Ϸվ

Ի徱ċ
ʰċԳپ
Li jmiss
Test sħiħ
Proċedura :
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B10-0057/2024

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV19/09/2024-7.7
CRE19/09/2024-7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P10_TA(2024)0014

Testi adottati
PDF174kWORD54k
Il-Ħamis, 19 ta' Settembru 2024-Strasburgu
L-għargħar devastanti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, it-telf ta’ ħajjiet u t-tħejjija tal-UE biex taġixxi fir-rigward ta’ diżastri bħal dawn li huma aggravati mit-tibdil fil-klima
P10_TA(2024)0014RC-B10-0057/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2024 dwar l-għargħar devastanti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, it-telf ta’ ħajjiet u t-tħejjija tal-UE biex taġixxi fir-rigward ta’ diżastri bħal dawn li huma aggravati mit-tibdil fil-klima ()

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, u b’mod partikolari l-Ftehim ta’ Pariġi tagħha tal-2015, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016,

–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika,

–wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU,

–wara li kkunsidra l-Kontroll tal-Idoneità tal-2019 għad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tal-Kummissjoni, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, id-Direttiva dwar l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Għargħar (SWD(2019)0439),

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2021 bit-titolu “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” (),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima(1),

–wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 2023 dwar l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ adattament tal-Istati Membri,

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Settembru 2022 dwar il-konsegwenzi tan-nixfiet, tan-nirien u ta’ fenomeni meteoroloġiċi estremi oħra: żieda tal-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima(2),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2023 dwar Jum Ewropew għall-vittmi tal-kriżi klimatika globali(3),

–wara li kkunsidra r-Rapport Nru 1/2024 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tal-11 ta’ Marzu 2024 bit-titolu “The European Climate Risk Assessment” (Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa),

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Marzu 2024 bit-titolu “Il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi – nipproteġu l-poplu u l-prosperità” (),

–wara li kkunsidra r-Rapport 3/2024 tal-EEA tal-15 ta’ Mejju 2024 bit-titolu “Responding to climate change impacts on human health in Europe: focus on floods, droughts and water quality” (Rispons għall-impatti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tal-bniedem fl-Ewropa: enfasi fuq l-għargħar, in-nixfiet u l-kwalità tal-ilma),

–wara li kkunsidra r-rapport finali tad-Djalogu dwar ir-Reżiljenza għall-Klima, ippubblikat f’Lulju2024,

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29ta’Mejju2024 dwar l-evalwazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili – Tisħiħ tat-tħejjija tal-UE għall-emerġenzi (),

–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-18ta’Settembru2024 dwar l-għargħar devastanti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, it-telf ta’ ħajjiet u t-tħejjija tal-UE biex taġixxi fir-rigward ta’ diżastri bħal dawn li huma aggravati mit-tibdil fil-klima,

–wara li kkunsidra l-Artikolu136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi x-xita qawwija u l-irjieħ qawwija kellhom impatt fuq l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, b’mod partikolari l-Awstrija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Ungerija, u kkawżaw għargħar li rriżulta f’vittmi umani u ħsara fuq skala kbira; billi parti sinifikanti mit-territorji tagħhom ġiet affettwata, b’mod partikolari, reġjuni inqas żviluppati b’infrastruttura u reġjuni agrikoli aktar dgħajfa;

B.billi avvenimenti individwali ta’ temp estrem ma jistgħux jiġu attribwiti direttament lil kawża speċifika; billi, skont il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa (EUCRA), huwa ċar li l-kriżi klimatika qed twassal għal avvenimenti ta’ temp estrem aktar frekwenti u intensi bħal għargħar, maltempati u mewġiet ta’ sħana, li jagħmlu l-preċipitazzjoni u l-maltempati aktar severi, il-mewġiet ta’ sħana aktar sħan u n-nixfiet aktar xotti;

C.billi l-ewwel EUCRA u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi – nipproteġu l-poplu u l-prosperità” jindikaw li l-Ewropa hija l-kontinent bl-aktar tisħin rapidu fid-dinja u fenomeni severi bħan-nirien fis-selvaġġ, in-nixfiet u l-għargħar qed isiru dejjem aktar frekwenti madwar l-Ewropa bħala riżultat tal-effetti tat-tibdil fil-klima; billi t-temperatura medja fuq l-art Ewropea fis-sajf tal-2024 kienet l-ogħla rrekordjata għall-istaġun, b’1,54°C ogħla mill-medja tal-1991-2020, u b’hekk qabżet ir-rekord preċedenti mill-2022(4); billi dan immarka perjodu ta’ 14-il xahar li matulu t-temperatura medja globali tal-arja tal-wiċċ qabżet b’1.5°C il-livelli preindustrijali;

D.billi f’dawn l-aħħar 30sena biss, l-għargħar madwar l-Ewropa affettwa 5,5miljun persuna, bi kważi 3000ħajja mitlufa, u kkawża aktar minn EUR170biljun fi ħsara ekonomika; billi t-tibdil fil-klima qed iżid b’mod sinifikanti r-riskji ta’ għargħar madwar l-Ewropa(5);

E.billi f’xi partijiet tar-reġjuni milquta tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, tliet kwarti tal-preċipitazzjoni annwali medja niżlet f’erbat ijiem biss; billi kooperazzjoni effettiva u kkoordinata bejn is-servizzi ta’ salvataġġ u l-iskambju transfruntier rapidu ta’ riżorsi u għarfien espert salvaw il-ħajjiet u evitaw ħsara agħar; billi l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE, il-ġbir flimkien tar-riżorsi u l-iskambju tal-aħjar prattiki huma essenzjali biex l-għajnuna f’każ ta’ diżastru tirnexxi;

F.billi diversi Stati Membri attivaw is-servizzi ta’ mmappjar rapidu satellitari ta’ Copernicus matul l-għargħar ta’ Settembru 2024 (il-Ġermanja, il-Polonja, is-Slovakkja, ir-Rumanija u l-Ungerija);

G.billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2024 li tevalwa l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) tidentifika l-ħtiġijiet u l-isfidi li qed tiffaċċja l-protezzjoni ċivili fl-Ewropa u tipprovdi rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb l-effettività tal-UCPM; billi din il-komunikazzjoni tisħaq ukoll fuq l-isfidi u t-theddid dejjem aktar kumplessi u diversi li qed tiffaċċja l-UE, li jinkludu l-għadd dejjem jikber ta’ kunflitti u, kemm id-diżastri kkawżati mill-bniedem kif ukoll dawk naturali, bħal avvenimenti ta’ temp estrem, flimkien ma’ riskji għas-sigurtà li qed jevolvu, u turi kif dawn l-iżviluppi jpoġġu pressjoni sinifikanti fuq il-qafas tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u l-effettività operazzjonali tal-UCPM;

H.billi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) inħoloq wara l-“Għargħar tal-Millennju” li affettwa l-istess reġjun fl-1997 u fl-2002; billi, anke bir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), il-baġit tal-FSUE għadu insuffiċjenti biex jagħti rispons adegwat għal diżastri naturali kbar u biex joffri s-solidarjetà Ewropea mar-reġjuni milquta minn diżastri;

I.billi d-diżastri naturali għandhom impatt negattiv fit-tul fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali f’żoni, f’reġjuni u fi Stati Membri differenti tal-UE;

J.billi, minħabba l-enfasi reġjonali tagħha, l-approċċ ibbażat fuq il-post, l-ippjanar strateġiku u l-mudell ta’ implimentazzjoni effettiv, il-politika ta’ koeżjoni għandu jkollha rwol ewlieni fil-prevenzjoni tad-diżastri, l-irkupru minn xokkijiet simmetriċi u asimmetriċi, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; billi sabiex dawn l-isfidi jiġu indirizzati b’mod effettiv, huwa essenzjali li l-QFP futur jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiżgura baġit adegwat;

K.billi s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura huma essenzjali għall-prevenzjoni ta’ diżastri relatati mat-temp ikkawżati mill-klima; billi l-pjanuri tal-għargħar u l-foresti, il-ħamrija u l-art moxa b’saħħithom, l-artijiet mistagħdra u t-torbieri, u ż-żoni ekoloġiċi naturali fil-bliet u fil-kampanja jaġixxu bħala lqugħ kontra l-impatti klimatiċi billi jżommu l-ilma u jtaffu l-effetti tal-għargħar u tan-nixfiet;

L.billi r-riċerka dwar ir-riskji tal-għargħar u l-indirizzar tagħhom jirrikjedu approċċ olistiku, li jqis diversi fatturi, inklużi l-industrija, it-trasport, il-prassi tas-sottoskrizzjoni tal-assigurazzjoni, l-ippjanar tal-użu tal-art u d-distribuzzjoni storika tal-pjanuri tal-għargħar, it-tibdil demografiku, l-obbligazzjoni finanzjarja u aspetti rilevanti oħra; billi l-EEA indikat li l-gruppi u r-reġjuni vulnerabbli huma affettwati b’mod aktar sever mill-għargħar u minn estremitajiet oħra tat-temp;

ĠԱ

1.Iwassal l-aktar simpatija profonda u s-solidarjetà tiegħu lill-vittmi, lill-familji tagħhom u lin-nies u l-komunitajiet affettwati mill-avvenimenti ta’ temp estrem li għaddejjin bħalissa u l-għargħar sever fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, inkluż fl-Awstrija, fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovakkja u fl-Ungerija;

2.Ifaħħar l-isforzi bla heda u l-impenn tad-dipartimenti tat-tifi tan-nar professjonali u volontarji, l-organizzazzjonijiet tas-salvataġġ, il-voluntiera u l-militar fil-pajjiżi affettwati mill-għargħar u minn diżastri naturali oħra mal-Ewropa kollha, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u l-membri tal-pubbliku li rriskjaw ħajjithom biex isalvaw lil ħaddieħor u jipproteġu d-djar u l-infrastruttura; jisħaq li s-servizzi ta’ emerġenza kellhom rwol kruċjali biex isalvaw il-ħajjiet, jevakwaw żoni vulnerabbli u jipproteġu l-proprjetà f’kundizzjonijiet spiss diffiċli, u li l-isforzi bla heda u r-rieda tagħhom li jaġixxu, anke filwaqt li jirriskjaw ħajjithom, kellhom rwol kruċjali biex illimitaw id-diżastru;

3.Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-intensità u l-frekwenza dejjem akbar ta’ avvenimenti ta’ temp estrem fl-UE u madwar id-dinja, inklużi preċipitazzjoni estrema u għargħar fuq skala kbira, mewġiet ta’ sħana u nirien fis-selvaġġ, u wkoll dwar l-impatti serji u diretti tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, l-għajxien, l-akkomodazzjoni, l-infrastruttura, l-ekonomija, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u l-ekosistemi; jissottolinja r-rabta bejn it-tibdil fil-klima u l-avvenimenti ta’ temp estrem u jenfasizza l-importanza li din ir-rabta tiġi indirizzata b’mod effettiv u koerenti billi jissaħħaħ ir-rispons kollettiv fil-livell tal-UE u dak internazzjonali permezz ta’ protezzjoni ċivili effettiva u miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u adattament għalih, sabiex jiġu protetti n-nies, l-għajxien tagħhom, l-ekonomija u l-ekosistemi;

4.Jisħaq li biex l-għan fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi jkun jista’ jintlaħaq hemm bżonn ta’ sforz kollettiv u azzjoni ulterjuri mill-pajjiżi kollha involuti; iħeġġeġ lill-partijiet kollha għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, fosthom l-UE, isegwu l-isforzi globali miftiehma fid-deċiżjoni ta’ rendikont globali permezz tal-implimentazzjoni ambizzjuża u ż-żieda fil-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali f’konformità mal-għan fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi; ifakkar li l-UE, f’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, jeħtiġilha tkompli bl-isforzi tagħha għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima biex jintlaħaq dan l-għan fit-tul, u għall-adattament biex titrawwem ir-reżiljenza;

Protezzjoni ċivili u finanzjament għal għajnuna f’każ ta’ diżastru

Protezzjoni ċivili

5.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu lesti jappoġġjaw kwalunkwe Stat Membru li jitlob assistenza ta’ emerġenza fl-ambitu tal-UCPM mingħajr dewmien; jilqa’ l-wegħda tal-Gvern Ukren li jappoġġja lill-UE b’persunal u tagħmir ta’ servizz ta’ emerġenza;

6.Jissottolinja l-ħtieġa li l-UCPM jingħata riżorsi suffiċjenti u aġġornati sabiex iżid it-tħejjija u jtejjeb il-bini tal-kapaċitajiet; jiddispjaċih, għalhekk, dwar it-tnaqqis fil-baġit ta’ EUR37miljun (f’impenji) u ta’ EUR154,9miljun (f’pagamenti) għall-UCPM (rescEU); jappella biex jiġu allokat aktar finanzjament għal-linji baġitarji rilevanti u fil-QFP li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-integrazzjoni tat-tnaqqis u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri fil-programmi ta’ finanzjament rilevanti tal-UE, meta jitqies li l-fondi kollha minfuqa f’dan il-qasam se jipprevjenu nefqa sinifikanti fuq ir-rispons u l-bini mill-ġdid;

7.Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tagħha mill-komunikazzjoni tagħha tad-29 ta’ Mejju 2024 u tagħmel proposti konkreti biex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ rispons operazzjonali tal-UCPM; jistieden lill-Kummissjoni tlesti malajr ir-rieżami ppjanat tagħha tal-UCPM, inkluż iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza tiegħu, fl-ewwel sena tal-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida, u tippreżenta miżuri konkreti għal aktar tisħiħ u żvilupp tal-kapaċità kollettiva tal-UE li tirreaġixxi għad-diżastri naturali, bħall-ħolqien ta’ forza tal-protezzjoni ċivili tal-UE għal riżervi strateġiċi tal-ikel, l-ilma, il-mediċini u t-tagħmir mediku, l-appoġġ għall-introduzzjoni ta’ għodod ta’ twissija bikrija bbażati fuq il-mowbajl għaċ-ċittadini, l-għoti konġunt ta’ kuntratti pubbliċi ġodda biex tiġi mmodernizzata l-protezzjoni ċivili, u programmi ta’ appoġġ immirati biex jipprovdu taħriġ, tagħmir u skambji ta’ servizzi volontarji tal-protezzjoni ċivili; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-istabbiliment tal-flotta permanenti l-ġdida tar-rescEU u jiżguraw li din tirċievi finanzjament adegwat;

Appoġġ finanzjarju u strumenti baġitarji

8.Jappella biex l-UE tipprovdi assistenza finanzjarja u teknika immedjata lill-pajjiżi milquta;

9.Jappella b’urġenza għall-attivazzjoni tar-Riżerva għall-Kriżijiet tal-PAK biex jittaffa t-telf sever imġarrab mis-settur agrikolu b’riżultat tad-diżastri naturali;

10.Jappella biex jiġu attivati mekkaniżmi bħall-FSUE; iqis, madankollu, li l-baġit tal-FSUE għandu jkun proporzjonat mal-għadd u s-severità dejjem akbar tad-diżastri naturali madwar l-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-baġit tar-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea (ESR); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi kollha possibbli biex taċċellera l-mobilizzazzjoni tal-FSUE; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-FSUE fl-ambitu tal-QFP li jmiss; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa ta’ flessibbiltà raġonevoli meta l-pajjiżi u r-reġjuni riċevituri jiffaċċjaw dewmien u sfidi ġustifikabbli fl-applikazzjoni u fl-użu tal-finanzjament allokat; jappella, barra minn hekk, għal linja ta’ finanzjament ta’ emerġenza biex tiffaċilita l-irkupru rapidu taż-żoni affettwati, l-infrastruttura u l-għajxien, kif ukoll investimenti f’miżuri preventivi biex jitnaqqsu l-impatti ta’ avvenimenti ta’ temp estrem futuri;

Politika reġjonali

11.Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju lir-reġjuni affettwati b’mod sproporzjonat mid-diżastri naturali aggravati bit-tibdil fil-klima, inkluż permezz tal-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni, u b’hekk tiżgura li l-ebda Stat Membru jew reġjun ma jitħalla jibqa’ lura fl-isforzi biex isaħħaħ ir-reżiljenza għall-klima u t-tħejjija għad-diżastri; jirrimarka li huwa essenzjali li l-għajnuna u r-riżorsi finanzjarji jkunu disponibbli fiż-żoni milquta bl-aktar mod rapidu, faċli u flessibbli possibbli;

12.Jinnota li żieda sostanzjali fil-pagamenti bil-quddiem mill-FSUE tippermetti lill-Istati Membri jirrispondu b’mod aktar effettiv u rapidu għad-diżastri, speċjalment f’reġjuni inqas żviluppati, fejn tkun meħtieġa assistenza immedjata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi kollha possibbli biex taċċellera l-mobilizzazzjoni tal-FSUE, b’mod partikolari billi temenda r-regoli attwali u tqis l-għoti ta’ pagamenti bil-quddiem ogħla lill-pajjiżi applikanti;

13.Jappoġġja bil-qawwa t-tisħiħ tal-investimenti tal-UE marbuta mar-reżiljenza reġjonali u lokali fil-QFP li jmiss, b’mod partikolari fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ flessibbiltà integrata fil-kriżijiet fil-kuntest tal-finanzjament reġjonali sabiex jiġu ssalvagwardjati investimenti addizzjonali għal proġetti li saritilhom ħsara jew li nqerdu li kienu għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ; jipproponi l-ħolqien ta’ assi prijoritarju ddedikat fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jindirizzaw il-prijoritajiet emerġenti fi proċess minn isfel għal fuq, mibdi mil-livell sottonazzjonali; iqis li l-prinċipju ewlieni għandu jkun approċċ ta’ investiment imfassal apposta mmirat lejn ħtiġijiet speċifiċi fil-prattika;

14.Jirrikonoxxi li l-politika ta’ koeżjoni futura tal-UE għandha tagħmel enfasi akbar fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; jappella, għalhekk, biex l-investimenti fl-adattament għall-klima, fil-prevenzjoni tad-diżastri u fit-tħejjija għalihom ikunu ggarantiti permezz ta’ objettiv ta’ politika ddedikat jew assi prijoritarju ddedikat fl-ambitu tal-iżvilupp reġjonali u tal-qafas ġenerali tal-politika ta’ koeżjoni, konċentrazzjoni tematika jew permezz ta’ kundizzjoni abilitanti speċifika sabiex jiġu indirizzati l-prijoritajiet emerġenti fi proċess minn isfel għal fuq, sabiex jiġu żgurati investimenti sostenibbli fl-infrastruttura lokali, reġjonali u nazzjonali u l-ġestjoni tar-riskju fiż-żoni urbani u rurali anqas żviluppati, inklużi r-reġjuni tal-fruntieri, il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi;

15.Jenfasizza l-importanza li jitfasslu u jinżammu programmi u miżuri tal-UE mfassla apposta għar-reġjuni suxxettibbli għal diżastri naturali; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ flessibbiltà integrata għall-kriżijiet fil-kuntest tal-finanzjament reġjonali;

16.Iqis li l-investimenti reġjonali permezz tal-baġit tal-UE għandhom jibqgħu b’ġestjoni kondiviża għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni sabiex ikunu jistgħu jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri, ir-reġjuni u ż-żoni urbani, rurali u remoti, speċjalment sabiex iż-żoni urbani u rurali jkunu jistgħu jadattaw għal sfidi ġodda, bħall-għargħar;

17.Jisħaq li jeżistu differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom; ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi fundamentali fl-ippjanar, it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti li għandhom jikkontribwixxu għall-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni tar-riskju u t-tħejjija fil-prattika; jappella għal approċċ imsaħħaħ ibbażat fuq il-post biex it-tħejjija għad-diżastri u l-ġestjoni tagħhom jitqarrbu lejn il-livelli reġjonali u lokali;

18.Jenfasizza li l-politika reġjonali tal-UE kienet strumentali biex tgħin fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet korrispondenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jappella li r-rwol tagħhom jissaħħaħ; jissottolinja l-kapaċitajiet tekniċi, finanzjarji u amministrattivi huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-korpi maniġerjali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiksbu għarfien tekniku, speċjalment dwar it-tibdil fil-klima, li jistgħu jużaw għall-ippjanar u għall-ġestjoni urbana u rurali; jinsab konvint li dan se jtejjeb it-tfassil u l-evalwazzjoni tal-proposti tal-proġetti u jippermetti l-allokazzjoni aktar effettiva tar-riżorsi u l-implimentazzjoni tal-baġit sodisfaċenti, mingħajr riskju sinifikanti ta’ diżimpenji tal-investimenti tal-UE;

19.Jappella biex il-programmi eżistenti ta’ assistenza teknika u ta’ konsulenza jkollhom fil-mira speċifika tagħhom lill-muniċipalitajiet iżgħar u liż-żoni transfruntiera, remoti u rurali, kif ukoll lir-reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni gżejjer, sabiex jgħinuhom jiffaċċjaw sfidi ġodda bħat-tranżizzjoni ekoloġika u t-tibdil fil-klima; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza li l-istrumenti ta’ assistenza teknika jiġu żviluppati permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Kummissjoni; jappella għal appoġġ immirat fil-forma ta’ finanzjament tal-UE ta’ 100% għall-bini ta’ kapaċità teknika, finanzjarja u amministrattiva, għat-tfassil u t-tħejjija tal-proġetti, għall-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ riżerva ta’ proġetti, u għall-kapaċitajiet ta’ ppjanar strateġiku, inklużi l-istrumenti ta’ ppjanar;

20.Jappella biex l-inizjattivi tal-Kummissjoni, bħall-Patt tas-Sindki tal-UE għall-Klima u l-Enerġija, jiġu involuti aktar fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-investimenti fit-tħejjija għad-diżastri; jirrikonoxxi li l-appoġġ għall-politika u l-implimentazzjoni, immirat lejn is-sindki u l-awtoritajiet lokali, jiġġenera eżiti ferm aħjar fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ politika;

21.Iħeġġeġ it-tisħiħ tal-oqfsa ta’ kooperazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u jħeġġeġ l-użu ta’ għarfien espert internazzjonali biex jiġu appoġġjati l-isforzi ta’ rkupru u riabilitazzjoni biex jitrawmu strateġiji konġunti ta’ ġestjoni tad-diżastri, jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u titjieb il-ġestjoni transkonfinali tal-ilma;

Adattament għat-tibdil fil-klima

22.Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr il-pjan Ewropew ta’ adattament għat-tibdil fil-klima li ħabbret bħala parti mil-Linji Gwida Politiċi 2024-2029 għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, inklużi proposti leġiżlattivi konkreti, sabiex jiġu koordinati l-isforzi għat-tisħiħ tal-adattament u r-reżiljenza f’konformità mal-għanijiet tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-Ftehim ta’ Pariġi, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħna u jiġu adattati għall-impatti tat-tibdil fil-klima, jiġu żgurati valutazzjonijiet tar-riskju regolari bbażati fuq ix-xjenza, miri ta’ reżiljenza li jistgħu jitkejlu u jiġu appoġġjati u kkoordinati l-azzjonijiet tal-Istati Membri fit-tħejjija, l-ippjanar u l-kooperazzjoni transfruntiera;

23.Jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa ta’ aktar investiment urġenti fil-ġestjoni tal-għargħar u miżuri ta’ prevenzjoni tar-riskju, inklużi sistemi mtejba ta’ twissija bikrija, sistemi ta’ monitoraġġ f’ħin reali, infrastruttura għall-ġestjoni tal-għargħar u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, u investimenti fit-tul fl-infrastruttura ekoloġika u blu, pereżempju l-għoti ta’ aktar spazju lin-nixxigħat u x-xmajjar billi jiġu restawrati l-pjanuri tal-għargħar naturali u l-qigħan tax-xmajjar antiki, l-artijiet mistagħdra u l-foresti u titjieb iż-żamma tal-ilma billi tiġi restawrata l-funzjoni assorbenti tal-pajsaġġi; jappella biex kwalunkwe sinerġija potenzjali tiġi ingranata fl-istrumenti tal-ippjanar li qed jiġu żviluppati mill-Istati Membri, pereżempju, il-pjanijiet għar-restawr tan-natura, il-pjanijiet tad-distretti tal-ħamrija, il-pjanijiet ta’ ġestjoni integrata skont id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi(6) u l-ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar, filwaqt li jiġi evitat l-adattament ħażin;

24.Jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tnaqqas l-ostakli burokratiċi u tħaffef il-proċeduri ta’ approvazzjoni għat-tiswija u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura għall-ġestjoni tal-għargħar u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, sabiex il-miżuri ta’ protezzjoni meħtieġa b’mod urġenti jkunu jistgħu jiġu implimentati mingħajr dewmien bla bżonn; jisħaq li dan jirrikjedi proċeduri aktar effiċjenti fil-ħin, responsabbiltajiet definiti sew u enfasi ċara fuq il-miżuri ta’ kostruzzjoni meħtieġa;

25.Jenfasizza diversi eżempji ta’ miżuri ta’ prevenzjoni ta’ għargħar u ta’ protezzjoni b’suċċess, spiss b’appoġġ mill-fondi tal-UE, li għenu lil xi reġjuni u komunitajiet jipproteġu lilhom infushom kontra l-agħar impatti tal-għargħar li għaddej, bħall-ġibjun ta’ Racibórz Dolny u l-polders xotti tal-madwar fil-Polonja, li kellhom rwol ewlieni biex jillimitaw il-ħsara fi Wrocław, kif ukoll il-pjanuri tal-għargħar tad-Danubju u miżuri preventivi oħra f’Niederösterreich u Vjenna;

26.Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-prevenzjoni tal-għargħar fl-UE u l-effettività ta’ proġetti preċedenti ffinanzjati mill-UE, filwaqt li toffri rakkomandazzjonijiet għal użu aħjar tal-fondi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jaġġornaw il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom għall-prevenzjoni tal-għargħar sabiex jiddefinixxu żoni ta’ għargħar b’riskju għoli u fejn il-pjanijiet ta’ kostruzzjoni għandhom jitwaqqfu, sabiex titjieb il-prevenzjoni tar-riskju u tissaħħaħ il-protezzjoni ċivili;

27.Jisħaq li l-indirizzar tal-inugwaljanza soċjoekonomika huwa essenzjali għal adattament ġust għat-tibdil fil-klima; jissottolinja li d-differenzi fil-vulnerabbiltà ta’ diversi gruppi jeħtieġu approċċ immirat għall-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tħejjija u l-prevenzjoni tad-diżastri;

28.Jisħaq li l-għargħar, in-nixfiet, in-nirien fis-selvaġġ u avvenimenti oħra ta’ temp estrem joħolqu sfidi kbar għal ħafna setturi ekonomiċi, b’mod partikolari s-settur agrikolu u l-bdiewa, li qed isofru aktar telf u ma jistgħux jaħsdu l-prodotti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza aħjar l-impatt ta’ dawn il-perikli relatati mal-klima fuq il-produzzjoni tal-ikel, is-sigurtà tal-ikel u l-introjtu tal-bdiewa;

29.Jirrakkomanda l-użu ta’ prodotti avvanzati ta’ Copernicus u data ta’ telerilevament biex jiġu appoġġjati miżuri preventivi;

30.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 156.
(2) ĠU C 125, 5.4.2023, p. 135.
(3) ĠU C, C/2024/488, 23.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/488/oj
(4) Copernicus, Summer 2024 – Hottest on record globally and for Europe (Sajf 2024 – l-aktar rekord sħun globalment u għall-Ewropa).
(5) Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-UE.
(6) ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/1991/271/oj?eliuri=eli%3Adir%3A1991%3A271%3Aoj&locale=mt.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Novembru 2024Avviż legali-Politika tal-privatezza