Ϸվ

Ի徱ċ
ʰċԳپ
Li jmiss
Test sħiħ
Proċedura :
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0166/2018

Testi mressqa :

A8-0166/2018

Dibattiti :

PV29/05/2018-22
CRE29/05/2018-22

Votazzjonijiet :

PV30/05/2018-13.14
CRE30/05/2018-13.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0230

Testi adottati
PDF194kWORD69k
L-Erbgħa, 30 ta' Mejju 2018-Strasburgu
Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni
P8_TA(2018)0230A8-0166/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni ()

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ ul-investiment",

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5ta'Lulju2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(1),

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13ta'Settembru2017 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-politika kummerċjali "Kummerċ għal Kulħadd" (),

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-9ta'Novembru2017 dwar ‘L-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles mill-1ta'Jannar2016 sal-31ta'Diċembru2016’ (),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25ta'Settembru2015, bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"),

–wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni, Jean‑Claude Juncker, tat-13ta'Settembru2017,

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15ta'Novembru2017 dwar in-negozjati multilaterali fid-dawl tal-11-ilKonferenza Ministerjali tad-WTO fi Buenos Aires, fl-10-13ta'Diċembru2017(2),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5ta'Lulju2016 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva(3),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3ta'Frar2016 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni dwar in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA)(4),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12ta'Settembru2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u l-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-katini ta' valur mondjali(5),

–wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-15ta'Novembru2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE)2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE)2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE)2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea(6),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12ta'Diċembru2017 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(7),

–wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tas-16ta'Marzu2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE)2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni tal-landa, it-tantalju u t-tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(8),

–wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-4ta'Ottubru2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE)2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(9),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25ta'Novembru2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(10),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25ta'Novembru2010 dwar il-politika tal-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(11),

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24ta'Mejju2006 bit-titolu "Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd: Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd" (, SEC(2006)0643),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18ta'Mejju2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea(12),

–wara li kkunsidra l-Opinjoni2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tas-16ta'Mejju2017 dwar il-kompetenza tal-Unjoni biex tiffirma u tikkonkludi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ma' Singapore,

–wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-15ta'Novembru2016 dwar l-effetti kumulattivi ta' ftehimiet kummerċjali futuri dwar l-agrikoltura tal-UE,

–wara li kkunsidra l-Artikoli2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-14ta'Lulju2015 bit-titolu "L-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem – Is-Sitwazzjoni Attwali" (SWD(2015)0144),

–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR) u b'mod partikolari l-Artikolu4 tagħha li jipprojbixxi l-iskjavitù u s-servitù,

–wara li kkunsidra l-Artikoli207, 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–wara li kkunsidra l-Artikolu52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0166/2018),

A.billi l-Politika Kummerċjali Komuni hija magħmula minn ftehimiet kummerċjali u miżuri leġiżlattivi biex jissalvagwardjaw l-interessi kummerċjali offensivi u difensivi tal-Unjoni, jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi deċenti, jiżguraw ir-rispett tar-regoli u l-istandards Ewropej, jissalvagwardjaw id-dritt tal-istati biex jirregolaw u taċ-ċittadini għall-benessri, u jippromwovu l-valuri tal-Unjoni; u billi l-konformità ma' dawn l-għanijiet teħtieġ orjentazzjoni tajba tal-politika kummerċjali tal-Unjoni u implimentazzjoni u monitoraġġ effiċjenti u sħaħ tagħha b'mod aktar ġust u trasparenti;

B.billi l-Unjoni impenjat ruħha li tiggarantixxi koerenza tal-politika għall-iżvilupp skont il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2017 tagħha, li jfittex li jiżgura żvilupp sostenibbli u jaċċellera t-trasformazzjoni billi jagħmel enfasi fuq l-elementi trażversali tal-politika tal-iżvilupp bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iż-żgħażagħ, l-investiment u l-kummerċ, l-enerġija sostenibbli u l-azzjoni klimatika, il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni u l-mobilità, sabiex tikkontribwixxi mat-totalità tal-politiki esterni tagħha, inkluż il-Politika Kummerċjali Komuni, għall-għanijiet definiti fl-Aġenda2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli;

C.billi l-Unjoni hija impenjata li tippromwovi xogħol deċenti għal kulħadd, kif stabbilit fl-Eżitu tas-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2005 u fid-Dikjarazzjoni Ministerjali tat-Taqsima ta' Livell Għoli tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006, inkluż permezz tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha; billi l-Kunsill Ewropew issottolinja b'mod ripetut l-importanza li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni u li titqies f'diversi linji politiċi interni u esterni u fil-kooperazzjoni internazzjonali;

D.billi l-Unjoni hija l-akbar forza kummerċjali fid-dinja u l-akbar suq uniku fid-dinja, u billi hija l-akbar esportatur fid-dinja ta' oġġetti u servizzi, b'tali mod li ssostni 31miljun impjieg fl-Ewropa, 67% aktar mill-ammont ta' nofs id-disgħinijiet;

E.billi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) hija l-unika organizzazzjoni internazzjonali fid-dinja kollha li tittratta r-regoli globali tal-kummerċ bejn pajjiżi jew żoni ekonomiċi differenti;

F.billi l-fażi ta' implimentazzjoni u ta' infurzar hija kruċjali u fundamentali sabiex tiggarantixxi l-effikaċja tal-politika kummerċjali tal-Unjoni;

G.billi ċ-ċittadini tal-Unjoni qegħdin dejjem jeżiġu li l-politika kummerċjali tal-Unjoni tiżgura li l-oġġetti li jidħlu fis-suq tal-UE jkunu ġew prodotti skont kundizzjonijiet deċenti u sostenibbli;

H.billi l-kumpaniji Ewropej jużaw it-tnaqqis fid-dazji doganali disponibbli fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali għal madwar 70% tal-esportazzjonijiet tagħhom li jistgħu jibbenefikaw minnhom, filwaqt li s-sħab tagħna jużawhom f'madwar 90% tal-każijiet u billi huwa fundamentali li l-kumpaniji Ewropej jużaw bis-sħiħ dawn il-benefiċċji biex l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment jingħataw spinta;

I.billi l-SMEs huma l-mutur tal-ekonomija Ewropea fejn jirrappreżentaw 30% tal-esportazzjonijiet tal-Unjoni u 90% tal-impjiegi fl-UE, u billi huwa fundamentali li dawn ikunu parti integrali mill-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tal-Unjoni, b'tali mod li jsaħħu r-rwol tagħha fl-esportazzjoni, l-innovazzjoni u l-internalizzazzjoni;

J.billi l-Unjoni hija l-akbar esportatur dinji ta' servizzi u li s-surplus kummerċjali tal-Unjoni f'dan is-settur żdied b'għaxar darbiet mill-2000 u laħaq aktar minn EUR120biljun fl-2016;

K.billi għandhom jingħataw tweġibiet ċari u preċiżi għall-kwistjonijiet li qamu fil-kuntest tad-dibattitu pubbliku dwar il-Politika Kummerċjali Komuni u l-implimentazzjoni tagħha;

L.billi l-Politika Kummerċjali Komuni, kif issuġġerita mill-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd, hija politika bbażata fuq il-valur maħsuba biex tippromwovi, fost affarijiet oħra, it-trasparenza, il-governanza tajba, l-iżvilupp sostenibbli u prattiki ta' kummerċ ġust;

M.billi l-politika kummerċjali tal-Unjoni trid tkun konsistenti mal-politiki oħra tagħha esterni u interni u f'konformità mal-prinċipju ta' koerenza politika għall-iżvilupp biex tiżgura trasparenza, stabbiltà u kundizzjonijiet aktar ġusti għall-kompetizzjoni, bil-kunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

Il-kuntest attwali tal-politika kummerċjali

1.Ifakkar li l-kuntest internazzjonali għadda minn tibdil profond wara l-pubblikazzjoni tal-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd", u li issa jridu jiġu indirizzati sfidi ġodda u kompiti konkreti dwar il-kummerċ; huwa mħasseb dwar il-fatt li qed jara lok ta' xi prattiki protezzjonisti li huma inkompatibbli mar-regoli tad-WTO madwar id-dinja u jtenni l-appoġġ tiegħu għal sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli li hija miftuħa, ġusta, ibbilanċjata, sostenibbli u bbażata fuq ir-regoli;

2.Jieħu nota tal-importanza ekonomika dejjem tikber tal-Asja kif ukoll tal-fatt li b'mod gradwali, l-Istati Uniti tal-Amerka qed jitbiegħdu mir-relazzjonijiet kummerċjali u l-inċertezza li tirriżulta għall-kummerċ internazzjonali, kif ukoll kritiki domestiċi tal-politika kummerċjali internazzjonali u d-domanda għal kummerċ ġust; jistieden lill-Kummissjoni tadatta l-politika kummerċjali tagħha biex tindirizza dawn l-iżviluppi u tkun aktar responsiva u responsabbli, filwaqt li fl-istess ħin tistabbilixxi strateġija fuq terminu twil, b'kunsiderazzjoni ta' dawn il-bidliet fil-kuntest internazzjonali; jissottolinja li, f'dan il-kuntest globali li qed jinbidel, ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' aġenda kummerċjali bbażata fuq il-valur huwa dejjem aktar importanti għaċ-ċittadini Ewropej;

3.Jenfasizza l-importanza dejjem akbar tas-servizzi, speċjalment is-servizzi diġitali, inkluż is-servitizzazzjoni tal-kummerċ fl-oġġetti (Modalità5), tal-fluss tad-data u tal-kummerċ elettroniku fil-kummerċ internazzjonali; jenfasizza l-bżonn li jissaħħu r-regoli internazzjonali rilevanti sabiex jiġu żgurati benefiċċji konkreti għall-konsumaturi, aċċess aħjar għas-swieq barranin għall-kumpaniji Ewropej u r-rispett tad-drittijiet fundamentali madwar id-dinja kollha, inkluża l-protezzjoni tad-data u l-privatezza; jirrimarka li l-protezzjoni tad-data personali mhijiex negozjabbli fi ftehimiet kummerċjali, jemmen li d-drittijiet diġitali taċ-ċittadini għandhom jiġu avvanzati permezz ta' ftehimiet kummerċjali u jfakkar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-protezzjoni tad-data u l-kummerċ diġitali kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu "Lejn strateġija għall-kummerċ diġitali"; jissottolinja li l-politika kummerċjali tal-UE jista' jkollha rwol sinifikanti sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tavvanza l-aġenda kummerċjali diġitali fin-negozjati attwali u futuri tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTA) u fid-WTO; jitlob li l-kapitoli dwar il-kummerċ diġitali jiġu inklużi fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha, inklużi dawk li bħalissa qed jiġu nnegozjati u jfakkar l-importanza li jiġu evitati rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni tad-data mhux ġustifikati; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi strateġija għall-kummerċ diġitali li tqis l-opportunitajiet li toffri lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju billi tiffaċilita l-aċċess għas-swieq globali;

4.Jenfasizza li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni se jkollu konsegwenzi fuq il-kummerċ intern u estern; jistieden lill-Kummissjoni biex tantiċipa l-impatt tal-Brexit fuq il-politika kummerċjali tal-Unjoni u biex tiżgura l-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tal-UE u r-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u wkoll modi kif issib soluzzjoni rigward l-impenji komuni fid-WTO;

5.Jieħu nota tal-Opinjoni2/15 tal-QtĠ-UE tas-16ta'Mejju2017 dwar l-FTA UE-Singapore li jistipula li minbarra l-kwistjoni tal-investimenti ta' portafoll u r-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u Stati, il-FTA ma' Singapore jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiċċaraw malajr kemm jista' jkun id-deċiżjoni tagħhom dwar l-istruttura tal-FTA fil-futur u biex jirrispettaw bis-sħiħ din id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha għall-adozzjoni ta' direttivi ta' negozjati, il-bażi legali tal-proposti li għandhom jiġu ffirmati u konklużi, u b'mod partikolari l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Kunsill ta' ftehimiet kummerċjali internazzjonali, sabiex ma jkunx hemm aktar dewmien ta' kwalunkwe negozjati kummerċjali mas-sħab kummerċjali maqbula iżda mhux ratifikati; ifakkar li l-Parlament irid ikun involut u infurmat bis-sħiħ mill-bidu tal-negozjati kummerċjali kollha, qabel l-adozzjoni ta' linji gwida tan-negozjati, fil-ħin, fl-istadji kollha tal-għoti tal-mandat, u tan-negozjati u fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali; jitlob li l-arranġamenti meħtieġa jsiru permezz ta' ftehim interistituzzjonali, fil-kuntest ta' ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

6.Jinnota li, minkejja l-irtirar tal-Istati Uniti min-negozjati, il-11-ilpajjiż li jifdal irnexxielhom jilħqu qbil dwar Ftehim ta' Sħubija Trans-Paċifika fit-23ta'Jannar2018 f'Tokyo;

L-istat attwali tal-programm ta' negozjati kummerċjali tal-Unjoni

7.Jiddeplora l-fatt li l-ebda ftehim ma ntlaħaq matul il-laqgħa Ministerjali tad-WTO fi Buenos Aires; jenfasizza l-importanza politika u ekonomika ewlenija tas-sistema multilaterali u jtenni l-appoġġ tiegħu għas-sistema; jistieden lill-Unjoni biex tmexxi 'l quddiem b'mod attiv il-proposti għal regoli aġġornati u multilaterali, filwaqt li tqis l-isfidi ġodda li ħerġin minn katini tal-valur mondjali, u biex tippromwovi r-rwol ċentrali tad-WTO fis-sistema globali tal-kummerċ; jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ; jilqa' pożittivament l-estensjoni sal-2033 tad-deroga tad-WTO għall-prodotti farmaċewtiċi għall-pajjiżi l-anqas żviluppati; jiddispjaċih li ċerti ftehimiet multilaterali mhumiex rispettati u jappella lill-Kummissjoni biex taħdem aktar fi ħdan id-WTO dwar l-implimentazzjoni effikaċi tar-regoli u l-ftehimiet multilaterali; ifakkar fit-talba preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha fit-tfassil tal-aġenda tad-WTO, b'mod partikolari fir-rigward tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji u l-Kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-ostakli tal-Istati Uniti ta' ħatriet ġodda fil-korp tal-appell tad-WTO u jenfasizza l-importanza ta' sistema li tiffunzjona tajjeb għas-soluzzjoni ta' tilwim fid-WTO; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kooperazzjoni mas-sħab ewlenin tagħna f'li tindirizza kompetizzjoni mhux ġusta u prattiki protezzjonisti minn pajjiżi terzi;

8.Jinnota l-fatt li n-negozjati plurilaterali tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) u tal-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali ġew imblukkati; jappella lill-Unjoni tieħu l-inizjattiva biex terġa' tmexxi ż-żewġ proċessi tan-negozjati mill-ġdid, u fil-każ tan-negozjati TiSA, f'konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament dwar it-TiSA;

9.Jenfasizza li diversi FTA, eż. il-ftehimiet ta' kummerċ mal-Kanada u l-Ekwador, id-dispożizzjonijiet tad-DCFTA fil-ftehim ta' assoċjazzjoni UE-Ukrajna u d-diversi Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) mal-pajjiżi Afrikani, daħlu fis-seħħ bis-sħiħ jew proviżorjament u li l-ftehimiet kummerċjali ma' Singapore, il-Vjetnam u l-Ġappun ġew konklużi minn mindu ġiet ippubblikata l-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd; jenfasizza l-bżonn li jingħata biżżejjed appoġġ politiku u amministrattiv biex jiġi żgurat li n-negozjati kummerċjali jkunu jistgħu jiġu maqbula u ratifikati fi ħdan skedi ta' żmien xierqa; jappoġġja l-proċess attwali ta' modernizzazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali maċ-Ċilì u l-Messiku; ifakkar fit-talba tiegħu biex jinbdew negozjati mal-Awstralja u New Zealand, b'kunsiderazzjoni tal-pożizzjonijiet tiegħu;

10.Jenfasizza li relazzjonijiet kummerċjali u ta' investimenti ta' benefiċċju reċiproku mas-sħab strateġiċi tal-UE għandhom jiġu promossi u msaħħa aktar; jappella għal sforzi mġedda biex jitmexxew 'il quddiem in-negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment maċ-Ċina, b'mod partikolari rigward ir-reċiproċità fit-trattament tal-aċċess għas-suq u l-progress dwar l-iżvilupp sostenibbli;

11.Jenfasizza l-fatt li l-ftehimiet konklużi u n-negozjati bilaterali kurrenti u futuri tal-Unjoni jirrappreżentaw opportunitajiet għal tkabbir permezz ta' aċċess għas-swieq u ta' tneħħija tal-ostakli kummerċjali; jitlob lill-Kummissjoni biex kontinwament timpenja ruħha mal-partijiet ikkonċernati biex tivvaluta l-prijoritajiet fin-negozjati li għaddejjin; ifakkar li trid tingħata prijorità lis-sustanza tan-negozjati minflok lill-pass tagħhom, li n-negozjati jridu jsiru fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku, li r-regoli tal-UE u l-istandards iridu jiġu assigurati, bi prevenzjoni ta' theddid tal-mudell soċjali tal-UE u l-ambjent, u li s-servizzi pubbliċi, inklużi s-servizzi ta' interess ġenerali u s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, f'konformità mal-Artikoli14 u 106 tat-TFUE u l-Protokoll Nru26, kif ukoll is-servizzi awdjoviżivi, iridu jiġu esklużi; jenfasizza li l-Kummissjoni trid tiżgura fin-negozjati kummerċjali kollha li l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jżommu d-dritt sħiħ li jintroduċu, jadottaw, iżommu jew jirrevokaw kwalunkwe miżura fir-rigward tal-ikkummissjonar, l-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-provvista ta' servizzi pubbliċi kif kien il-każ bi ftehimiet kummerċjali preċedenti;

12.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrieżaminaw u, jekk meħtieġ, jaġġornaw il-mandati ta' negozjar għan-negozjati kummerċjali għaddejja kull ħames snin sabiex jirriflettu l-isfidi u l-kuntesti li potenzjalment jinbidlu, u li jinkludu klawżoli ta' rieżami fi ftehimiet kummerċjali biex jiżguraw li huma implimentati kemm jista' jkun b'mod effikaċi u li huma adattabbli sabiex jirriflettu u jadattaw għall-kuntesti attwali, dment li l-iskrutinju u t-trasparenza parlamentari huma ggarantiti;

13.Ifakkar li l-Kummissjoni ħabbret diversi drabi t-tnedija ta' negozjati dwar l-investiment ma' Hong Kong u t-Tajwan u jistieden lill-Kummissjoni tispiċċa l-ħidma preparatorja sabiex tibda uffiċjalment in-negozjati dwar il-ftehimiet ta' investiment kemm jista' jkun malajr;

14.Jenfasizza l-importanza ta' investiment intern u barrani għall-ekonomija Ewropea, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni għall-investituri Ewropej barra minn pajjiżhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli x-xogħol tagħha dwar is-sistema multilaterali l-ġdida ta' Qorti tal-Investiment li, fost affarijiet oħra, trid tiffoka fuq it-trasparenza u fuq il-garanzija tad-dritt għal regolamentazzjoni tal-Istati, u tipprovdi mekkaniżmu ta' appell, regoli stretti dwar il-kunflitt ta' interess u kodiċi ta' kondotta; iqis li din is-sistema ġdida għandha tindirizza l-obbligi tal-investituri, tevita l-litigazzjoni frivola, iżżomm d-dritt li tirregola fl-interess pubbliku u tevita l-iffriżar regolatorju, tiggarantixxi ugwaljanza ġuridika fost l-investituri (b'attenzjoni partikolari għall-mikrointrapriżi u l-SMEs), l-indipendenza, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont; jesplora l-possibbiltà ta' inklużjoni ta' dispożizzjonijiet proċedurali dwar, inter alia, kontrotalbiet fejn l-investimenti soġġetti għal talba saru bi ksur tal-liġijiet applikabbli, u jiġu evitati talbiet paralleli f'toroq differenti għall-ġustizzja, b'hekk tiġi ċċarata r-relazzjoni tagħha mal-qrati domestiċi;

15.Jistieden lill-Istati Membri biex fl-aħħar jiżblukkaw il-proċedura rigward il-Konvenzjoni ta' Mauritius dwar it-Trasparenza f'Arbitraġġ ibbażat fuq Trattat bejn l-Investituri u l-Istat issa li ċċarat kwistjonijiet dwar kompetenza, u lill-Kummissjoni biex tirdoppja l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward; jitlob ukoll li r-rieżami tar-regolament tal-anterjorità għal trattati bilaterali internazzjonali miżmuma mill-Istati Membri jitressqu 'l quddiem mill-2020;

16.Jistenna impenn imsaħħaħ tal-UE u l-Istati Membri tagħha f'deliberazzjonijiet fi ħdan in-NU rigward Trattat Vinkolanti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

17.Jinnota bi tħassib li r-riforma tar-regoli ta' oriġini mħabbra fl-istrateġija ta' Kummerċ għal Kulħadd għadha mhix implimentata; jenfasizza l-kumplessità tar-regoli ta' oriġini u jtenni t-talba tiegħu għal regoli ta' oriġini aġġornati, applikabbli faċilment u aktar ċari; jenfasizza l-impenn li sar waqt l-10 Konferenza Ministerjali tal-Euromed biex tiġi ffinalizzata r-reviżjoni tal-Konvenzjoni Pan-Euromed sal-aħħar tal-2018; itenni mill-ġdid it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprepara rapport li jagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tar-regoli ta' oriġini, b'kunsiderazzjoni tal-effetti kumulattivi tar-regoli ta' oriġini permezz tal-FTAs bilaterali;

18.Ifakkar li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-prodotti agrikoli kif ukoll lill-interessi tal-produtturi u l-konsumaturi Ewropej fl-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tal-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl tal-impatt kumulattiv tal-FTAs fis-settur; jissottolinja l-fatt li l-ftehimiet kummerċjali jistgħu joffru opportunitajiet ekonomiċi għas-settur agroalimentari, b'mod partikolari fil-kuntest tal-ftehim konkluż mal-Ġappun; jinnota li l-Unjoni hija l-akbar esportatur tal-prodotti agroalimentari fid-dinja; jisħaq fuq l-importanza li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-ħarsien tal-prodotti agrikoli sensittivi u l-promozzjoni tal-interessi offensivi tal-Unjoni f'termini ta' esportazzjonijiet agroalimentari, billi jitqiesu, inter alia, il-perjodi ta' tranżizzjoni u l-kwoti xierqa, kif ukoll f'ċerti każijiet, l-esklużjoni possibbli tal-prodotti l-aktar sensittivi; jenfasizza li huwa fundamentali li jiġi żgurat livell għoli ta' standards sanitarji u fitosanitarji f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni tal-UE filwaqt li tkompli l-ġlieda kontra kwalunkwe trattament diskriminatorju f'dan il-qasam;

Il-prinċipju ta' reċiproċità bħala pilastru tal-politika kummerċjali tal-Unjoni u l-iżgurar tal-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusti u xierqa

19.Jemmen ħafna li waħda mill-miri ewlenin tal-politika kummerċjali tal-Unjoni għandha tkun li tiġi promossa kompetizzjoni ġusta u tiżgura kundizzjonijiet ekwi; jilqa' r-referenzi għall-prinċipju ta' reċiproċità fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija kummerċjali tal-Unjoni; itenni li r-reċiproċità trid tkun pilastru tal-politika kummerċjali tal-Unjoni filwaqt li titqies il-ħtieġa għal asimetriji ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw meta jkunu rilevanti u dispożizzjonijiet għal trattament preferenzjali lill-pajjiżi l-inqas żviluppati; jinnota l-proposta emendata tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-Unjoni tal-akkwist pubbliku, li tista' tkun għodda importanti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs fl-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi; huwa tal-fehma li l-inizjattiva dwar l-iskrinjar ta' investiment barrani dirett lejn l-Unjoni Ewropea għandu l-għan li jipproteġi s-sigurtà u l-ordni pubblika tal-Unjoni u tal-Istati Membri u tista' twassal għal aktar reċiproċità fil-qasam tal-aċċess għas-swieq filwaqt li jiġi żgurat ftuħ kontinwu għall-investiment dirett barrani;

20.Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali trid tikkontribwixxi biex tiżgura kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusti u ekwi għall-kumpaniji; jilqa' l-adozzjoni tal-metodoloġija l-ġdida dwar l-antidumping f'każ ta' distorsjoni fi Stat terz; jieħu nota tal-ftehim interistituzzjonali li ntlaħaq dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża kummerċjali; jenfasizza l-possibbiltà l-ġdida li huma joffru, b'mod partikolari fir-rigward tal-impożizzjoni ta' dazji 'l fuq mill-marġni tal-ħsara; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni t-tajba ta' dawn l-istrumenti l-ġodda billi jintervjenu u jikkoreġu immedjatament kwalunkwe funzjonament ħażin jew abbuż, proporzjonali u f'konformità sħiħa mal-liġi tad-WTO u l-obbligi legali oħra tal-Unjoni; jilqa' l-pożizzjoni proattiva tal-Kummissjoni fl-iskjerament tal-istrumenti tad-difiża kummerċjali fl-2016, u riżoluzzjoni u reattività simili meta dawn l-istrumenti jintużaw b'mod mhux dovut kontra l-esportazzjonijiet tal-UE minn xi wħud mis-sħab kummerċjali tagħna;

21.Jiddispjaċih li fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Politika Kummerċjali ma tissemma kważi xejn il-ħidma ta' koordinazzjoni li trid issir mad-dwana; jiġbed l-attenzjoni li l-politika kummerċjali trid taħdem biex tiġġieled il-kummerċ illegali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tan-negozji tagħna u sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' sikurezza tal-konsumaturi; jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-rwol importanti tal-politika tal-kompetizzjoni f'dan ir-rigward u l-ħtieġa għal negozjati bilaterali u multilaterali għal dan il-għan;

L-użu ta' strumenti effikaċi trażversali għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali għall-benefiċċju ta' kulħadd

22.Jitlob li l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali ssir parti integrali tal-istrateġija kummerċjali tal-Unjoni;

23.Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża immedjatament l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħha fil-każ ta' funzjonament ħażin, ostaklu jew nuqqas ta' konformità ta' impenn minn sieħeb, b'mod partikolari bl-użu tal-proċedura ta' riżoluzzjoni tat-tilwim kif ukoll il-proċessi eżistenti u ad hoc maħsuba għal dispożizzjonijiet kummerċjali u tal-iżvilupp sostenibbli fl-FTAs tal-Unjoni;

24.Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli bħalissa, bil-għan li ttejjeb il-preparazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali għall-adozzjoni mill-koleġiżlaturi tagħna u l-mod kif il-politika ta' kummerċ hi implimentata, u jitlob li servizz speċjali ta' monitoraġġ u evalwazzjoni kontinwi tal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali jiġu stabbiliti fi ħdan il-Kummissjoni, b'rapportar ukoll lill-Parlament;

25.Iħeġġeġ minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu aktar, b'mod partikolari permezz ta' strumenti diġitali, biex ineħħu kull ostaklu u piżijiet bla bżonn, biex jissimplifikaw il-proċeduri tekniċi kif ukoll biex jgħinu lill-kumpaniji fl-azzjonijiet tagħhom biex jibbenefikaw minn ftehimiet u strumenti kummerċjali;

26.Jenfasizza l-ħidma kruċjali tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, flimkien mal-ambaxxati tal-Istati Membri u s-sħab soċjali, li tippermetti azzjoni rapida u diretta biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet kummerċjali jiġu implimentati kif xieraq u jkunu identifikati malajr u indirizzati b'mod effikaċi l-problemi u l-ostakli li jinqalgħu; jemmen li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jibbenefikaw minn sistema integrata bbażata fuq sett uniku ta' regoli u gwida sabiex tiġi żgurata aktar koerenza; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinvolvi delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi b'mod aktar mill-qrib fit-traspożizzjoni tal-ftehimiet eżistenti u ġodda ta' kummerċ ħieles, b'attenzjoni partikolari għax-xena lokali tan-negozji ġodda; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lis-SEAE ikomplu l-ħidma tagħhom fuq id-diplomazija ekonomika, bl-involviment ta', fost l-oħrajn, il-kmamar tal-kummerċ Ewropej;

27.Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-effetti kumulattivi tal-ftehimiet kummerċjali, settur b'settur u pajjiż b'pajjiż, sabiex tikkontribwixxi fil-valutazzjoni tal-politika kummerċjali tagħna u tantiċipa u tadatta l-effetti tagħhom;

28.Jisħaq li ċerti setturi jistgħu jiltaqgħu ma' diffikultajiet ekonomiċi relatati man-negozju kummerċjali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki ta' appoġġ b'kunsiderazzjoni ta' perspettiva soċjali, sabiex jimmassimizzaw il-benefiċċji u jnaqqsu l-effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex iżżid l-effikaċja tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u tagħmlu aktar proattiv;

29.Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha ma' organizzazzjonijiet u fora internazzjonali bħall-G20, in-Nazzjonijiet Uniti, l-OECD, l-ILO, il-Bank Dinji, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, dwar l-iżvilupp ta' standards internazzjonali, l-implimentazzjoni tagħhom u l-monitoraġġ tal-kummerċ inkluż dwar aspetti soċjali u ambjentali;

Analiżi tal-ewwel Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' FTAs

30.Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni tal-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tippubblika rapport kull sena; jinsisti, madankollu, li l-Kummissjoni għandha tagħmel studji komprensivi aktar fil-fond dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs tal-Unjoni, tkopri s-suġġett aktar fil-fond u tiżgura li l-istudji jinkludu analiżi ekonometrika u kwalitattiva rilevanti u xierqa u interpretazzjonijiet tad-data, rakkomandazzjonijiet konkreti, tqiegħed fil-kuntest iċ-ċifri ppubblikati u tipprovdi informazzjoni addizzjonali kwalitattiva, inklużi – għall-implimentazzjoni tar-regoli – partijiet mill-FTAs bħall-Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli (TSD) u l-akkwisti pubbliċi; jissottolinja li dan se jagħmilha possibbli li jkun hemm valutazzjoni aħjar u komprensiva tal-impatt reali tal-ftehimiet fuq il-post bil-għan li r-rapport isir effikaċi f'li jiggwida l-istituzzjonijiet tal-UE dwar id-definizzjoni u l-kondotta tal-istrateġija kummerċjali tal-Unjoni; jemmen, f'dan ir-rigward, li għandha tiġi identifikata u użata metodoloġija komuni għal dawn l-istudji;

31.Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar id-dispożizzjonijiet tat-trattament ta’ l-aktar nazzjon favorit (MFN) f'FTAs bilaterali tal-UE eżistenti u dwar l-effett prattiku tagħhom f'li jiggarantixxu aċċess addizzjonali għas-suq tal-UE f'pajjiżi terzi permezz tal-FTAs innegozjati mis-sħab tal-FTA tal-UE;

32.Jenfasizza l-fatt li fir-rapport hemm xi informazzjoni u ċifri neqsin; jistieden lill-Kummissjoni taħdem aktar mal-Istati Membri u mal-pajjiżi sħab biex jiksbu aktar data u informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar, fost affarijiet oħra, l-impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi tal-FTAs kollha, il-kontribut tal-FTAs fl-evoluzzjoni tal-flussi tal-kummerċ u l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali u tal-investiment dwar il-flussi tal-investiment u l-kummerċ fis-servizzi;

33.Jinsab imħasseb dwar l-użu ħażin tal-preferenza kummerċjali fl-FTAs tal-Unjoni, b'mod partikolari għall-fatt li l-esportaturi Ewropej jużawhom inqas mill-esportaturi tal-pajjiżi sħab; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika malajr kemm jista' jkun il-kawżi ta' dan l-iżbilanċ u tindirizzahom; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza r-relazzjoni bejn regoli ta' oriġini kumplessi u l-adozzjoni tal-ftehimiet kummerċjali preferenzjali minn operaturi ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw minnufih azzjonijiet sabiex jinfurmaw aħjar lill-partijiet ikkonċernati ekonomiċi rigward il-preferenzi kummerċjali previsti mill-ftehimiet; jemmen li informazzjoni dettaljata, inkluż fil-livell mikro, hija meħtieġa sabiex tiġi vvalutata kif xieraq l-implimentazzjoni tal-FTAs tal-UE;

34.Iqis li l-Kummissjoni għandha tagħti l-attenzjoni lejn l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FTAs bħal kif tagħti lill-fażi tan-negozjati; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-problemi ta' implimentazzjoni mas-sħab kummerċjali tal-UE rilevanti sabiex issib soluzzjonijiet u skambji sistematiċi mal-operaturi Ewropej;

35.Jistieden lill-Kummissjoni tiddiversifika l-approċċ tagħha fis-setturi li tanalizza u tippreżenta l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali għas-setturi li huma meqjusa bħala sensittivi;

36.Jilqa' l-aħbar ta' introduzzjoni ta' pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni ta' kull ftehim kummerċjali u jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha fit-tfassil tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika objettivi li għandhom jintlaħqu kif ukoll kriterji konkreti li jippermettu valutazzjoni ċara, bħal pereżempju s-sitwazzjoni attwali tat-tneħħija tal-ostakli nontariffarji, ir-rata ta' użu tal-preferenzi u tal-kwoti, jew is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni regolatorja u l-progress f'termini ta' kummerċ u żvilupp sostenibbli; jistenna l-implimentazzjoni ta' pjanijiet direzzjonali li għandhom jiġu trażmessi lill-Parlament b'mod parallel mal-konsultazzjoni uffiċjali u jitlob li l-istat ta' progress tal-pjanijiet direzzjonali jiġi inkorporat fir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs;

37.Ifakkar li l-ftehimiet kummerċjali ma jistgħux jidħlu fis-seħħ qabel ir-ratifika tagħhom mill-Parlament Ewropew, inklużi l-kapitoli kummerċjali tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni; jemmen li l-prattika ta' stennija tal-kunsens tal-Parlament qabel ma jiġu applikati b'mod proviżorju ftehimiet ta' importanza politika trid tiġi rispettati b'mod orizzontali, kif impenjat mill-Kummissarju Malmström fis-seduta tagħha tad-29ta'Settembru2014;

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Politika Kummerċjali Komuni għall-SMEs

38.Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta s-sett kollu tal-għodda għall-SMEs sabiex tiżviluppa approċċ globali aktar integrat kif ukoll strateġija proprja ta' internazzjonalizzazzjoni u ta' assistenza għall-SMEs fil-qasam tal-esportazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi dan l-approċċ f'fora internazzjonali; jappoġġja l-involviment f'kampanji ta' informazzjoni effiċjenti għall-SMEs fi sforz biex jiġu mtejba r-rati ta' użu ta' preferenza fl-FTAs tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-multilingwiżmu f'li jiġu indirizzati l-SMEs mill-Istati Membri kollha; jitlob għal aktar appoġġ legali u amministrattiv li għandu jkun disponibbli għall-SMEs li għandhom l-intenzjoni li jesportaw lejn swieq barranin, mhux biss billi jaġġornaw is-siti web tagħhom iżda wkoll billi jikkunsidraw jużaw għodda ġodda bħaċ-chats tekniċi online li jistgħu jipprovdu appoġġ bażiku u aktar faċilment aċċessibbli; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni jikkontribwixxu fl-informazzjoni dwar l-esportazzjoni lejn is-swieq barranin rispettivi, bil-għan li jiġu mgħejjuna l-SMEs;

39.Jiddispjaċih li hemm ftit informazzjoni rigward l-SMEs fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs; jitlob lill-Kummissjoni tiddedika parti speċifika mir-rapport tagħha għall-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali għall-SMEs u għall-użu ta' dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs;

40.Jilqa' l-introduzzjoni ta' kapitoli speċifiċi ddedikati lill-SMEs fl-FTAs li qed jiġu nnegozjati bħalissa u jitlob lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha fin-negozjati u tinkludi kapitoli u dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs fil-ftehimiet kummerċjali li hi tinnegozja u fil-proposti leġiżlattivi tagħha sabiex ittejjeb il-kapaċità ta' intrapriżi żgħar u medji biex jinvolvu ruħhom fil-kummerċ u l-investiment; jenfasizza li l-fehim tal-komplessità tar-regoli ta' oriġini, li jiġu aġġornati u li jsiru faċilment applikabbli u aktar ċari hija kwistjoni ta' importanza kbira għall-SMEs u li dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs għandhom jiġu nnegozjati fir-rigward tal-aċċess tagħhom għas-swieq barranin tal-akkwist pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tipprovdi kalkolatur tar-regoli ta' oriġini magħmula apposta għall-SMEs li għandu speċifikament jippermettilhom jużaw il-preferenzi disponibbli taħt ftehimiet eżistenti bl-għan li tiżdied ir-rata ta' użu ta' preferenzi;

L-importanza tal-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi

41.Jenfasizza li l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi hija punt offensiv tal-Unjoni fin-negozjati ta' ftehimiet; jissottolinja s-sejba tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs li ċerti sħab mhumiex qed jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, u jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr biex dawn is-sħab ikunu konformi ma' dawn id-dispożizzjonijiet;

42.Ifakkar li s-swieq tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni huma l-aktar miftuħa fid-dinja; jinsab imħasseb dwar in-nonkonformità ta' ċerti sħab mad-dispożizzjonijiet tal-FTAs tal-UE dwar id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku, għad-detriment tal-kumpaniji tal-UE, u għall-aċċess limitat ħafna għas-swieq tal-akkwist pubbliku f'ċerti pajjiżi terzi; jitlob lill-Kummissjoni taħdem biex tikseb aktar aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi u tikkunsidra miżuri, f'konformità mar-regoli tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA), li għandhom jintużaw ma' pajjiżi terzi li jagħtu lill-kumpaniji domestiċi tagħhom aċċess prijoritarju lis-swieq tagħhom tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u tippubblika data fuq livell ta' kumpanija dwar l-użu tad-dispożizzjonijiet tal-akkwist pubbliku fl-FTAs sabiex jinftiehmu aħjar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom in-negozji tal-UE;

43.Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi aktar informazzjoni u statistika dwar kif l-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku żviluppa fuq bosta snin, kif ukoll tagħti informazzjoni konkreta dwar il-benefiċċji li rriżultaw mill-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi;

L-implimentazzjoni effikaċi tal-politika kummerċjali tikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-ħarsien tal-valuri tal-Unjoni

44.Ifakkar li l-Politika Kummerċjali Komuni trid tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-valuri difiżi mill-UE, kif definiti fl-Artikolu2 tat-TUE, kif ukoll għall-ksib tal-objettivi elenkati fl-Artikolu21 bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza, ir-rispett tad-dinjità umana kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent u d-drittijiet soċjali; jemmen li l-kisba ta' dawn l-objettivi teħtieġ azzjonijiet riżoluti u sostnuti mill-Kummissjoni; jissottolinja li l-Aġenda 2030 tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima jipprovdu valuri referenzjarji primarji li magħhom jitkejjel il-kontribut tal-politika kummerċjali tal-UE għall-miri globali maqbula tal-iżvilupp sostenibbli;

45.Jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja b'mod sistematiku s-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ), b'mod partikolari l-SPĠ+, u tkompli l-pubblikazzjoni tar-rapporti biennali; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-ħidma tagħha mal-pajjiżi benefiċjarji, mas-SEAE, mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, mal-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-kumpaniji, mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili sabiex tiżgura ġbir aħjar tal-informazzjoni u tapprofondixxi l-analiżi ta' monitoraġġ biex tasal għal valutazzjoni ċara tal-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tas-sistema; jenfasizza li l-effikaċja tal-SPĠ tiddependi fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li timmonitorja u timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni f'każijiet ta' nuqqas ta' implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol u ambjentali;

46.Ifakkar li l-ftehimiet ta' ġenerazzjoni ġdida jinkludu klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli, li l-implementazzjoni sħiħa tagħhom għandha l-għan li tiżgura u tippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-valuri tal-Unjoni u tal-istandards soċjali u ambjentali ta' livell għoli; jinnota l-evalwazzjoni tal-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli inklużi fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-FTAs u jitlob li jkun hemm implementazzjoni fil-ħin tad-dispożizzjonijiet eżistenti tat-TSD; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija preċiża u speċifika fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dawn il-kapitoli, minħabba l-fatt li tali evalwazzjoni ma tistax issir abbażi ta' data kwantitattiva biss; ifakkar li hemm diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TSD f'ċerti każijiet, pereżempju fil-każ tal-FTA UE-Korea, u għalhekk itenni l-appell tiegħu biex jissaħħu l-infurzar u l-monitoraġġ tal-kapitoli tat-TSD, permezz ta' involviment akbar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż is-sħab soċjali, fil-ftehimiet kummerċjali kollha; jiddispjaċih li l-Kummissjoni kkonkludiet b'mod prematur id-dibattitu dwar kif se ssaħħaħ l-infurzar tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali, inkluż il-kunsiderazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq is-sanzjonijiet fost għażliet oħra;

47.Ifakkar, f'dan il-kuntest, ir-rwol importanti ta' Gruppi Konsultattivi Domestiċi; (DAGs) jenfasizza l-valur miżjud potenzjali ta' relazzjoni aktar strutturata u trasparenti mal-(DAGs) fis-sħab kummerċjali, filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tagħhom f'fehim aħjar tal-imperattivi lokali u l-ambizzjonijiet lokali; iqis li d-DAGs huma essenzjali fil-kontribut lill-proċessi meħtieġa għal monitoraġġ u implimentazzjoni aħjar tal-kapitoli tat-TSD;

48.Jilqa' r-rieżami tal-Istrateġija tal-Għajnuna għall-Kummerċ u jappoġġja l-objettiv li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw aktar mill-opportunitajiet offruti mill-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni; jenfasizza wkoll li l-istrateġija trid tikkontribwixxi biex tippromwovi kummerċ ġust u etiku u għandha ssir għodda ewlenija fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza globali u tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi sħab tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex, fost l-oħrajn, iżżomm aċċess għas-suq Ewropew għall-esportazzjonijiet tagħhom u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

49.Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni; jilqa' l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni fin-negozjati li għaddejin bħalissa dwar l-aġġornar tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni UE‑Messiku u UE-Ċilì; ifakkar li l-FTAs joffru opportunità tajba biex tiżdied il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;

50.Jilqa' l-fatt li fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija kummerċjali ġiet ikkunsidrata l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jenfasizza l-għan li jiġi żgurat li n-nisa jibbenefikaw mill-kummerċ bl-istess mod bħall-irġiel, inkluż permezz tal-Għajnuna mill-istrateġija kummerċjali; jenfasizza li dan jirrikjedi approċċ proattiv mill-Kummissjoni, promozzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġenerifil-politika kummerċjali tal-UE, u jitlob lill-Kummissjoni tinkludi dan l-aspett fir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni tagħha futuri;

51.Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li n-negozjati kummerċjali għall-immodernizzar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni attwali UE-Ċilì jkun jinkludi, għall-ewwel darba fl-UE, kapitolu speċifiku dwar il-ġeneru u l-kummerċ; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jippromwovu u jappoġġjaw l-inklużjoni ta' kapitolu speċifiku dwar il-ġeneru fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE;

52.Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament kontra t-Tortura u jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tiegħu u li s-sħab kummerċjali tagħna jikkonformaw miegħu; jappoġġja t-tnedija tal-alleanza kontra t-tortura fuq livell internazzjonali;

53.Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt ((UE) 2017/821) li għandu l-għan li jikkontribwixxi għal ġestjoni aktar responsabbli tal-katina tal-valur mondjali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex ikomplu x-xogħol preparatorju fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri ta' akkumpanjament huma mfassla b'mod effiċjenti u li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati nazzjonali involuti jingħataw l-għarfien u l-assistenza meħtieġa, b'enfasi speċjali fuq l-akkumpanjament tal-SMEs biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tagħhom, kif stipulat mir-regolament;

54.Jirrikonoxxi l-proliferazzjoni tal-ktajjen tal-provvista globali integrati fix-xejriet kummerċjali internazzjonali; itenni l-appell tiegħu biex jinstabu modi kif jiġu żviluppati l-istrateġiji u r-regoli dwar l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza tal-katina tal-valur mondjali, u jenfasizza li l-Politika Kummerċjali Komuni trid tkun implimentata b'tali mod li tiżgura li l-katina tal-valur mondjali hija ġestita b'mod responsabbli; jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi u ssaħħaħ ir-responsabbiltà soċjali korporattiva bħala parti mill-politika kummerċjali tagħha, inklużi azzjonijiet ulterjuri lejn l-iżvilupp ta' regoli u prattiki speċifiċi, b'kunsiderazzjoni tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tas-CSR; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkludi s-CSR fil-ftehimiet kummerċjali kollha u biex timmonitorja b'mod effikaċi dawn id-dispożizzjonijiet, fi ħdan il-monitoraġġ indipendenti mtejjeb tal-kapitolu TSD mitlub mill-Parlament, li jinvolvi s-soċjetà ċivili; itenni l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi internazzjonali bħal pereżempju l-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh, u jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-implimentazzjoni tiegħu;

55.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-atturi internazzjonali kollha jaderixxu mal-linji gwida l-ġodda tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta għal ktajjen tal-provvista responsabbli fis-settur tal-ħwejjeġ u tax-xedd tas-saqajn;

56.Ifakkar li l-politika kummerċjali u ta' żvilupp tal-UE trid tikkontribwixxi globalment għall-iżvilupp sostenibbli, għall-integrazzjoni reġjonali u għall-inkorporazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ktajjen tal-valur reġjonali u, fl-aħħar mill-aħħar, globali permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika, fatt li jeħtieġ regoli kummerċjali globali ġusti u favorevoli għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni l-iżvilupp ta' żona kontinentali ta' kummerċ ħieles fl-Afrika, bis-saħħa ta' assistenza politika u teknika;

57.Ifakkar li l-UE hija impenjata biex teqred l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal fil-livell globali, peress li dan joħroġ mill-valuri tagħna, kif minquxa fl-Artikolu21 tat-TUE; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tipprojbixxi l-importazzjoni ta' merkanzija prodotta bl-użu tat-tħaddim tat-tfal jew għal kwalunkwe forma ta' xogħol furzat jew skjavitù moderna; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li l-pajjiżi li għadhom ma għamlux dan li jirratifikaw il-Konvenzjonijiet tal-ILO Nru182 dwar l-agħar forom tat-tħaddim tat-tfal u Nru138 dwar l-età minima għall-ammissjoni għall-impjieg u x-xogħol;

58.Josserva l-progress li sar fil-konklużjoni u fl-implimentazzjoni tal-FSE; iqis li hemm bżonn analiżi fil-fond tal-impatt tagħhom fuq l-ekonomiji Afrikani u s-sottosetturi tagħhom, is-swieq tax-xogħol rispettivi u l-promozzjoni tal-kummerċ interreġjonali fl-Afrika; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu fi spirtu ta' sħubija ġenwina bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti; ifakkar li l-FSE huma ftehimiet asimetriċi li għandhom jagħtu importanza ndaqs lill-aspetti marbuta mal-iżvilupp u mal-kummerċ; jitlob f'dan ir-rigward l-implimentazzjoni fil-pront tal-miżuri ta' akkumpanjament, inkluż l-iżborż tar-riżorsi tal-FEŻ;

59.Jilqa' pożittivament, barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-FSECariforum; josserva li hemm bżonn sensibilizzazzjoni akbar biex ikun żgurat li l-pajjiżiCARICOM ikunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-Ftehim; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-istituzzjonijiet futuri tas-soċjetà ċivili jkunu kkonvokati fil-ħin;

60.Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex taħdem favur soluzzjonijiet adegwati u effiċjenti għall-introduzzjoni ta' sistema ta' tikkettar soċjalment u ambjentalment traċċabbli tul il-katina ta' produzzjoni kollha, f'konformità mal-Ftehim TBT tad-WTO, filwaqt li tiġi promossa azzjoni simili fuq livell internazzjonali;

It-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni għandhom jimxu id f'id mal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tal-Unjoni

61.Jieħu nota tal-ħidma tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza u jistieden lill-Kummissjoni biex tmexxi negozjati bl-iktar mod trasparenti possibbli, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-aħjar prattiki kif stabbilit f'negozjati oħra; jemmen li l-kisba tat-trasparenza trid tkun parti mill-objettivi ewlenin tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippubblikaw id-dokumenti dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet filwaqt li ma jdgħajfux il-pożizzjoni ta' negozjati tal-Unjoni;

62.Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija proprja ta' komunikazzjoni għall-politika kummerċjali kif ukoll għal kull ftehim kummerċjali sabiex tiġi massimizzata t-trażmissjoni tal-informazzjoni u biex tiġi adattata għall-partijiet ikkonċernati kollha biex b'hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-ftehimiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati ekonomiċi dwar il-ftehimiet konklużi billi jinżamm djalogu regolari mal-federazzjonijiet professjonali, mal-kumpaniji u mas-soċjetà ċivili;

63.Jilqa' l-pubblikazzjoni mill-Kunsill tal-mandati ta' negozjar għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), is-CETA, it-TiSA, il-ftehimiet mal-Ġappun, it-Tuneżija u ċ-Ċilì, u l-Konvenzjoni MIC, kif ukoll il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposti tagħha tal-mandati ta' negozjar għall-ftehimiet mal-Awstralja u man-New Zealand kif ukoll għall-ħolqien ta' MIC f'konformità mad-domanda li l-Parlament ilu jagħmel dwar it-trasparenza; jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri jippubblikaw il-mandati kollha ta' negozjati u jistieden lill-Kummissjoni tippubblika l-proposti kollha ta' mandat għall-ftuħ ta' negozjati futuri; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu r-rakkomandazzjonijiet mill-Parlament waqt l-abbozzar u l-adozzjoni tal-mandati ta' negozjar;

64.Itenni t-talba tiegħu li l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali, l-operaturi ekonomiċi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fil-monitoraġġ tal-politika kummerċjali, inklużi, iżda mhux limitati għalihom, id-dispożizzjonijiet tat-TSD; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ pjan ta' azzjoni u deskrizzjoni ta' "Sħubija Msaħħa" għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali;

65.Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt li saru għal kull ftehim kummerċjali u tinkludi fihom analiżi settorjali u ġeografika; jenfasizza li komunikazzjoni aħjar u aktar fil-ħin dwar l-informazzjoni li tinsab fl-istudji tal-impatt ex ante u ex post tal-ftehimiet kummerċjali hija essenzjali;

66.Jilqa' l-aħbar tat-twaqqif tal-grupp konsultattiv għall-monitoraġġ tal-politika kummerċjali; jenfasizza l-importanza li dan il-korp il-ġdid jidħol fis-seħħ malajr, b'mod miftuħ u inklużiv; jitlob li b'mod regolari, il-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti tal-laqgħat u l-ħidma ta' dan il-grupp konsultattiv; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-proċessi biex tiżgura li tingħata tweġiba xierqa dwar kwistjonijiet mqajma mill-grupp konsultattiv;

o
oo

67.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 30.
(2) Testi Adottati, P8_TA(2017)0439.
(3) ĠU C101, 16.3.2018, p.19.
(4) ĠUC35, 31.1.2018, p.21.
(5) Testi Adottati, P8_TA(2017)0330.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0437.
(7) Testi Adottati, P8_TA(2017)0488.
(8) Testi Adottati, P8_TA(2017)0090.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0369.
(10) ĠU C99E, 3.4.2012, p.31.
(11) ĠU C99E, 3.4.2012, p.94.
(12) Testi Adottati, P8_TA(2017)0225.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali-Politika tal-privatezza