kummissjoni Ewropea u tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu “Ukraine - Third Rapid Damage and Needs Assessment (RDNA3) February2022 – December2023” (L-Ukrajna - It-Tielet Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet (RDNA3) Frar2022 – Diċembru2023),
–wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29ta’Frar 2024li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna(2),
–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u d-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Appoġġ għall-Ukrajna tat-12 ta’ Lulju 2023,
–wara li kkunsidra l-impenji konġunti ta’ sigurtà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna tas-27 ta’ Ġunju 2024,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-ministri għall-affarijiet barranin ta’ Franza, tal-Ġermanja u tar-Renju Unit tal-10ta’Settembru2024 dwar it-trasferiment ta’ missili ballistiċi mill-Iran lejn ir-Russja,
–wara li kkunsidra l-Kunċett Strateġiku tan-NATO tal-2022,
–wara li kkunsidra l-Artikolu136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi r-Russja ilha mill-24 ta’ Frar 2022 tmexxi gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux provokata u inġustifikata kontra l-Ukrajna, b’kontinwazzjoni ta’ aggressjonijiet preċedenti imwettqa mill-2014, inkluża l-annessjoni tal-Krimea u l-okkupazzjoni sussegwenti ta’ partijiet mir-reġjuni ta’ Donesk u ta’ Luhansk, u qed tkompli tikser b’mod persistenti l-prinċipji tal-Karta tan-NU permezz tal-aggressjonijiet tagħha kontra s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tikser b’mod sfaċċat u gravi d-dritt umanitarju internazzjonali, kif stabbilit mill-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949;
B.billi l-Assemblea ĠԱ tan-NU, fir-riżoluzzjoni tagħha tat-2 ta’ Marzu 2022, ikkwalifikat immedjatament il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna bħala att ta’ aggressjoni bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, u, fir-riżoluzzjoni tagħha tal-14 ta’ Novembru 2022, irrikonoxxiet il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tinżamm responsabbli għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha u legalment u finanzjarjament responsabbli għall-atti illegali tagħha fuq livell internazzjonali, inkluż permezz ta’ reparazzjonijiet għall-ħsarat u d-danni kkawżati;
C.billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ħarġet diversi mandati ta’ arrest għal uffiċjali Russi responsabbli għad-delitti tal-gwerra billi dderieġu l-attakki fuq oġġetti ċivili, iddeportaw b’mod illegali l-popolazzjoni u ttrasferew b’mod illegali l-popolazzjoni minn żoni okkupati tal-Ukrajna lejn il-Federazzjoni Russa, għad-detriment tat-tfal Ukreni; billi f’Settembru 2024, il-Mongolja naqset milli teżegwixxi l-mandat ta’ arrest tal-QKI kontra Vladimir Putin;
D.billi l-Ukrajna u ċ-ċittadini tagħha wrew determinazzjoni soda fid-difiża b’suċċess ta’ pajjiżhom, minkejja li dan swielhom għadd kbir ta’ vittmi ċivili u militari; billi l-forzi tar-Russja qed ikomplu jwettqu attakki sistematiċi u indiskriminati kontra żoni residenzjali u infrastruttura ċivili fl-Ukrajna, li rriżultaw fil-mewt ta’ eluf ta’ ċivili Ukreni, id-deportazzjonijiet furzati u l-għajbien furzat, inkluż ta’ tfal, flimkien mal-priġunerija illegali u t-tortura ta’ ċittadini Ukreni, l-eżekuzzjoni ta’ ċivili, suldati u priġunieri tal-gwerra, u atti ta’ terroriżmu fil-pajjiż kollu, inkluż l-użu ta’ vjolenza sesswali u stupru tal-massa bħala arma tal-gwerra; billi miljuni ta’ Ukreni qed jibqgħu jiġu spostati ġewwa u barra mill-Ukrajna, wara li ħarbu mill-aggressjoni tar-Russja;
E.billi r-Russja ilha mill-24ta’Awwissu2024 twettaq l-aktar kampanja intensa tagħha s’issa ta’ bumbardament mill-ajru kontra l-Ukrajna, u varat għadd kbir ta’ missili ballistiċi, glide bombs, droni u armi oħra kontra Kharkiv, Kiev, Poltava, Sumy, Odesa u Lviv, fejn attakk reċenti bid-droni u bil-missili qatel seba’ persuni ċivili 70km biss mill-fruntiera Pollakka; billi r-Russja effettivament għamlet ħsara jew qerdet sa 80% tal-infrastruttura tal-enerġija tal-pajjiż, u dan jista’ joħloq kriżi umanitarja gravi fl-Ukrajna matul ix-xhur tax-xitwa li ġejjin; billi tali attakki sistematiċi jikkostitwixxu delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali;
F.billi l-President Ukren, Volodymyr Zelenskyy, ħabbar li, fit-12 ta’ Settembru 2024, missila Russa kienet laqtet bastiment tal-merkanzija li kien qed iġorr il-qamħ fil-Baħar l-Iswed fi triqtu lejn l-Eġittu u b’hekk is-sigurtà tal-ikel reġgħet saret bersall; billi d-droni u l-missili Russi mmirati lejn l-Ukrajna qed jiksru dejjem aktar l-ispazju tal-ajru tal-UE u tan-NATO u b’hekk qed ipoġġu f’riskju liċ-ċittadini li jinsabu fir-reġjuni tal-Lvant tagħna;
G.billi s-sitwazzjoni umanitarja fl-Ukrajna, speċjalment qrib il-kampijiet tal-battalji, saret aktar u aktar kritika; billi, skont in-NU, l-attakki Russi reċenti fuq l-infrastruttura ċivili kritika ħallew għexieren ta’ eluf ta’ Ukreni mingħajr servizzi essenzjali u aktar minn 14,6-il miljun persuna, madwar 40% tal-popolazzjoni Ukrena, se jkollhom bżonn għajnuna umanitarja fl-2024; billi l-ostilitajiet intensifikati fl-oblast ta’ Kharkiv f’Mejju kkawżaw ukoll l-akbar spostament fl-Ukrajna mill-2023 ’il hawn; billi, minħabba nuqqas ta’ finanzjament, in-NU tirrapporta li l-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja bħalissa mhumiex kapaċi jissodisfaw bis-sħiħ il-ħtiġijiet kritiċi fil-pajjiż; billi, jekk il-kunflitt jittawwal, il-ħtiġijiet urġenti se jippersistu u jiggravaw fix-xhur li ġejjin; billi l-qerda tal-infrastruttura fl-Ukrajna qed ikollha konsegwenzi diżastrużi għas-saħħa tan-nisa, li spiss huma dawk li qed jagħmlu x-xogħol ta’ infermiera, dak mediku u dak tal-indukrar;
H.billi l-Gvern Ungeriż ħareġ digriet bi ksur tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja(3), li jikkanċella l-kenn iffinanzjat mill-Istat għar-rifuġjati mill-Punent tal-Ukrajna, u ħalla lil ħafna, il-maġġoranza tagħhom nisa u tfal, mingħajr dar;
I.billi l-aħħar stima fil-Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet (RDNA3) konġunta maħruġa mill-Gvern tal-Ukrajna, mill-Grupp tal-Bank Dinji, mill-Kummissjoni u min-Nazzjonijiet Uniti hija li mill-31ta’Diċembru2023 il-kost totali tar-rikostruzzjoni u l-irkupru fl-Ukrajna se jammonta għal mill-anqas USD486biljun matul id-deċennju li jmiss, żieda mill-USD411-ilbiljun stmat sena ilu;
J.billi l-UE u l-Istati Membri tagħha s’issa taw aktar minn EUR100biljun f’assistenza finanzjarja, umanitarja, għar-rifuġjati u militari lill-Ukrajna; billi l-UE pprovdiet aktar minn EUR25biljun f’appoġġ makrofinanzjarju lill-Ukrajna fl-2022 u fl-2023 u stabbiliet il-Faċilità għall-Ukrajna, strument finanzjarju ddedikat li se jippermettilha tipprovdi lill-Ukrajna sa EUR50biljun f’appoġġ finanzjarju prevedibbli u flessibbli mill-2024 sal-2027; billi f’Lulju2024, l-UE għamlet l-ewwel pagament regolari tagħha ta’ madwar EUR4,2biljun fl-ambitu tal-Faċilità għall-Ukrajna stabbilita reċentement; billi dan il-pagament isegwi l-appoġġ tranżitorju u ta’ prefinanzjament li jammonta għal kważi EUR14-il biljun minn meta ġiet stabbilita l-Faċilità f’Marzu2024;
K.billi r-Russja żiedet b’mod sostanzjali l-infiq u l-produzzjoni militari tagħha stess fl-2024; billi r-Russja qed tuża wkoll il-ħażna tal-munizzjon tal-Belarussja u qed tiddependi mill-appoġġ militari ta’ għadd ta’ pajjiżi, primarjament l-Iran u l-Korea ta’ Fuq; billi hemm rapporti li jindikaw li ċ-Ċina qed tipprovdi lir-Russja assistenza sostanzjali biex issaħħaħ il-kapaċitajiet militari tagħha, li jestendu lil hinn mit-teknoloġiji b’użu doppju; billi skont sorsi governattivi l-Iran reċentement bagħat vjeġġi ta’ missili ballistiċi ta’ medda qasira Fath-360 lejn ir-Russja; billi Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit ħabbru sett ġdid ta’ sanzjonijiet kontra l-Iran;
L.billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, flimkien mas-sħab internazzjonali u l-alleati tan-NATO, qegħdin ikomplu jipprovdu appoġġ militari lill-Ukrajna sabiex jgħinuha teżerċita d-dritt leġittimu tagħha li tiddefendi ruħha kontra l-aggressjoni Russa skont l-Artikolu51 tal-Karta tan-NU; billi l-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine), s’issa ħarrġet madwar 60000 membru tal-Forzi Armati Ukreni kemm f’taħriġ dwar l-armi kombinati kif ukoll f’taħriġ speċjalizzat; billi n-NATO se tiżgura kontribuzzjoni finanzjarja annwali ta’ EUR40biljun lill-Ukrajna;
M.billi għad hemm livell baxx ta’ għajnuna militari kemm f’termini ta’ kwalità u kemm ta’ kwantità kif ukoll dewmien fil-konsenja attwali ta’ armi u munizzjon lill-Ukrajna wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-konsenja; billi ħafna Stati Membri mhumiex qed jissodisfaw il-wegħdiet tagħhom u xi kontributuri ewlenin saħansitra ħabbru pjanijiet biex inaqqsu b’mod sinifikanti l-kontribut tagħhom għall-għajnuna militari għall-Ukrajna fl-2025; billi l-UE ddeċidiet li tuża l-profitti mhux mistennija minn assi ffriżati tal-Bank Ċentrali tar-Russja biex tappoġġja lill-Ukrajna, b’mod partikolari għal assistenza militari addizzjonali; billi ma ġie stabbilit l-ebda qafas legali għall-qbid u r-ridistribuzzjoni effettivi tal-qligħ kapitali minn assi Russi ffriżati;
N.billi, barra minn hekk, l-Ungerija qed timblokka kemm il-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna ta’ EUR5biljun stabbilit reċentement f’Marzu 2024 fi ħdan il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) kif ukoll it-tmien segment tar-rimborżi tal-EPF għall-Istati Membri li kkunsenjaw għajnuna militari lill-Ukrajna tul aktar minn 18-il xahar;
O.billi minn Frar2022 ’il hawn, l-UE adottat 14-il pakkett ta’ sanzjonijiet Ewropej immirati biex jimminaw il-kapaċità tar-Russja li twettaq il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tagħha;
P.billi l-Istati Membri tal-UE qed ikomplu jixtru fjuwils fossili u uranju mir-Russja u b’hekk qed jikkontribwixxu għall-ekonomija Russa u jsaħħu r-riżorsi tagħha tal-gwerra; billi l-bejgħ tal-fjuwils fossili Russi lill-UE minn mindu faqqgħet il-gwerra ta’ aggressjoni fuq skala kbira kontra l-Ukrajna qabeż il-EUR200 biljun, li huwa d-doppju tal-finanzjament totali pprovdut lill-Ukrajna matul l-istess perjodu; billi l-UE tat eżenzjoni għaż-żejt mhux maħdum Russu importat permezz tal-pipeline Druzhba lill-Ungerija, lis-Slovakkja u liċ-Ċekja; billi ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-gass Russu mill-Ażerbajġan hija kwistjoni ta’ tħassib dwar ir-rwol tal-Ażerbajġan bħala fornitur alternattiv tal-gass minflok ir-Russja, peress li Baku, li ma jistax jissodisfa d-domanda Ewropea, jista’ jagħti tikketta ġdida lill-gass Russu bħala gass Ażerbajġan għall-konsum Ewropew; billi flotta mistura ta’ tankers taż-żejt Russi perikolużi għall-ambjent u mhux assigurati għadha qed topera fil-Baħar Baltiku u qed tevita r-reġim ta’ sanzjonijiet;
1.Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna, u l-involviment tal-Belarussja f’din il-gwerra, u jeżiġi li r-Russja ttemm minnufih kull attività militari fl-Ukrajna, tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna u tikkumpensa lill-Ukrajna għall-ħsara kkawżata lill-poplu, l-art, in-natura u l-infrastruttura tagħha;
2.Jesprimi s-solidarjetà assoluta tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, flimkien mal-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha, u jissottolinja li din il-gwerra ta’ aggressjoni tikkostitwixxi ksur sfaċċat u flagranti tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; itenni l-appoġġ tiegħu għall-impenji tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jipprovdu assistenza umanitarja, appoġġ militari, għajnuna ekonomika u finanzjarja u appoġġ politiku b’kull mod possibbli sar-rebħa tal-Ukrajna sabiex finalment titwaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u l-Ukrajna titħalla tillibera l-poplu kollu tagħha u terġa’ tistabbilixxi kontroll sħiħ fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha; jenfasizza li l-għan aħħari jibqa’ li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajna skont it-termini tal-Ukrajna, filwaqt li jiġu żgurati s-sikurezza u d-dinjità tal-poplu tagħha f’Ewropa paċifika u stabbli;
3.Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu b’mod attiv biex jinżamm u jinkiseb l-aktar appoġġ internazzjonali mifrux possibbli għall-Ukrajna u jidentifikaw soluzzjoni paċifika għall-gwerra, li trid tkun ibbażata fuq ir-rispett sħiħ tal-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-obbligu ta’ rendikont għad-delitti tal-gwerra u għad-delitt ta’ aggressjoni mwettqa mir-Russja, u r-reparazzjonijiet u pagamenti oħra min-naħa tar-Russja għall-ħsara enormi kkawżata fl-Ukrajna; jappella għal impenn attiv tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Formula ta’ Paċi tal-Ukrajna u l-ħolqien tar-raġunijiet biex isir it-tieni Summit dwar il-Paċi;
4.Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi malajr assistenza finanzjarja fit-tul għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna f’kollaborazzjoni mal-pajjiżi sħab, b’mod partikolari billi tiżgura implimentazzjoni rapida tal-Faċilità għall-Ukrajna u tibni fuqha biex tiżgura appoġġ kontinwu f’livelli adegwati u riżorsi għar-rikostruzzjoni proporzjonati mal-appoġġ politiku tagħna għall-Ukrajna;
5.Jistieden lill-Istati Membri kollha jżidu l-finanzjament tagħhom għall-Ukrajna u joqogħdu lura milli jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom; itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li r-Russja jeħtiġilha tipprovdi kumpens finanzjarju għall-ħsara enormi li kkawżat fl-Ukrajna; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill li jidderieġi d-dħul straordinarju li ġej mill-assi immobilizzati tal-Istat Russu lejn il-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna u l-Faċilità għall-Ukrajna kif ukoll id-deċiżjoni tal-G7 li joffri lill-Ukrajna self ta’ USD50biljun garantit permezz ta’ assi immobilizzati tal-Istat Russu; jappella għal progress mgħaġġel fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-G7 li joffri lill-Ukrajna self ta’ USD50biljun, garantit permezz ta’ assi immobilizzati tal-Istat Russu, biex jiġi żgurat l-iżborż f’waqtu tal-fondi lill-Ukrajna; jappella lill-UE tmexxi dil-ħidma ‘l quddiem, flimkien ma’ sħab tal-istess fehma, billi tadatta l-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet kif meħtieġ u billi tistabbilixxi reġim legali sod għall-konfiska tal-assi proprjetà tal-Istat Russu ffriżati mill-UE;
6.Jappella għal żieda sostanzjali fl-għajnuna umanitarja tal-UE sabiex jiġi żgurat li appoġġ sħiħ għall-Ukrajna jkompli fl-2025; jinnota li l-ħtieġa ta’ appoġġ umanitarju x’aktarx se tkompli fis-snin li ġejjin u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tkun lesta tissodisfa dawn il-ħtiġijiet bi ppjanar fit-tul u b’fondi adegwati; jistieden lill-Istati newtrali jżidu l-għajnuna umanitarja tagħhom lill-Ukrajna;
7.Itenni li l-Ukrajna, bħala vittma ta’ aggressjoni, għandha dritt leġittimu għall-awtodifiża f’konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; ifakkar li l-assistenza militari sinifikanti, għalkemm għadha mhijiex biżżejjed, ipprovduta mill-UE, mill-Istati Uniti u minn sħab tal-istess fehma, hija mfassla biex tippermetti lill-Ukrajna tiddefendi ruħha b’mod effettiv kontra stat aggressur u tistabbilixxi mill-ġdid kontroll sħiħ fuq it-territorju rikonoxxut internazzjonalment kollu tagħha;
8.Jistieden lill-Istati Membri jneħħu minnufih ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-sistemi ta’ armi tal-Punent fornuti lill-Ukrajna kontra bersalli militari leġittimi fit-territorju Russu, peress li dan ixekkel il-kapaċità tal-Ukrajna li teżerċita bis-sħiħ id-dritt tagħha għall-awtodifiża skont id-dritt internazzjonali pubbliku u tħalli lill-Ukrajna esposta għal attakki fuq il-popolazzjoni u l-infrastruttura tagħha;
9.Jissottolinja li l-konsenji insuffiċjenti ta’ munizzjon u armi u r-restrizzjonijiet fuq l-użu tagħhom jistgħu jimminaw l-isforzi li saru s’issa u jiddeplora bil-qawwa t-tnaqqis fil-volum finanzjarju tal-għajnuna militari bilaterali lill-Ukrajna mill-Istati Membri, minkejja d-dikjarazzjonijiet qawwija li saru fil-bidu ta’ din is-sena; itenni, għalhekk, l-appelli tiegħu lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-impenn tagħhom ta’ Marzu 2023 li jwasslu miljun balla ta’ munizzjon lill-Ukrajna, jaċċeleraw il-kunsinni ta’ armi, b’mod partikolari ta’ sistemi moderni ta’ difiża tal-ajru u ta’ armi u munizzjon oħra skont ħtiġijiet identifikati b’mod ċar, fosthom missili Taurus; jappella għall-implimentazzjoni rapida tal-impenji li saru f’impenji konġunti tas-sigurtà bejn l-UE u l-Ukrajna; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Istati Membri kollha tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom jimpenjaw ruħhom b’mod kollettiv u individwali biex jappoġġjaw lill-Ukrajna b’mod militari b’mhux anqas minn 0,25% tal-PDG tagħhom kull sena;
10.Jissottolinja l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tad-difiża tal-ajru bejn l-Istati Membri biex tiġi żgurata l-protezzjoni mit-theddid li jasal fl-ispazju tal-ajru tal-UE u tan-NATO;
11.Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha f’komunikazzjoni strateġika fl-Istati Membri biex tispjega l-importanza tad-difiża tal-Ukrajna għall-istabbiltà usa’ tal-Ewropa u tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jkunu infurmati tajjeb dwar is-sinifikat ta’ din l-assistenza, kemm għas-sovranità tal-Ukrajna kif ukoll għall-paċi u s-sigurtà madwar l-UE; jilqa’ u jfaħħar l-isforz pubbliku u l-inizjattivi ta’ finanzjament kollettiv taċ-ċittadini f’xi Stati Membri, biex jiżguraw provvista kostanti ta’ armi għall-Ukrajna; iħeġġeġ ukoll inizjattivi simili madwar l-UE biex jitrawmu s-solidarjetà u l-involviment pubbliku f’din il-kawża kritika;
12.Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jissodisfaw l-impenji tad-Dikjarazzjoni ta’ Versailles tal-2022 u jaċċeleraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Boxxla Strateġika billi jsaħħu l-kooperazzjoni militari Ewropea fil-livell industrijali u dak tal-forzi armati, sabiex l-UE ssir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu u aktar kapaċi li jkun interoperabbli u komplementari man-NATO; jenfasizza li għandhom jittieħdu passi konkreti favur l-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-politiki u fil-programmi tal-UE fl-oqsma tad-difiża u ċ-ċibersigurtà matul il-proċess ta’ adeżjoni mal-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jaċċeleraw l-adozzjoni tal-istrateġija tal-industrija tad-difiża Ewropea sabiex jiżguraw id-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom tal-prodotti tad-difiża, li min-naħa tagħhom jippermettu l-għoti f’waqtu ta’ appoġġ militari lill-Ukrajna; jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-impenn tagħhom li jistabbilixxu produzzjoni militari fit-territorju Ukren; jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni mal-industrija tad-difiża Ukrena u l-integrazzjoni tagħha, fit-tul, fil-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża tal-UE;
13.Ifaħħar lill-Grupp ta’ Kuntatt għad-Difiża tal-Ukrajna għar-rwol vitali tiegħu fil-koordinazzjoni tal-appoġġ internazzjonali u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom biex isaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ukrajna;
14.Iħeġġeġ lill-Istati Membri attivament jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Ungeriż biex ittemm l-imblokk tiegħu tal-EPF, inkluż il-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna li għadu kif ġie stabbilit, u b’hekk iżomm il-wegħdiet li saru sa minn Frar 2022 u maqbula mill-Istati Membri kollha;
15.Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru bħala arma tal-gwerra u jenfasizza li dan jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; jistieden lill-pajjiżi ospitanti u ta’ tranżitu jiggarantixxu aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, b’mod partikolari l-kontraċezzjoni ta’ emerġenza, il-profilassi ta’ wara l-esponiment u l-kura f’każ ta’ abort, inkluż għas-superstiti tal-istupru;
16.Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex iżżid l-isforzi biex tindirizza s-sitwazzjoni mwiegħra ta’ dawk deportati bil-forza lejn ir-Russja u t-tfal adottati bil-forza fir-Russja, inkluż billi tissanzjona persuni direttament responsabbli għat-trasferiment furzat u d-detenzjoni mhux ġustifikata tat-tfal Ukreni u persuni involuti fihom;
17.Iħeġġeġ lill-Gvern Ungeriż jirtira d-digriet li jikkanċella l-kenn iffinanzjat mill-Istat għar-rifuġjati mill-Punent tal-Ukrajna u jirrispetta r-responsabbiltajiet tiegħu skont id-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni Temporanja;
18.Jistieden lill-Kunsill iżomm u jestendi l-politika tas-sanzjonijiet tiegħu kontra r-Russja u l-Belarussja u pajjiżi u entitajiet mhux tal-UE li jipprovdu teknoloġiji u tagħmir militari u b’użu doppju lill-kumpless militari Russu, waqt li jagħmel monitoraġġ, rieżami u titjib tal-effikaċja u l-impatt tal-politika; jikkundanna t-trasferiment reċenti ta’ missili ballistiċi mill-Iran lejn ir-Russja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jwessgħu u jsaħħu r-reġim ta’ sanzjonijiet kontra l-Iran u l-Korea ta’ Fuq fid-dawl tal-appoġġ militari ta’ dawn il-pajjiżi għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u jżidu entitajiet u individwi Ċiniżi addizzjonali mal-lista ta’ sanzjonijiet tal-UE minħabba l-appoġġ tagħhom għas-settur tad-difiża u tas-sigurtà tar-Russja; Jissottolinja l-ħtieġa li l-komponenti kritiċi prodotti f’pajjiżi tal-UE ma jitħallewx jaslu għand l-industrija militari Russa u jqis li huwa essenzjali li jissaħħu l-kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-manutenzjoni tat-tagħmir ta’ teknoloġija avvanzata prodott fl-UE, kif ukoll li jiżdiedu l-miżuri tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni biex tiġi prevenuta ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; jistieden lill-Kunsill jindirizza b’mod sistematiku ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet minn kumpaniji bbażati fl-UE, partijiet terzi u Stati mhux tal-UE; jistieden lill-Kunsill ifassal reġim ta’ sanzjonijiet orizzontali ġdid biex jiġġieled din iċ-ċirkomvenzjoni, li jirrikjedi strument aktar ġenerali u applikabbli b’mod olistiku biex tiġi mmirata ċ-ċirkomvenzjoni fir-reġimi kollha implimentati mill-UE; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jindirizzaw, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-komponenti ddisinjati mill-Punent li qed jintużaw f’armi u tagħmir militari Russi;
19.Jenfasizza li l-impatt tas-sanzjonijiet eżistenti, u l-appoġġ finanzjarju u militari lill-Ukrajna, se jkomplu jiġu mminati sakemm l-UE tibqa’ tippermetti l-importazzjoni ta’ fjuwils fossili Russi; jitlob projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ ċereali, potassa u fertilizzanti Russi, kif ukoll materja prima, inklużi l-aluminju, il-prodotti tal-azzar, l-uranju, it-titanju, in-nikil, l-injam u l-prodotti tal-injam, u l-gass u ż-żejt; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintroduċu projbizzjoni sħiħa fuq prodotti taż-żejt raffinat Russi esportati mill-ġdid; jappella, barra minn hekk, għall-implimentazzjoni ta’ dokumentazzjoni tar-“regoli tal-oriġini”, li tiżgura l-oriġini vera tal-prodotti taż-żejt importati fl-UE;
20.Jistieden lill-pajjiżi tal-G7 jinfurzaw b’mod aktar effettiv il-limitu massimu tal-prezz impost fuq iż-żejt Russu li jinġarr bil-baħar u jrażżnu l-lakuni użati mir-Russja biex tippakkja mill-ġdid u tbigħ iż-żejt tagħha bil-prezzijiet tas-suq; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jeżerċitaw kontroll strett fuq il-“flotta mistura” tar-Russja, li, minbarra li tikser is-sanzjonijiet tal-UE u tal-G7, toħloq theddida ekoloġika enormi għall-ekosistema bħala riżultat tan-nuqqasijiet tekniċi u l-ħsarat frekwenti tagħha;
21.Jitlob embargo sħiħ fuq il-gass naturali likwifikat Russu u sanzjonijiet kontra Gazprom u kumpaniji taż-żejt Russi; jistieden lill-UE timponi r-rekwiżit li l-bastimenti tal-klassi tas-silġ Arc-7 li jesportaw il-gass naturali likwifikat Russu jiġu inklużi fil-listi ta’ sanzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Istati Uniti għall-Kontroll tal-Assi Barranin u tal-UE, filwaqt li ċċaħħadhom mill-aċċess għall-portijiet jew għas-servizzi marittimi tal-Punent; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimponu sanzjonijiet immirati fuq bastimenti marittimi użati mir-Russja biex jevitaw is-sanzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet taż-żejt u tal-gass tagħha u l-manutenzjoni tal-proġetti tal-enerġija tagħha fl-Artiku;
22.Jappella għal sanzjonijiet fuq is-settur nukleari tar-Russja u sanzjonijiet immirati kontra l-awturi ta’ ksur tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Zaporizhzhia;
23.Jikkundanna l-għadd dejjem jikber ta’ attakki ibridi mwettqa mir-Russja kontra l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi kandidati, bl-għan li ddgħajjef l-appoġġ Ewropew għall-Ukrajna permezz tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni, is-sabotaġġ, it-tentattivi ta’ destabbilizzazzjoni moħbija u l-korruzzjoni; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu b’mod strateġiku u proattiv sabiex jiġġieldu t-theddid ibridu, isaħħu l-komunikazzjoni strateġika tal-UE u jipprevjenu l-indħil tar-Russja fil-proċessi politiċi, elettorali u demokratiċi oħra fl-UE u fil-viċinat tagħha;
24.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, lill-Gvern Russu, u lin-Nazzjonijiet Uniti.
Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20ta’Lulju2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/55/oj).
Is-sitwazzjoni fil-Venezwela
140k
51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2024 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela ()
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,
–wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,
–wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tal-1961, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963 u l-Konvenzjoni ta’ Caracas dwar l-Ażil Diplomatiku tal-1954,
–wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),
–wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-31 ta’ Lulju u tat-12 ta’ Awwissu 2024 tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-3 ta’ Settembru 2024 dwar il-“klima ta’ biża’” fil-Venezwela,
–wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Panel ta’ Esperti tan-NU dwar l-elezzjoni presidenzjali tal-Venezwela tat-28 ta’ Lulju 2024, ippubblikat fid-9 ta’ Awwissu 2024,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) tad-29 ta’ Lulju 2024 dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Venezwela,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-4 u tal-24 ta’ Awwissu 2024 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,
–wara li kkunsidra l-Ftehim Parzjali dwar il-Promozzjoni tad-Drittijiet Politiċi u l-Garanziji Elettorali għal Kulħadd, iffirmat mir-reġim ta’ Nicolás Maduro u l-alleanza tal-oppożizzjoni Venezwelana, il-Pjattaforma Unitarja, f’Ottubru 2023 (il-Ftehim ta’ Barbados),
–wara li kkunsidra r-rapport tad-Dipartiment tal-Kooperazzjoni u l-Osservazzjoni Elettorali tas-Segretarjat tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) għat-Tisħiħ tad-Demokrazija, tat-30 ta’ Lulju 2024, dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Venezwela,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Awwissu 2024 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Carter Center tat-30 ta’ Lulju 2024 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela,
–wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE fil-Venezwela tat-22 ta’ Frar 2022 bit-titolu “Elezzjonijiet reġjonali u muniċipali 21 ta’ Novembru 2021” u d-dikjarazzjoni tal-President tad-Delegazzjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2021 dwar l-elezzjonijiet reġjonali u lokali fil-Venezwela fl-2021,
–wara li kkunsidra l-Artikolu136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi fit-28 ta’ Lulju 2024, saret elezzjoni presidenzjali fil-Venezwela biex jintgħażel president għal mandat ta’ sitt snin li jibda fl-10 ta’ Jannar 2025; billi din l-elezzjoni kienet tirrappreżenta opportunità unika biex il-pajjiż jimxi minn awtokrazija korrotta għal ritorn għad-demokrazija li kieku l-punti kollha tal-Ftehim ta’ Barbados ġew irrispettati;
B.billi r-reġim ta’ Nicolás Maduro kontinwament iffastidja, ippersegwita u ċċensura l-attivisti, il-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qalba ta’ kriżi soċjoekonomika, politika u umanitarja li għaddejja, ikkaratterizzata minn iperinflazzjoni, ġuħ dejjem akbar, mard, livelli għoljin ta’ korruzzjoni, kriminalità u impunità, ksur flagranti tad-drittijiet tal-bniedem u rati jiżdiedu ta’ mortalità, wasslet għall-emigrazzjoni tal-massa ta’ aktar minn 7,7miljun Venezwelan li qed jippruvaw jaħarbu mit-tirannija; billi hemm nuqqasijiet sinifikanti fis-servizzi pubbliċi u qed isir dejjem aktar diffiċli għall-Venezwelani biex jaċċessaw l-ikel u l-mediċina; billi din il-kriżi hija waħda mill-akbar kriżijiet ta’ spostament fid-dinja;
C.billi għal snin sħaħ, l-użu ta’ detenzjonijiet arbitrarji politikament motivati kien parti minn politika ta’ repressjoni implimentata mir-reġim ta’ Maduro u minn attakk mifrux u sistematiku kontra l-popolazzjoni tal-Venezwela; billi kien hemm restrizzjonijiet sistematiċi fuq l-informazzjoni pubblika, il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni u d-dritt għal għaqda paċifika, b’mod partikolari għad-dissidenti tar-reġim, għall-membri tat-trade unions, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà;
D.billi fis-17 ta’ Ottubru 2023, fil-Venezwela, rappreżentanti tar-reġim ta’ Maduro u tal-alleanza tal-oppożizzjoni Pjattaforma Unitarja ffirmaw żewġ ftehimiet, magħrufa bħala l-Ftehimiet ta’ Barbados, li jkopru kwistjonijiet li jinkludu l-promozzjoni tad-drittijiet politiċi, garanziji elettorali għal kulħadd, ir-rispett tad-dritt tal-atturi politiċi kollha li jagħżlu l-kandidat tagħhom għall-elezzjonijiet presidenzjonali liberament, u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi; billi dawn il-ftehimiet koprew suġġetti importanti bħall-fatt li osservaturi internazzjonali jitħallew jipparteċipaw fil-proċess elettorali; billi l-ftehimiet ġew iffirmati biex iservu bħala l-ewwel pass biex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-Venezwela; billi l-priġunieri politiċi ma nħelsux, minkejja li din kienet kundizzjoni espliċita tal-Ftehim ta’ Barbados;
E.billi María Corina Machado ġiet eletta bħala l-kandidat tal-oppożizzjoni għar-reġim fl-elezzjonijiet primarji tal-Pjattaforma Unitarja fl-2023 bi 92,35% tal-vot; billi r-reġim ta’ Maduro skwalifikaha mill-toħroġ għall-elezzjoni għal raġunijiet arbitrarji u politiċi, bi ksur flagranti tal-Ftehim ta’ Barbados; billi r-reġim ta’ Maduro skwalifika diversi politiċi oħra tal-oppożizzjoni matul is-snin biex jipprevjeni bidla politika; billi meta ġiet skwalifikata, María Corina Machado żammet l-għaqda tal-oppożizzjoni demokratika għar-reġim billi appoġġjat lil kandidat ġdid, Corina Yoris, li wkoll ma ġietx awtorizzata tirreġistra; billi finalment Edmundo González Urrutia ntgħażel bħala l-kandidat tal-oppożizzjoni demokratika għar-reġim;
F.billi qabel l-elezzjoni, ir-reġim, lill-attivisti tal-oppożizzjoni u lit-tim tal-kampanja tal-mexxejja tal-oppożizzjoni María Corina Machado u tal-kandidat presidenzjali Edmundo González, ippersegwitahom, ħatafhom, arrestahom u tefagħhom il-ħabs bla heda, u dan ikkriminalizza l-ħidma tal-avukati, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-atturi tas-soċjetà ċivili; billi ġew irrapportati bosta irregolaritajiet u każijiet ta’ ksur elettorali, inklużi l-iskwalifika ta’ madwar 16-il partit politiku, ostakli għar-reġistrazzjoni ta’ kandidati presidenzjali, skadenzi qosra għar-reġistrazzjoni tal-votanti u nuqqas ta’ uffiċċji ta’ reġistrazzjoni, informazzjoni pubblika mill-inqas possibbli, ostakli għall-votanti barra l-pajjiż; billi skont iċ-ċifri li pprovda r-reġim, 69211-il Venezwelan biss li jgħixu barra mill-pajjiż setgħu jirreġistraw biex jivvutaw, għalkemm huwa stmat li nofs is-7,7 miljun Venezwelan li jgħixu barra mill-pajjiż għandhom l-età tal-vot;
G.billi mill-20 ta’ Marzu 2024, sitt kollaboraturi mill-qrib ta’ Vente Venezuela fittxew rifuġju fl-ambaxxata Arġentina f’Caracas, fejn għadhom qed jiffaċċjaw pressjoni u fastidju dejjem akbar mill-forzi tas-sigurtà Venezwelani;
H.billi fit-28 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) ikkontrollat mir-reġim irrevoka l-istedina mibgħuta lill-UE biex tosserva l-elezzjoni; billi bosta delegazzjonijiet internazzjonali li ġew mistiedna mill-oppożizzjoni demokratika għar-reġim, il-Comando Nacional de Campaña Con VZLA, ma tħallewx jidħlu fil-pajjiż jew tkeċċew, inklużi delegazzjoni ta’ membri ta’ grupp politiku tal-Parlament Ewropew u ħames ex presidenti ta’ pajjiżi tal-Amerka Latina;
I.billi l-elezzjoni tat-28 ta’ Lulju 2024 seħħet f’ambjent primarjament paċifiku u l-poplu Venezwelan ħareġ jivvota bi ħġaru, u wera mġiba ċivika u demokratika liema bħalha minkejja l-isforzi kostanti mir-reġim biex ifixkel il-proċess elettorali; billi ġew iddokumentati bosta rapporti ta’ restrizzjonijiet tal-aċċess għal ħafna postijiet tal-votazzjoni għall-osservaturi lokali u l-osservaturi tal-partit tal-oppożizzjoni; billi ġie rrapportat ukoll li saret pressjoni fuq il-votanti permezz ta’ punti ta’ kontroll stabbiliti mir-reġim f’bosta postijiet tal-votazzjoni; billi ġew żvelati irregolaritajiet kbar fil-lejl tal-elezzjoni u ġiet interrotta t-trażmissjoni tar-riżultati tal-għadd uffiċjali tal-voti mill-postijiet tal-votazzjoni lis-CNE meta madwar 30% tar-reġistri elettorali (actas) kienu disponibbli;
J.billi l-ftit missjonijiet ta’ osservazzjoni kredibbli u independenti li rnexxielhom josservaw l-elezzjoni – timijiet min-NU u l-Carter Center – irrapportaw li “l-elezzjoni presidenzjali 2024 tal-Venezwela ma ssodisfatx l-istandards internazzjonali ta’ integrità elettorali ma tistax titqies bħala demokratika”, li “ma jistgħux jivverifikaw jew jikkorroboraw ir-riżultati tal-elezzjoni ddikjarati mis-CNE kkontrollat mir-reġim”, u li “n-nuqqas tal-awtorità elettorali li tħabbar riżultati diżaggregati skont il-post tal-votazzjoni jikkostitwixxi ksur serju tal-prinċipji elettorali”; billi r-rapport tal-panel ta’ esperti tan-NU ddikjara li d-dikjarazzjoni prematura ta’ rebbieħ “ma kellha ebda preċedent fl-elezzjonijiet demokratiċi kontemporanji”, u li l-proċess elettorali kien nieqes minn “trasparenza u integrità bażiċi”; billi l-elezzjoni la kienet ħielsa u lanqas ġusta;
K.billi wara li l-votazzjoni ngħalqet, is-CNE kkontrollat mir-reġim irrifjuta li jippubblika r-rekord uffiċjali tal-karti tal-għadd tal-voti, iffalsifika r-riżultati tal-elezzjoni, u ħabbar ir-rebħa falza ta’ Maduro, u li dan jikkostitwixxi ksur serju tal-prinċipji elettorali; billi dan fisser li l-komunità internazzjonali ma setgħetx tivverifika jew tikkorrobora r-riżultati mħabbra mis-CNE; billi l-proċess ta’ ġestjoni tar-riżultati tas-CNE għalhekk ma laħaqx il-miżuri bażiċi ta’ trasparenza u integrità li huma essenzjali biex isiru elezzjonijiet kredibbli;
L.billi l-oppożizzjoni demokratika għar-reġim irnexxielha tikseb 83,5% tal-karti uffiċjali tal-għadd tal-voti u wriet b’mod kredibbli li r-rebbieħ tal-elezzjoni kien Edmundo González Urrutia, b’67,08% tal-voti mitfugħa; billi r-rapport interim tal-Panel ta’ Esperti tan-NU dwar l-elezzjoni jikkonferma l-awtentiċità tad-dokumenti ppubblikati mill-oppożizzjoni;
M.billi l-UE u pajjiżi demokratiċi u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali oħra ma rrikonoxxewx l-elezzjoni jew l-eżitu tagħha;
N.billi wara l-elezzjoni, saru protesti paċifiċi fil-pajjiż kollu bħala kontestazzjoni għall-frodi elettorali mir-reġim ta’ Maduro; billi r-reġim irreaġixxa għal dawn il-protesti bi vjolenza u repressjoni estremi, u dan wassal biex mietu aktar minn 23 ruħ, filwaqt li aktar minn 2400 ruħ ġew arrestati jew għebu bil-forza, inklużi madwar 120 tifel u tifla;
O.billi María Corina Machado kellha tmur toqgħod f’post sigriet minħabba l-biża’ ta’ ritaljazzjonijiet mir-reġim ta’ Maduro, u Edmundo González Urrutia kellu jeżilja ruħu wara li nħareġ mandat ta’ arrest kontrih u wara li sar theddid serju fuq ħajtu u fuq ħajjet qrabatu; billi l-mandat tal-Prosekutur ĠԱ, Tarek William Saab, sadanittant skada; billi sa mill-5 ta’ Awwissu 2024, infetħet investigazzjoni kriminali fil-Venezwela kontra González u Machado talli ħabbru rebbieħ tal-elezzjoni li ma kienx Maduro u allegatament instigaw diżubbidjenza u ribelljoni;
P.billi fl-14 ta’ Settembru 2024, ir-reġim Venezwelan ħabbar li żamm f’detenzjoni lil sitt ċittadini barranin, inklużi tliet ċittadini tal-UE (Ċek u żewġ Spanjoli), abbażi tar-raġunijiet dubjużi li kienu qed jikkonfoffaw biex “jiddestabbilizzaw” il-pajjiż; billi l-uffiċjali tar-reġim ifformulaw akkużi estremament serji u manifestament fittizji ta’ “interferenza” Spanjola permezz tal-aġenzija nazzjonali tal-intelligence tagħha;
Q.billi f’nofs Awwissu, ir-reġim Venezwelan keċċa l-missjonijiet diplomatiċi ta’ seba’ nazzjonijiet tal-Amerka Latina – l-Arġentina, iċ-Ċilì, il-Costa Rica, il-Perù, il-Panama, ir-Repubblika Dominicana u l-Urugwaj – li kienu esprimew tħassib dwar ir-riżultati mħabbra;
1.Jeżiġi li l-awtoritajiet elettorali tal-Venezwela jippubblikaw ir-riżultati tal-voti sħaħ, trasparenti u dettaljati, inklużi r-riżultati għal kull post tal-votazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jirrispettaw ir-riżultati tal-elezzjoni u r-rieda tal-poplu Venezwelan;
2.Jirrikonoxxi lil Edmundo González Urrutia bħala l-President leġittimu u elett demokratikament tal-Venezwela; jirrikonoxxi wkoll lil María Corina Machado bħala l-mexxejja tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela, peress li ġiet eletta fl-elezzjonijiet primarji tal-Pjattaforma Unitarja fl-2023 bi 92,35% tal-vot;
3.Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-president leġittimu u elett demokratikament jista’ jieħu l-kariga fl-10 ta’Jannar 2025, f’konformità mal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;
4.Jikkundanna bil-qawwa u jirrifjuta bis-sħiħ il-frodi elettorali orkestrata mis-CNE kkontrollat mir-reġim, li rrifjuta li jippubblika r-riżultat uffiċjali billi jippubblika l-karti tal-għadd tal-voti ta’ kull post tal-votazzjoni, minkejja appelli ripetuti mill-komunità internazzjonali; jenfasizza li r-reġim Venezwelan naqas milli jirrispetta l-Ftehim ta’ Barbados fir-rigward tal-elezzjoni presidenzjali, li jagħmilha impossibbli li jiġu organizzati elezzjonijiet ħielsa u ġusti;
5.Jinnota li rapporti minn missjonijiet internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali jiddikjaraw b’mod ċar li l-elezzjoni presidenzjali Venezwelana tat-28 ta’ Lulju 2024 ma ssodisfatx l-istandards internazzjonali ta’ integrità elettorali; itenni li s-CNE kkontrollat mir-reġim naqas milli jippubblika reġistri elettorali (actas) kompluti u verifikabbli b’mod indipendenti mill-postijiet tal-votazzjoni kollha tal-pajjiż;
6.Jisħaq, b’mod partikolari, li r-rapport interim tal-Panel ta’ Esperti tan-NU, li s-CNE kkontrollat mir-reġim tal-Venezwela kien stieden biex jivvaluta t-tmexxija ġenerali tal-elezzjoni fil-qafas tal-Ftehim ta’ Barbados, enfasizza li r-riżultati mħabbra ma kinux sostanzjati; ifakkar li l-Panel ta’ Esperti tan-NU rrieżamina kampjun tar-reġistri elettorali (actas) ippubblikati mill-oppożizzjoni u kkonferma li dawn juru l-karatteristiċi ta’ sigurtà kollha tal-protokolli tar-riżultat oriġinali, li jagħti prova tal-affidabbiltà tagħhom;
7.Itenni li r-rispett lejn ir-rieda tal-poplu Venezwelan, kif espressa fl-elezzjoni, jibqa’ l-uniku mod biex il-Venezwela tirrestawra d-demokrazija, jippermetti tranżizzjoni paċifika u ġenwina u jsolvi l-kriżi umanitarja u soċjoekonomika attwali;
8.Jissottolinja u jilqa’ r-rwol li qed jaqdu l-Gvernijiet tal-Brażil, tal-Kolombja u tal-Messiku; jappoġġja l-isforzi kollha li qed isiru mill-komunità internazzjonali biex tinstab soluzzjoni paċifika, inklużiva u demokratika għall-kriżi li għaddejja fil-Venezwela; jappoġġja l-isforzi li saru mill-pajjiżi ġirien tal-Venezwela biex jindirizzaw l-għadd kbir ta’ rifuġjati li qed jaħarbu mill-Venezwela;
9.Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, il-qtil, il-fastidju, il-ksur u l-arresti li twettqu kontra l-oppożizzjoni demokratika għar-reġim, il-poplu tal-Venezwela u s-soċjetà ċivili; jappella biex tintemm ix-xejra sistematika tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jeżiġi l-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġuniera politiċi u tal-persuni kollha detenuti għal raġunijiet arbitrarji, u li jingħata kumpens lilhom u lill-familji tagħhom, filwaqt li jerġgħu jiġu stabbiliti d-drittijiet ċivili u politiċi sħaħ tagħhom; jeżiġi li l-gvern ta’ Maduro jieqaf bil-politika tiegħu ta’ repressjoni u attakki fuq is-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni;
10.Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI u tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni tan-NU dwar ir-reati u l-atti ta’ repressjoni estensivi min-naħa tar-reġim Venezwelan u jappella lill-UE tappoġġja l-investigazzjonijiet li bħalissa qed jiġu kkunsidrati skont l-Istatut ta’ Ruma dwar l-allegati delitti kontra l-umanità, biex dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom;
11.Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jadotta, fis-57 sessjoni tiegħu (mid-9 ta’ Settembru sad-9 ta’ Ottubru 2024), riżoluzzjoni li ġġedded il-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni tan-NU dwar il-Venezwela u l-preżenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) fil-Venezwela; jappella għar-ritorn immedjat tal-OHCHR lejn il-Venezwela u jħeġġeġ lill-Venezwela tiżgura li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu fis-seħħ biex l-OHCHR jeżerċita bis-sħiħ il-mandat tiegħu;
12.Jappella lill-QKI tinkludi l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem u d-detenzjonijiet arbitrarji fl-investigazzjonijiet tagħha dwar l-allegati delitti kontra l-umanità mwettqa mir-reġim ta’ Maduro u biex dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom;
13.Jikkundanna bil-qawwi l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest tal-Gvern Venezwelan għal Edmundo González; jissottolinja d-deċiżjoni tal-Gvern Spanjol li jilqa’ lis-Sur González fi Spanja bil-għan li joffrilu ażil politiku fuq talba tiegħu, peress li dan se jagħmilha possibbli li huwa jiġi protett kif ukoll li tinżamm perspettiva vijabbli għal riżoluzzjoni għall-impass politiku;
14.Ifakkar li f’Mejju 2024, l-UE neħħiet is-sanzjonijiet tagħha kontra l-membri tas-CNE, bħala ġest ta’ rieda tajba; jissottolinja li din l-azzjoni ma kellha ebda effett pożittiv; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jerġgħu jistabbilixxu dawn is-sanzjonijiet kontra l-membri tas-CNE; jappella wkoll biex is-sanzjonijiet fuq ir-reġim u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jiġu estiżi sabiex jiġu applikati sanzjonijiet immirati permezz tar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem kontra Nicolás Maduro u ċ-ċirku ta’ ġewwa tiegħu, inkluż Jorge Rodríguez, il-familji tagħhom, u dawk kollha responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;
15.Jiddeplora l-fatt li ma ġiet implimentata l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin mir-rapport finali tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE dwar l-elezzjonijiet tal-2021; jikkundanna d-deċiżjoni tas-CNE li jirrevoka l-istedina lill-UE biex tibgħat missjoni ta’ osservazzjoni elettorali; jikkundanna wkoll id-deċiżjoni tar-reġim li jimpedixxi l-aċċess tal-osservaturi internazzjonali mistiedna mill-oppożizzjoni demokratika għar-reġim, il-Comando Nacional de Campaña Con VZLA, għal jum l-elezzjoni, jew li jkeċċihom;
16.Iħeġġeġ lill-atturi reġjonali u lill-komunità internazzjonali jagħmlu l-pressjoni kollha li jistgħu fuq ir-reġim ta’ Maduro u fuq iċ-ċirku ta’ ġewwa ta’ Maduro biex jaċċettaw ir-rieda demokratika tal-poplu tal-Venezwela, u jirrikonoxxu lil Edmundo González Urrutia bħala l-President leġittimu u elett demokratikament tal-Venezwela; huwa konvint li jekk, fl-10 ta’ Jannar 2025, ma jseħħux trasferiment paċifiku tal-poter u l-istabbiliment mill-ġdid tad-demokrazija, se jseħħ eżodu migratorju mill-ġdid lejn pajjiżi oħra fir-reġjun, simili għal dak li wassal biex kważi 8 miljun Venezwelan jaħarbu mill-pajjiż f’dawn l-aħħar snin;
17.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parteċipanti fis-Summit bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lis-Segretarju ĠԱ tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-awtoritajiet tar-reġim tal-Venezwela.
L-għargħar devastanti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, it-telf ta’ ħajjiet u t-tħejjija tal-UE biex taġixxi fir-rigward ta’ diżastri bħal dawn li huma aggravati mit-tibdil fil-klima
174k
54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2024 dwar l-għargħar devastanti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, it-telf ta’ ħajjiet u t-tħejjija tal-UE biex taġixxi fir-rigward ta’ diżastri bħal dawn li huma aggravati mit-tibdil fil-klima ()
–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, u b’mod partikolari l-Ftehim ta’ Pariġi tagħha tal-2015, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016,
–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika,
–wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU,
–wara li kkunsidra l-Kontroll tal-Idoneità tal-2019 għad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tal-Kummissjoni, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, id-Direttiva dwar l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Għargħar (SWD(2019)0439),
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2021 bit-titolu “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” (),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima(1),
–wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 2023 dwar l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ adattament tal-Istati Membri,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Settembru 2022 dwar il-konsegwenzi tan-nixfiet, tan-nirien u ta’ fenomeni meteoroloġiċi estremi oħra: żieda tal-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima(2),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2023 dwar Jum Ewropew għall-vittmi tal-kriżi klimatika globali(3),
–wara li kkunsidra r-Rapport Nru 1/2024 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tal-11 ta’ Marzu 2024 bit-titolu “The European Climate Risk Assessment” (Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa),
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Marzu 2024 bit-titolu “Il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi – nipproteġu l-poplu u l-prosperità” (),
–wara li kkunsidra r-Rapport 3/2024 tal-EEA tal-15 ta’ Mejju 2024 bit-titolu “Responding to climate change impacts on human health in Europe: focus on floods, droughts and water quality” (Rispons għall-impatti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tal-bniedem fl-Ewropa: enfasi fuq l-għargħar, in-nixfiet u l-kwalità tal-ilma),
–wara li kkunsidra r-rapport finali tad-Djalogu dwar ir-Reżiljenza għall-Klima, ippubblikat f’Lulju2024,
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29ta’Mejju2024 dwar l-evalwazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili – Tisħiħ tat-tħejjija tal-UE għall-emerġenzi (),
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-18ta’Settembru2024 dwar l-għargħar devastanti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, it-telf ta’ ħajjiet u t-tħejjija tal-UE biex taġixxi fir-rigward ta’ diżastri bħal dawn li huma aggravati mit-tibdil fil-klima,
–wara li kkunsidra l-Artikolu136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi x-xita qawwija u l-irjieħ qawwija kellhom impatt fuq l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, b’mod partikolari l-Awstrija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Ungerija, u kkawżaw għargħar li rriżulta f’vittmi umani u ħsara fuq skala kbira; billi parti sinifikanti mit-territorji tagħhom ġiet affettwata, b’mod partikolari, reġjuni inqas żviluppati b’infrastruttura u reġjuni agrikoli aktar dgħajfa;
B.billi avvenimenti individwali ta’ temp estrem ma jistgħux jiġu attribwiti direttament lil kawża speċifika; billi, skont il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa (EUCRA), huwa ċar li l-kriżi klimatika qed twassal għal avvenimenti ta’ temp estrem aktar frekwenti u intensi bħal għargħar, maltempati u mewġiet ta’ sħana, li jagħmlu l-preċipitazzjoni u l-maltempati aktar severi, il-mewġiet ta’ sħana aktar sħan u n-nixfiet aktar xotti;
C.billi l-ewwel EUCRA u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi – nipproteġu l-poplu u l-prosperità” jindikaw li l-Ewropa hija l-kontinent bl-aktar tisħin rapidu fid-dinja u fenomeni severi bħan-nirien fis-selvaġġ, in-nixfiet u l-għargħar qed isiru dejjem aktar frekwenti madwar l-Ewropa bħala riżultat tal-effetti tat-tibdil fil-klima; billi t-temperatura medja fuq l-art Ewropea fis-sajf tal-2024 kienet l-ogħla rrekordjata għall-istaġun, b’1,54°C ogħla mill-medja tal-1991-2020, u b’hekk qabżet ir-rekord preċedenti mill-2022(4); billi dan immarka perjodu ta’ 14-il xahar li matulu t-temperatura medja globali tal-arja tal-wiċċ qabżet b’1.5°C il-livelli preindustrijali;
D.billi f’dawn l-aħħar 30sena biss, l-għargħar madwar l-Ewropa affettwa 5,5miljun persuna, bi kważi 3000ħajja mitlufa, u kkawża aktar minn EUR170biljun fi ħsara ekonomika; billi t-tibdil fil-klima qed iżid b’mod sinifikanti r-riskji ta’ għargħar madwar l-Ewropa(5);
E.billi f’xi partijiet tar-reġjuni milquta tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, tliet kwarti tal-preċipitazzjoni annwali medja niżlet f’erbat ijiem biss; billi kooperazzjoni effettiva u kkoordinata bejn is-servizzi ta’ salvataġġ u l-iskambju transfruntier rapidu ta’ riżorsi u għarfien espert salvaw il-ħajjiet u evitaw ħsara agħar; billi l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE, il-ġbir flimkien tar-riżorsi u l-iskambju tal-aħjar prattiki huma essenzjali biex l-għajnuna f’każ ta’ diżastru tirnexxi;
F.billi diversi Stati Membri attivaw is-servizzi ta’ mmappjar rapidu satellitari ta’ Copernicus matul l-għargħar ta’ Settembru 2024 (il-Ġermanja, il-Polonja, is-Slovakkja, ir-Rumanija u l-Ungerija);
G.billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2024 li tevalwa l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) tidentifika l-ħtiġijiet u l-isfidi li qed tiffaċċja l-protezzjoni ċivili fl-Ewropa u tipprovdi rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb l-effettività tal-UCPM; billi din il-komunikazzjoni tisħaq ukoll fuq l-isfidi u t-theddid dejjem aktar kumplessi u diversi li qed tiffaċċja l-UE, li jinkludu l-għadd dejjem jikber ta’ kunflitti u, kemm id-diżastri kkawżati mill-bniedem kif ukoll dawk naturali, bħal avvenimenti ta’ temp estrem, flimkien ma’ riskji għas-sigurtà li qed jevolvu, u turi kif dawn l-iżviluppi jpoġġu pressjoni sinifikanti fuq il-qafas tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u l-effettività operazzjonali tal-UCPM;
H.billi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) inħoloq wara l-“Għargħar tal-Millennju” li affettwa l-istess reġjun fl-1997 u fl-2002; billi, anke bir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), il-baġit tal-FSUE għadu insuffiċjenti biex jagħti rispons adegwat għal diżastri naturali kbar u biex joffri s-solidarjetà Ewropea mar-reġjuni milquta minn diżastri;
I.billi d-diżastri naturali għandhom impatt negattiv fit-tul fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali f’żoni, f’reġjuni u fi Stati Membri differenti tal-UE;
J.billi, minħabba l-enfasi reġjonali tagħha, l-approċċ ibbażat fuq il-post, l-ippjanar strateġiku u l-mudell ta’ implimentazzjoni effettiv, il-politika ta’ koeżjoni għandu jkollha rwol ewlieni fil-prevenzjoni tad-diżastri, l-irkupru minn xokkijiet simmetriċi u asimmetriċi, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; billi sabiex dawn l-isfidi jiġu indirizzati b’mod effettiv, huwa essenzjali li l-QFP futur jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiżgura baġit adegwat;
K.billi s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura huma essenzjali għall-prevenzjoni ta’ diżastri relatati mat-temp ikkawżati mill-klima; billi l-pjanuri tal-għargħar u l-foresti, il-ħamrija u l-art moxa b’saħħithom, l-artijiet mistagħdra u t-torbieri, u ż-żoni ekoloġiċi naturali fil-bliet u fil-kampanja jaġixxu bħala lqugħ kontra l-impatti klimatiċi billi jżommu l-ilma u jtaffu l-effetti tal-għargħar u tan-nixfiet;
L.billi r-riċerka dwar ir-riskji tal-għargħar u l-indirizzar tagħhom jirrikjedu approċċ olistiku, li jqis diversi fatturi, inklużi l-industrija, it-trasport, il-prassi tas-sottoskrizzjoni tal-assigurazzjoni, l-ippjanar tal-użu tal-art u d-distribuzzjoni storika tal-pjanuri tal-għargħar, it-tibdil demografiku, l-obbligazzjoni finanzjarja u aspetti rilevanti oħra; billi l-EEA indikat li l-gruppi u r-reġjuni vulnerabbli huma affettwati b’mod aktar sever mill-għargħar u minn estremitajiet oħra tat-temp;
ĠԱ
1.Iwassal l-aktar simpatija profonda u s-solidarjetà tiegħu lill-vittmi, lill-familji tagħhom u lin-nies u l-komunitajiet affettwati mill-avvenimenti ta’ temp estrem li għaddejjin bħalissa u l-għargħar sever fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, inkluż fl-Awstrija, fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovakkja u fl-Ungerija;
2.Ifaħħar l-isforzi bla heda u l-impenn tad-dipartimenti tat-tifi tan-nar professjonali u volontarji, l-organizzazzjonijiet tas-salvataġġ, il-voluntiera u l-militar fil-pajjiżi affettwati mill-għargħar u minn diżastri naturali oħra mal-Ewropa kollha, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u l-membri tal-pubbliku li rriskjaw ħajjithom biex isalvaw lil ħaddieħor u jipproteġu d-djar u l-infrastruttura; jisħaq li s-servizzi ta’ emerġenza kellhom rwol kruċjali biex isalvaw il-ħajjiet, jevakwaw żoni vulnerabbli u jipproteġu l-proprjetà f’kundizzjonijiet spiss diffiċli, u li l-isforzi bla heda u r-rieda tagħhom li jaġixxu, anke filwaqt li jirriskjaw ħajjithom, kellhom rwol kruċjali biex illimitaw id-diżastru;
3.Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-intensità u l-frekwenza dejjem akbar ta’ avvenimenti ta’ temp estrem fl-UE u madwar id-dinja, inklużi preċipitazzjoni estrema u għargħar fuq skala kbira, mewġiet ta’ sħana u nirien fis-selvaġġ, u wkoll dwar l-impatti serji u diretti tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, l-għajxien, l-akkomodazzjoni, l-infrastruttura, l-ekonomija, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u l-ekosistemi; jissottolinja r-rabta bejn it-tibdil fil-klima u l-avvenimenti ta’ temp estrem u jenfasizza l-importanza li din ir-rabta tiġi indirizzata b’mod effettiv u koerenti billi jissaħħaħ ir-rispons kollettiv fil-livell tal-UE u dak internazzjonali permezz ta’ protezzjoni ċivili effettiva u miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u adattament għalih, sabiex jiġu protetti n-nies, l-għajxien tagħhom, l-ekonomija u l-ekosistemi;
4.Jisħaq li biex l-għan fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi jkun jista’ jintlaħaq hemm bżonn ta’ sforz kollettiv u azzjoni ulterjuri mill-pajjiżi kollha involuti; iħeġġeġ lill-partijiet kollha għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, fosthom l-UE, isegwu l-isforzi globali miftiehma fid-deċiżjoni ta’ rendikont globali permezz tal-implimentazzjoni ambizzjuża u ż-żieda fil-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali f’konformità mal-għan fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi; ifakkar li l-UE, f’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, jeħtiġilha tkompli bl-isforzi tagħha għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima biex jintlaħaq dan l-għan fit-tul, u għall-adattament biex titrawwem ir-reżiljenza;
Protezzjoni ċivili u finanzjament għal għajnuna f’każ ta’ diżastru
Protezzjoni ċivili
5.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu lesti jappoġġjaw kwalunkwe Stat Membru li jitlob assistenza ta’ emerġenza fl-ambitu tal-UCPM mingħajr dewmien; jilqa’ l-wegħda tal-Gvern Ukren li jappoġġja lill-UE b’persunal u tagħmir ta’ servizz ta’ emerġenza;
6.Jissottolinja l-ħtieġa li l-UCPM jingħata riżorsi suffiċjenti u aġġornati sabiex iżid it-tħejjija u jtejjeb il-bini tal-kapaċitajiet; jiddispjaċih, għalhekk, dwar it-tnaqqis fil-baġit ta’ EUR37miljun (f’impenji) u ta’ EUR154,9miljun (f’pagamenti) għall-UCPM (rescEU); jappella biex jiġu allokat aktar finanzjament għal-linji baġitarji rilevanti u fil-QFP li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-integrazzjoni tat-tnaqqis u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri fil-programmi ta’ finanzjament rilevanti tal-UE, meta jitqies li l-fondi kollha minfuqa f’dan il-qasam se jipprevjenu nefqa sinifikanti fuq ir-rispons u l-bini mill-ġdid;
7.Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tagħha mill-komunikazzjoni tagħha tad-29 ta’ Mejju 2024 u tagħmel proposti konkreti biex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ rispons operazzjonali tal-UCPM; jistieden lill-Kummissjoni tlesti malajr ir-rieżami ppjanat tagħha tal-UCPM, inkluż iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza tiegħu, fl-ewwel sena tal-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida, u tippreżenta miżuri konkreti għal aktar tisħiħ u żvilupp tal-kapaċità kollettiva tal-UE li tirreaġixxi għad-diżastri naturali, bħall-ħolqien ta’ forza tal-protezzjoni ċivili tal-UE għal riżervi strateġiċi tal-ikel, l-ilma, il-mediċini u t-tagħmir mediku, l-appoġġ għall-introduzzjoni ta’ għodod ta’ twissija bikrija bbażati fuq il-mowbajl għaċ-ċittadini, l-għoti konġunt ta’ kuntratti pubbliċi ġodda biex tiġi mmodernizzata l-protezzjoni ċivili, u programmi ta’ appoġġ immirati biex jipprovdu taħriġ, tagħmir u skambji ta’ servizzi volontarji tal-protezzjoni ċivili; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-istabbiliment tal-flotta permanenti l-ġdida tar-rescEU u jiżguraw li din tirċievi finanzjament adegwat;
Appoġġ finanzjarju u strumenti baġitarji
8.Jappella biex l-UE tipprovdi assistenza finanzjarja u teknika immedjata lill-pajjiżi milquta;
9.Jappella b’urġenza għall-attivazzjoni tar-Riżerva għall-Kriżijiet tal-PAK biex jittaffa t-telf sever imġarrab mis-settur agrikolu b’riżultat tad-diżastri naturali;
10.Jappella biex jiġu attivati mekkaniżmi bħall-FSUE; iqis, madankollu, li l-baġit tal-FSUE għandu jkun proporzjonat mal-għadd u s-severità dejjem akbar tad-diżastri naturali madwar l-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-baġit tar-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea (ESR); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi kollha possibbli biex taċċellera l-mobilizzazzjoni tal-FSUE; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-FSUE fl-ambitu tal-QFP li jmiss; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa ta’ flessibbiltà raġonevoli meta l-pajjiżi u r-reġjuni riċevituri jiffaċċjaw dewmien u sfidi ġustifikabbli fl-applikazzjoni u fl-użu tal-finanzjament allokat; jappella, barra minn hekk, għal linja ta’ finanzjament ta’ emerġenza biex tiffaċilita l-irkupru rapidu taż-żoni affettwati, l-infrastruttura u l-għajxien, kif ukoll investimenti f’miżuri preventivi biex jitnaqqsu l-impatti ta’ avvenimenti ta’ temp estrem futuri;
Politika reġjonali
11.Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju lir-reġjuni affettwati b’mod sproporzjonat mid-diżastri naturali aggravati bit-tibdil fil-klima, inkluż permezz tal-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni, u b’hekk tiżgura li l-ebda Stat Membru jew reġjun ma jitħalla jibqa’ lura fl-isforzi biex isaħħaħ ir-reżiljenza għall-klima u t-tħejjija għad-diżastri; jirrimarka li huwa essenzjali li l-għajnuna u r-riżorsi finanzjarji jkunu disponibbli fiż-żoni milquta bl-aktar mod rapidu, faċli u flessibbli possibbli;
12.Jinnota li żieda sostanzjali fil-pagamenti bil-quddiem mill-FSUE tippermetti lill-Istati Membri jirrispondu b’mod aktar effettiv u rapidu għad-diżastri, speċjalment f’reġjuni inqas żviluppati, fejn tkun meħtieġa assistenza immedjata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi kollha possibbli biex taċċellera l-mobilizzazzjoni tal-FSUE, b’mod partikolari billi temenda r-regoli attwali u tqis l-għoti ta’ pagamenti bil-quddiem ogħla lill-pajjiżi applikanti;
13.Jappoġġja bil-qawwa t-tisħiħ tal-investimenti tal-UE marbuta mar-reżiljenza reġjonali u lokali fil-QFP li jmiss, b’mod partikolari fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ flessibbiltà integrata fil-kriżijiet fil-kuntest tal-finanzjament reġjonali sabiex jiġu ssalvagwardjati investimenti addizzjonali għal proġetti li saritilhom ħsara jew li nqerdu li kienu għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ; jipproponi l-ħolqien ta’ assi prijoritarju ddedikat fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jindirizzaw il-prijoritajiet emerġenti fi proċess minn isfel għal fuq, mibdi mil-livell sottonazzjonali; iqis li l-prinċipju ewlieni għandu jkun approċċ ta’ investiment imfassal apposta mmirat lejn ħtiġijiet speċifiċi fil-prattika;
14.Jirrikonoxxi li l-politika ta’ koeżjoni futura tal-UE għandha tagħmel enfasi akbar fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; jappella, għalhekk, biex l-investimenti fl-adattament għall-klima, fil-prevenzjoni tad-diżastri u fit-tħejjija għalihom ikunu ggarantiti permezz ta’ objettiv ta’ politika ddedikat jew assi prijoritarju ddedikat fl-ambitu tal-iżvilupp reġjonali u tal-qafas ġenerali tal-politika ta’ koeżjoni, konċentrazzjoni tematika jew permezz ta’ kundizzjoni abilitanti speċifika sabiex jiġu indirizzati l-prijoritajiet emerġenti fi proċess minn isfel għal fuq, sabiex jiġu żgurati investimenti sostenibbli fl-infrastruttura lokali, reġjonali u nazzjonali u l-ġestjoni tar-riskju fiż-żoni urbani u rurali anqas żviluppati, inklużi r-reġjuni tal-fruntieri, il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi;
15.Jenfasizza l-importanza li jitfasslu u jinżammu programmi u miżuri tal-UE mfassla apposta għar-reġjuni suxxettibbli għal diżastri naturali; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ flessibbiltà integrata għall-kriżijiet fil-kuntest tal-finanzjament reġjonali;
16.Iqis li l-investimenti reġjonali permezz tal-baġit tal-UE għandhom jibqgħu b’ġestjoni kondiviża għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni sabiex ikunu jistgħu jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri, ir-reġjuni u ż-żoni urbani, rurali u remoti, speċjalment sabiex iż-żoni urbani u rurali jkunu jistgħu jadattaw għal sfidi ġodda, bħall-għargħar;
17.Jisħaq li jeżistu differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom; ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi fundamentali fl-ippjanar, it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti li għandhom jikkontribwixxu għall-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni tar-riskju u t-tħejjija fil-prattika; jappella għal approċċ imsaħħaħ ibbażat fuq il-post biex it-tħejjija għad-diżastri u l-ġestjoni tagħhom jitqarrbu lejn il-livelli reġjonali u lokali;
18.Jenfasizza li l-politika reġjonali tal-UE kienet strumentali biex tgħin fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet korrispondenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jappella li r-rwol tagħhom jissaħħaħ; jissottolinja l-kapaċitajiet tekniċi, finanzjarji u amministrattivi huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-korpi maniġerjali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiksbu għarfien tekniku, speċjalment dwar it-tibdil fil-klima, li jistgħu jużaw għall-ippjanar u għall-ġestjoni urbana u rurali; jinsab konvint li dan se jtejjeb it-tfassil u l-evalwazzjoni tal-proposti tal-proġetti u jippermetti l-allokazzjoni aktar effettiva tar-riżorsi u l-implimentazzjoni tal-baġit sodisfaċenti, mingħajr riskju sinifikanti ta’ diżimpenji tal-investimenti tal-UE;
19.Jappella biex il-programmi eżistenti ta’ assistenza teknika u ta’ konsulenza jkollhom fil-mira speċifika tagħhom lill-muniċipalitajiet iżgħar u liż-żoni transfruntiera, remoti u rurali, kif ukoll lir-reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni gżejjer, sabiex jgħinuhom jiffaċċjaw sfidi ġodda bħat-tranżizzjoni ekoloġika u t-tibdil fil-klima; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza li l-istrumenti ta’ assistenza teknika jiġu żviluppati permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Kummissjoni; jappella għal appoġġ immirat fil-forma ta’ finanzjament tal-UE ta’ 100% għall-bini ta’ kapaċità teknika, finanzjarja u amministrattiva, għat-tfassil u t-tħejjija tal-proġetti, għall-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ riżerva ta’ proġetti, u għall-kapaċitajiet ta’ ppjanar strateġiku, inklużi l-istrumenti ta’ ppjanar;
20.Jappella biex l-inizjattivi tal-Kummissjoni, bħall-Patt tas-Sindki tal-UE għall-Klima u l-Enerġija, jiġu involuti aktar fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-investimenti fit-tħejjija għad-diżastri; jirrikonoxxi li l-appoġġ għall-politika u l-implimentazzjoni, immirat lejn is-sindki u l-awtoritajiet lokali, jiġġenera eżiti ferm aħjar fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ politika;
21.Iħeġġeġ it-tisħiħ tal-oqfsa ta’ kooperazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u jħeġġeġ l-użu ta’ għarfien espert internazzjonali biex jiġu appoġġjati l-isforzi ta’ rkupru u riabilitazzjoni biex jitrawmu strateġiji konġunti ta’ ġestjoni tad-diżastri, jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u titjieb il-ġestjoni transkonfinali tal-ilma;
Adattament għat-tibdil fil-klima
22.Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr il-pjan Ewropew ta’ adattament għat-tibdil fil-klima li ħabbret bħala parti mil-Linji Gwida Politiċi 2024-2029 għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, inklużi proposti leġiżlattivi konkreti, sabiex jiġu koordinati l-isforzi għat-tisħiħ tal-adattament u r-reżiljenza f’konformità mal-għanijiet tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-Ftehim ta’ Pariġi, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħna u jiġu adattati għall-impatti tat-tibdil fil-klima, jiġu żgurati valutazzjonijiet tar-riskju regolari bbażati fuq ix-xjenza, miri ta’ reżiljenza li jistgħu jitkejlu u jiġu appoġġjati u kkoordinati l-azzjonijiet tal-Istati Membri fit-tħejjija, l-ippjanar u l-kooperazzjoni transfruntiera;
23.Jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa ta’ aktar investiment urġenti fil-ġestjoni tal-għargħar u miżuri ta’ prevenzjoni tar-riskju, inklużi sistemi mtejba ta’ twissija bikrija, sistemi ta’ monitoraġġ f’ħin reali, infrastruttura għall-ġestjoni tal-għargħar u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, u investimenti fit-tul fl-infrastruttura ekoloġika u blu, pereżempju l-għoti ta’ aktar spazju lin-nixxigħat u x-xmajjar billi jiġu restawrati l-pjanuri tal-għargħar naturali u l-qigħan tax-xmajjar antiki, l-artijiet mistagħdra u l-foresti u titjieb iż-żamma tal-ilma billi tiġi restawrata l-funzjoni assorbenti tal-pajsaġġi; jappella biex kwalunkwe sinerġija potenzjali tiġi ingranata fl-istrumenti tal-ippjanar li qed jiġu żviluppati mill-Istati Membri, pereżempju, il-pjanijiet għar-restawr tan-natura, il-pjanijiet tad-distretti tal-ħamrija, il-pjanijiet ta’ ġestjoni integrata skont id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi(6) u l-ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar, filwaqt li jiġi evitat l-adattament ħażin;
24.Jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tnaqqas l-ostakli burokratiċi u tħaffef il-proċeduri ta’ approvazzjoni għat-tiswija u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura għall-ġestjoni tal-għargħar u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, sabiex il-miżuri ta’ protezzjoni meħtieġa b’mod urġenti jkunu jistgħu jiġu implimentati mingħajr dewmien bla bżonn; jisħaq li dan jirrikjedi proċeduri aktar effiċjenti fil-ħin, responsabbiltajiet definiti sew u enfasi ċara fuq il-miżuri ta’ kostruzzjoni meħtieġa;
25.Jenfasizza diversi eżempji ta’ miżuri ta’ prevenzjoni ta’ għargħar u ta’ protezzjoni b’suċċess, spiss b’appoġġ mill-fondi tal-UE, li għenu lil xi reġjuni u komunitajiet jipproteġu lilhom infushom kontra l-agħar impatti tal-għargħar li għaddej, bħall-ġibjun ta’ Racibórz Dolny u l-polders xotti tal-madwar fil-Polonja, li kellhom rwol ewlieni biex jillimitaw il-ħsara fi Wrocław, kif ukoll il-pjanuri tal-għargħar tad-Danubju u miżuri preventivi oħra f’Niederösterreich u Vjenna;
26.Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-prevenzjoni tal-għargħar fl-UE u l-effettività ta’ proġetti preċedenti ffinanzjati mill-UE, filwaqt li toffri rakkomandazzjonijiet għal użu aħjar tal-fondi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jaġġornaw il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom għall-prevenzjoni tal-għargħar sabiex jiddefinixxu żoni ta’ għargħar b’riskju għoli u fejn il-pjanijiet ta’ kostruzzjoni għandhom jitwaqqfu, sabiex titjieb il-prevenzjoni tar-riskju u tissaħħaħ il-protezzjoni ċivili;
27.Jisħaq li l-indirizzar tal-inugwaljanza soċjoekonomika huwa essenzjali għal adattament ġust għat-tibdil fil-klima; jissottolinja li d-differenzi fil-vulnerabbiltà ta’ diversi gruppi jeħtieġu approċċ immirat għall-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tħejjija u l-prevenzjoni tad-diżastri;
28.Jisħaq li l-għargħar, in-nixfiet, in-nirien fis-selvaġġ u avvenimenti oħra ta’ temp estrem joħolqu sfidi kbar għal ħafna setturi ekonomiċi, b’mod partikolari s-settur agrikolu u l-bdiewa, li qed isofru aktar telf u ma jistgħux jaħsdu l-prodotti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza aħjar l-impatt ta’ dawn il-perikli relatati mal-klima fuq il-produzzjoni tal-ikel, is-sigurtà tal-ikel u l-introjtu tal-bdiewa;
29.Jirrakkomanda l-użu ta’ prodotti avvanzati ta’ Copernicus u data ta’ telerilevament biex jiġu appoġġjati miżuri preventivi;
30.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.