Ϸվ

Ի徱ċ
ʰċԳپ
Li jmiss
Test sħiħ
Proċedura :
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0090/2019

Testi mressqa :

A8-0090/2019

Dibattiti :

PV14/03/2019-7
CRE14/03/2019-7

Votazzjonijiet :

PV14/03/2019-11.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0207

Testi adottati
PDF166kWORD61k
Il-Ħamis, 14 ta' Marzu 2019-Strasburgu
Implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP)
P8_TA(2019)0207A8-0090/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 dwar is-SĠP ()

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25ta'Ottubru2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru732/2008(1),

–wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru607/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12ta'Ġunju2013 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru552/97 li jirtira temporanjament l-aċċess għal preferenzi tariffarji ġeneralizzati mill-Myanmar/Burma(2), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23ta'Mejju2013 dwar ir-ristabbiliment tal-aċċess tal-Myanmar/Burma għas-sistema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati(3),

–wara li kkunsidra l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tar-regolament SĠP attwali ta' Lulju2018(4) u r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru978/2012(5) akkumpanjat mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4ta'Ottubru2018(6),

–wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni tat-28ta'Jannar2016 u tad-19ta'Jannar2018 dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi li jkopru l-perjodi 2014-2015(7) u 2016-2017(8) rispettivament, li jivvalutaw l-effetti tas-SĠP b'fokus fuq il-prestazzjoni tal-benefiċjarji tas-SĠP+,

–wara li kkunsidra s-Smigħ Pubbliku dwar is-SĠP organizzat mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA) fis-16ta'Frar2016, l-iskambju ta' fehmiet dwar l-għoti tas-SĠP+ lis-Sri Lanka fil-21ta'Marzu2017; u l-iskambju ta' fehmiet dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament SĠP fid-19ta'Frar2018,

–wara li kkunsidra l-Artikoli5 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–wara li kkunsidra l-Artikolu208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ1409/2014/MHZ dwar in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq minn qabel valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam(9),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5ta'Lulju2016 dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva(10),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12ta'Diċembru2018 dwar ir-rapport annwali tal-2017 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(11),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27ta'April2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ(12),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-14ta'Ġunju2017 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh(13),

–wara li kkunsidra sħubijiet volontarji speċifiċi għall-pajjiżi, bħall-inizjattiva tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh u l-inizjattiva tad-Drittijiet tax-Xogħol fil-Myanmar,

–wara li kkunsidra l-istrateġija konġunta tal-2007 tal-UE u tal-Istati Membri tagħha bit-titolu "Għajnuna għall-Kummerċ: It-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE għall-ħtiġijiet relatati mal-kummerċ f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp",

–wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU għall-2030,

–wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar it-tħaddim tat-tfal, ix-xogħol furzat, id-diskriminazzjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv,

–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12ta'Mejju2016 dwar l-UE u dwar il-katini ta' valur mondjali responsabbli,

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12ta'Settembru2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u tal-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-ktajjen ta' valur mondjali(14),

–wara li kkunsidra l-Artikolu52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu1(1)(e) ta', u l-Anness3 għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12ta'Diċembru2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja(15),

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0090/2019),

A.billi l-UE kienet l-ewwel li implimentat skema SĠP fl-1971 wara r-rakkomandazzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) li skontha l-pajjiżi industrijalizzati jagħtu preferenzi kummerċjali ġeneralizzati, mhux reċiproċi u mhux diskriminatorji lil pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b'hekk jgħinuhom biex jiġġeneraw dħul addizzjonali permezz ta' kummerċ internazzjonali bi sforz biex jitnaqqas il-faqar, tiġi promossa l-governanza tajba, u jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli;

B.billi l-Artikolu207 tat-TFUE jistipula li l-politika kummerċjali tal-UE jeħtiġilha tkun imsejsa fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-politika esterna tal-UE u tippromwovi l-valuri li l-Unjoni tiddefendi, kif stabbilit fl-Artikolu2 tat-TUE u għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu21, bħat-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent u tad-drittijiet soċjali;

C.billi fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Ombudsman tal-UE stqarr li: amministrazzjoni tajba tfisser li jiġu osservati u rrispettati d-drittijiet fundamentali; meta d-drittijiet fundamentali ma jiġux irrispettati m'hemmx lok għal amministrazzjoni tajba; l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jeħtiġilhom dejjem jikkunsidraw li l-azzjonijiet tagħhom ikunu konformi mad-drittijiet fundamentali u għandhom ifittxu wkoll li jtejbu l-argument tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi sħab.

D.billi l-iskema SĠP attwali ġiet stabbilita taħt ir-Regolament (UE) Nru978/2012, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu2017 tat-TFUE skont il-proċess leġiżlattiv ordinarju mal-Parlament Ewropew li għall-ewwel darba aġixxa bħala koleġiżlatur għal regolament SĠP;

E.billi skont l-Artikolu40 tar-RegolamentSĠP, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament SĠP lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ħames snin wara l-adozzjoni, li għandu r-RegolamentSĠP li jmiss u li ser jiġi adottat sal-2022; billi dan ir-Regolament ilu fis-seħħ mill-1ta'Jannar2014; billi saret evalwazzjoni indipendenti bir-reqqa tal-funzjonament tar-Regolament attwali bħala sforz sabiex tiġi pprovduta informazzjoni fl-ambitu tal-eżerċizzju ta' rieżami mill-Kummissjoni u billi tfasslet lista ta' rakkomandazzjonijiet konkreti;

F.billi l-iskema fiha tliet arranġamenti: l-iskema SĠP ġenerali, l-iskema ta' inċentivi SĠP+; u l-iskema Kollox ħlief Armi (EBA); billi l-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP standard – attwalment 18-ilpajjiż – jibbenefikaw minn tnaqqis fid-dazji doganali f'66% tal-kategoriji tal-prodotti kollha tal-UE; billi t-tmien benefiċjarji tas-SĠP+ jesportaw madwar 66% tal-kategoriji tal-prodotti kollha mingħajr dazju għall-impenn tagħhom biex jimplimentaw effettivament 27konvenzjoni ewlenija internazzjonali li jkopru d-drittijiet tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u t-tħassib ambjentali; billi d-49pajjiż l-anqas żviluppati (LDCs) fl-ambitu tal-arranġament tal-EBA tas-SĠP jingħataw aċċess mingħajr dazju għall-UE għall-prodotti kollha, ħlief għall-armi u l-munizzjon; billi l-pajjiżi benefiċjarji kollha huma marbuta minn konvenzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tax-xogħol skont ir-RegolamentSĠP, filwaqt li l-pajjiżiSĠP+ huma marbuta wkoll minn konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-ambjent u governanza tajba; billi hija biss l-iskemaSPĠ+ li toffri djalogu strutturat fejn tiġi vvalutata l-implimentazzjoni effikaċi ta' dawn il-konvenzjonijiet mill-pajjiżi benefiċjarji; billi l-pajjiżi benefiċjarji tas-SPĠ għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw ukoll standards u normi internazzjonali, inklużi t-tfassil, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' leġiżlazzjoni xierqa, b'mod partikolari fil-qasam tal-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

G.billi l-objettivi ewlenin tar-riforma tas-SĠP tal-2012 kienu li jkun hemm aktar enfasi fuq il-pajjiżi fil-bżonn – LDCs u pajjiżi oħra bi fejn id-dħul huwa aktar baxx – fejn jiġu promossi aktar il-prinċipji ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba, jissaħħu l-istabbiltà u l-prevedibbiltà filwaqt li tittejjeb iċ-ċertezza għall-operaturi kummerċjali;

H.billi bosta konvenzjonijiet internazzjonali, linji gwida u regoli għandhom l-għan li jipprevjenu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi, b'mod partikolari, il-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP għandhom l-obbligu li jimplimentaw dawn il-linji gwida u joħolqu l-kundizzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi xierqa li fihom in-negozji jistgħu joperaw u jsibu posthom fil-katini ta' provvista mondjali;

I.billi l-UE jenħtieġ li twieġeb b'mod saħansitra aktar effettiv għad-dumping soċjali u ambjentali u għal prattiki kummerċjali u ta' kompetizzjoni inġusti fl-istess waqt li tassigura kundizzjonijiet ekwi;

J.billi f'diversi pajjiżi, iż-żoni ta' pproċessar tal-esportazzjonijiet (EPZs) huma eżentati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ix-xogħol u b'hekk dan ma jippermettix id-dritt komplut ta' parteċipazzjoni fl-attività ta' trade union jew ta' tiftix ta' rimedju legali; billi l-ewwel istanza tikkostitwixxi ksur tal-istandards ewlenin tal-ILO u tista' twassal għal aktar impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem;

K.billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE hija stabbilita sew fl-Artikolu8 tat-TFUE; billi l-ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment għandhom ħabta jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti minħabba l-inugwaljanzi strutturali bejn il-ġeneri; billi skont l-ILO, fl-2012 21miljun persuna madwar id-dinja, li minnhom 55% kienu nisa u bniet, sfaw vittmi ta' xogħol furzat u 90% minnhom kienu fis-settur tal-ekonomija privata;

L.billi l-Artikolu19(6) tar-RegolamentSĠP jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis "l-informazzjoni rilevanti kollha" meta tiddetermina jekk il-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP humiex debitament konformi mal-obbligi tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-informazzjoni pprovduta mis-soċjetà ċivili; billi l-involviment tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fl-implimentazzjoni tal-iskemaSĠP jista' jsaħħaħ il-leġittimità u l-effikaċja tal-politika kummerċjali komuni tal-UE;

M.billi r-RegolamentSĠP jippermetti lill-UE tissospendi l-preferenzi fl-aktar każijiet serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, abbażi tal-KapitoluV, Artikolu19(1)(a) tar-RegolamentSĠP, li jipprevedi l-irtirar temporanju ta' trattament preferenzjali għal għadd ta' raġunijiet, inkluż il-ksur sistematiku tal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet elenkati fil-PartiA tal-AnnessVIII;

N.billi l-Kummissjoni nediet il-proċess fil-każ tal-Kambodja u tinsab fil-proċess li tniedi investigazzjonijiet fil-każ tal-Myanmar rigward abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-qafas ta' irtirar possibbli mill-arranġamenti Kollox ħlief Armi;

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ewlenin

1.Jilqa' r-Rapport ta' Nofs it-Terminu li dwar l-applikazzjoni tar-RegolamentSĠP attwali li jivvaluta jekk l-objettivi li stabbilixxa għandhomx probabbiltà li jinkisbu; jilqa' l-fatt li r-Regolament il-ġdid ra żieda fl-esportazzjonijiet mill-benefiċjarji tal-arranġamenti Kollox ħlief Armi (EBA) u SĠP+, li huwa fattur importanti li jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar;

2.Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016 EUR62.6biljun f'importazzjonijiet daħlu fl-UE skont il-preferenzi tas-SĠP (tendenza li qiegħda tiżdied), imqassma kif ġej: EUR31.6biljun minn benefiċjarji tas-SĠP standard, madwar EUR7.5biljun mill-benefiċjarji tas-SĠP+ u EUR23.5biljun mill-benefiċjarji tal-EBA (data tal-Eurostat minn Settembru2017);

3.Ifakkar li s-SĠP tgħin lill-industriji fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jegħlbu d-diffikultajiet li dawn il-pajjiżi jiffaċċjaw fis-swieq tal-esportazzjoni bħala riżultat ta' spejjeż inizjali għoljin; ifakkar li, f'konformità mal-objettivi tal-UNCTAD, l-għanijiet tas-SĠP huma li jiżdied id-dħul mill-esportazzjoni u li tiġi promossa l-industrijalizzazzjoni ta' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u konsegwentement tal-LDCs u li jiġi aċċellerat it-tkabbir tagħhom bil-għan li jinqered il-faqar;

4.Jenfasizza li s-SĠP+ hija strument importanti tal-politika kummerċjali tal-UE li tipprovdi aċċess aħjar għas-suq u hija akkumpanjata minn mekkaniżmu ta' monitoraġġ strett għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza t-tajba fil-pajjiżi vulnerabbli fil-fażi tal-iżvilupp;

5.Jinnota li r-RegolamentSĠP attwali ilu fis-seħħ għal tliet snin, mill-bidu tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu, li diġà identifika elementi li fir-RegolamentSĠP ser jitqies li jkun hemm riforma tagħhom; jilqa' r-rakkomandazzjonijiet previsti fir-rapport finali tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu;

6.Jenfasizza li s-SĠP, bħala parti mill-politika kummerċjali tal-UE għandha tinbena fuq il-prinċipji tal-politika esterna tal-UE (effikaċja, trasparenza u valuri) kif minquxa fl-Artikolu21 tat-TUE; jisħaq li l-Artikolu208 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u jistabbilixxi l-qerda tal-faqar bħala l-objettiv ewlieni; jisħaq li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd" tirriafferma dawn il-prinċipji;

7.Jirrikonoxxi l-fatt li s-SĠP+ għandha rwol importanti fil-promozzjoni tad-drittijiet internazzjonali tax-xogħol, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-governanza tajba u tal-istandards għall-ħarsien tal-ambjent fil-pajjiżi benefiċjarji tagħha, mhux biss billi toffri inċentivi biex jikkonformaw ma' dawn l-istandards iżda wkoll billi tistabbilixxi pjattaforma għal djalogu regolari fl-oqsma koperti mill-konvenzjonijiet u billi tippromwovi l-involviment f'riformi sostantivi;

8.Jirrikonoxxi li l-iskemaSĠP ġabet gwadanji ekonomiċi għall-pajjiżi benefiċjarji u għall-UE, b'żieda fl-esportazzjonijiet lejn l-UE u b'rati ta' utilizzazzjoni ta' preferenza mtejba mill-benefiċjarji tal-EBA u tas-SĠP+; iħeġġeġ lill-UE taħdem biex iżżid l-għarfien dwar ir-regoli tas-SĠP fil-pajjiżi benefiċjarji sabiex tippromwovi implimentazzjoni saħansitra aħjar tal-iskema; jitlob lill-Kummissjoni biex, fejn possibbli, tivvaluta d-distribuzzjoni tal-qligħ fir-rigward tal-iskemaSĠP abbażi tad-disponibbiltà tad-data; jieħu nota li, f'xi każijiet, iż-żieda fl-esportazzjonijiet u fl-opportunitajiet ekonomiċi kellha impatti indiretti negattivi mhux intenzjonati fuq id-drittijiet fundamentali u l-iżvilupp soċjali, pereżempju f'każijiet fejn wasslu għall-ħtif tal-art jew għal nonkonformità mad-drittijiet tax-xogħol; jisħaq, għaldaqstant, li jeħtieġ li l-preferenzi kummerċjali jiġu segwiti mill-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet internazzjonali u riformi sabiex jiġi evitat li l-programmiSĠP potenzjalment iwasslu għal livelli ogħla ta' dumping ambjentali u soċjali;

9.Jilqa' l-mekkaniżmu ta' dħul tas-SĠP+ issimplifikat biex jagħmlu aktar attraenti għall-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP standard; jaċċentwa l-fatt li ħafna mill-pajjiżi kandidati għas-SĠP+ irratifikaw bosta mill-konvenzjonijiet internazzjonali meħtieġa għal dħul fis-SĠP+; jisħaq li l-monitoraġġ imtejjeb, kostanti u sistematiku tal-proċess ta' implimentazzjoni huwa ta' importanza kbira u jista' jinkiseb billi tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-atturi kollha sabiex il-ġbir ta' informazzjoni u l-analiżi fil-fond isiru aħjar bl-użu tal-informazzjoni u r-riżorsi kollha disponibbli, bħar-rapporti tal-korpi ta' monitoraġġ internazzjonali, inkluż in-NU, l-ILO, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u inkluż l-involviment dirett tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fil-proċess; jisħaq li dan huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat il-potenzjal sħiħ li l-iskemaSĠP+ ittejjeb is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-qerda tax-xogħol tat-tfal u x-xogħol furzat permezz tal-implimentazzjoni effettiva tas-27konvenzjoni;

10.Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet tal-ispazju li qiegħed jiċkien għas-soċjetà ċivili u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju meta taħdem ma' pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP+ u permezz ta' involviment aħjar permezz tal-EBA hekk kif dawn il-kwistjonijiet huma relatati direttament mal-obbligi fl-ambitu tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd"; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tesplora possibilitajiet oħra għal parteċipazzjoni strutturata, formali u indipendenti tas-soċjetà ċivili, tar-rappreżentanti tat-trade unions u tas-settur privat fejn kollha jistgħu jservu bħala mezzi potenzjali biex jissaħħaħ il-proċess ta' monitoraġġ;

11.Jenfasizza li, b'mod globali, l-iskemaSĠP tidher li ħolqot inċentivi għar-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali u għalhekk ħolqot qafas aħjar għal progress; jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati aktar miżuri preċiżi biex jiżguraw li s-SĠP irawwem żvilupp ambjentali pożittiv; jirrakkomanda li l-Ftehim ta' Pariġi jiżdied mal-lista ta' 27konvenzjoni internazzjonali fundamentali li l-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP+ jeħtiġilhom ikunu konformi magħhom; jisħaq li għad irid isir ħafna aktar progress fil-pajjiżi benefiċjarji sabiex jinkiseb mudell ta' żvilupp sostenibbli;

12.Jirrikonoxxi l-progress li sar dwar l-implimentazzjoni effettiva, miksub permezz ta' żieda fil-monitoraġġ u djalogu bejn l-UE u l-pajjiżi benefiċjarji, b'mod partikolari fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni fundamentali; jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), id-delegazzjonijiet tal-Unjoni, il-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri, il-gvernijiet tal-pajjiżi benefiċjarji, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, in-negozji, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili sabiex jittejjeb il-ġbir tal-informazzjoni u tiġi pprovduta analiżi aktar fil-fond tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ; jirrakkomanda li, kemm jista' jkun, jkun hemm aktar trasparenza u komunikazzjoni bejn il-koleġiżlaturi u l-partijiet ikkonċernati fil-proċessi tal-irtirar tas-SĠP, b'mod partikolari matul il-proċedura ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni;

13.Jirrikonoxxi li r-ratifika u l-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva ta' konvenzjonijiet rilevanti huma punti ta' riferiment importanti sabiex jinkiseb il-progress meħtieġ fi ħdan l-iskema; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-azzjonijiet meħuda rigward il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet, mill-pajjiżi benefiċjarji, ikunu kompletament konformi mad-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiż, bil-għan li tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki, il-konsistenza u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki kummerċjali;

14.Jisħaq fuq il-bżonn ta' involviment kontinwu u aktar titjib tat-trasparenza fil-monitoraġġ tas-SĠP+ filwaqt li jiġi żgurat li l-UE tkun tista' żżomm l-ingranaġġ kollu tagħha mal-pajjiżi benefiċjarji f'dan id-djalogu, b'mod partikolari fl-eżerċizzju ta' valutazzjoni; jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra passi ulterjuri f'dan il-qasam u fil-qasam tad-djalogu mal-pajjiżi benefiċjarji sabiex tiżdied it-trasparenza, is-sorveljanza u l-effikaċja tal-iskema;

15.Iqis li kwalunkwe deċiżjoni li jiġu sospiżi l-preferenzi trid tkun konsistenti fl-intier tagħha mal-objettiv sovrastanti li jittaffa l-faqar u jenfasizza li atti tad-dritt sekondarju tal-UE jridu jitfasslu u jiġu interpretati skont id-dritt primarju tal-UE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE f'dan ir-rigward; jisħaq, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa li jinżamm l-approċċ speċjalizzat użat attwalment għall-irtirar tal-preferenzi u jiġi żgurat li dan l-irtirar ikun limitat għal setturi speċifiċi u mfassal b'tali mod li jillimita għall-inqas possibbli l-effetti negattivi għall-popolazzjoni lokali; jappella lill-Kummissjoni biex, fejn xieraq, tagħmel użu minn irtirar gradwali fir-rigward tal-preferenzi kummerċjali jew miżuri oħra ta' rtirar li huma marbuta b'perjodu ta' żmien; jisħaq, fl-aħħar nett, li l-irtirar ta' preferenzi kummerċjali għandu jitqies bħala miżura tal-aħħar rikors li tiġi applikata biss f'każijiet ta' nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali u nuqqas ċar ta' rieda u involviment min-naħa tal-pajjiż benefiċjarju sabiex jindirizzahom; jisħaq, fl-istess waqt, fuq in-natura kundizzjonali tal-iskemi u li din il-kundizzjonalità għandha tintuża biex tiġi ppreservata l-kredibilità ta' kull skema u biex tiġi żgurata azzjoni f'każijiet ta' ksur serju u sistematiku tal-konvenzjonijiet;

16.Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni li tniedi l-proċess għall-irtirar tal-preferenzi fi ħdan l-EBA għall-Kambodja u li tibgħat missjoni tal-UE ta' emerġenza u ta' livell għoli fil-Myanmar b'reazzjoni għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żewġ pajjiżi; jistenna li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament informat mill-qrib u involut fil-passi sussegwenti, inkluż fir-rigward tas-sospensjoni tal-preferenzi;

17.Jinnota li n-numru ta' pajjiżi benefiċjarji naqas konsiderevolment minħabba r-riforma fil-kriterji ta' eliġibilità li, flimkien mal-kwalifika tal-prodott, irriżultat fi tnaqqis globali fil-volum tal-importazzjonijiet tal-UE minn pajjiżi SĠP; jirrikonoxxi li dawn ir-riformi jippermettu li l-preferenzi jiġu ffukati fuq il-pajjiżi li huma l-aktar fil-bżonn; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura koerenza u konsistenza bejn is-sistemi SĠP u FTA fil-valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament li jmiss sabiex jiġi żgurat ir-rwol ċentrali tas-SĠP għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fi ħdan il-politika kummerċjali tal-UE; jinnota f'dan ir-rigward li l-pajjiżi benefiċjarji tal-EBA qegħdin jiffaċċjaw pressjoni kompetittiva dejjem akbar minn pajjiżi li stabbilew FTAs mal-UE; jinnota, barra minn hekk, li xi pajjiżi li qabel kienu soġġetti għall-monitoraġġ tas-SĠP+ issa huma koperti minn FTAs li jinkludu kapitli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, li għandhom ikunu effettivi u infurzabbli;

18.Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-iskemaSĠP, b'mod partikolari fil-każ tad-29pajjiż fl-EBA, ma wasslet għal ebda bidla u, f'xi każijiet, kien hemm deterjorament fil-profili tagħhom tad-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet fil-livell tal-prodott; jiddispjaċih ukoll mill-fatt li din ma kkontribwietx biżżejjed għad-diversifikazzjoni ekonomika; jappella biex jittieħdu aktar miżuri sabiex tittejjeb id-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet mill-pajjiżiSĠP; jiddispjaċih mill-fatt li d-diversifikazzjoni fost il-benefiċjarji tidher li xxekklet mit-tneħħija tal-possibbiltà ta' kumulazzjoni ma' pajjiżi li ggradwaw mis-SĠP, peress li ma jistgħux jibqgħu jibbenefikaw mir-regoli tal-oriġini għall-benefiċjarji tas-SĠP; jappella bis-sħiħ li din il-possibbiltà tiġi riintrodotta, b'mod partikolari għall-pajjiżi l-aktar vulnerabbli; jinnota t-tnaqqis sinifikanti fid-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet fil-livelli settorjali kollha għall-benefiċjarji tas-SĠP standard; jappella wkoll lill-Kummissjoni tqis riforma u espansjoni tal-lista ta' prodotti li għandhom jiġu koperti mir-Regolament fir-rigward, b'mod partikolari, ta' prodotti nofshom lesti u prodotti lesti u, fejn meħtieġ, tiffaċilita r-regoli tal-oriġini għall-pajjiżi l-aktar vulnerabbli; jinkoraġġixxi aktar lill-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP sabiex jintroduċu miżuri effettivi maħsuba għad-diversifikazzjoni tal-prodotti; f'dan ir-rigward, jissottolinja l-ħtieġa li jinħoloq aċċess għall-għarfien u għat-teknoloġija sabiex b'hekk il-prodotti jiġu diversifikati b'tali mod li l-esportazzjonijiet ikunu awtosuffiċjenti fil-kompetizzjoni globali u b'mod partikolari fl-Ewropa;

19.Jappella lill-pajjiżi benefiċjarji tas-SPĠ biex jadottaw u jimplimentaw b'mod effettiv miżuri legali biex jipproteġu l-proprjetà intellettwali;

20.Jilqa' l-fatt li r-rata tal-utilizzazzjoni tal-preferenzi għall-benefiċjarji tal-EBA hija għolja; jisħaq fuq l-importanza tal-bini ta' kapaċità fil-pajjiżi benefiċjarji biex jiġu megħjuna jibbenefikaw l-aktar possibbli mill-iskema; jappella biex il-miżuri fl-ambitu tal-inizjattiva Għajnuna għall-Kummerċ jintużaw b'mod aktar effettiv f'dan ir-rigward; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni biex jiġu inklużi servizzi fir-regolament SĠP li jmiss sabiex tiġi promossa ulterjorment diversifikazzjoni akbar; jisħaq, barra minn hekk, f'dan il-kuntest dwar l-importanza ta' approċċ minn negozju għal negozju; jappella għall-istabbiliment ta' pjattaformi u faċilitajiet online għas-setturi u għad-diversi partijiet ikkonċernati, li jlaqqgħu flimkien kumpaniji tal-esportazzjoni minn pajjiżi benefiċjarji tas-SPĠ, kumpaniji tal-importazzjonijiet fl-UE u parteċipanti ġodda potenzjali fiż-żewġ naħat – dawk li attwalment mhumiex qegħdin jesportaw jew jimportaw – sabiex isir skambju tal-aħjar prattiki u jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli, il-kundizzjonijiet u l-perspettivi ekonomiċi li s-SĠP toffri;

21.Jilqa' l-konklużjoni tal-ewwel investigazzjoni ta' salvagwardja taħt ir-Regolament u huwa tal-fehma li din il-klawżola għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji, ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-UE jiġu protetti; jisħaq fuq li meta jiġu offruti preferenzi għal prodotti sensittivi, hemm bżonn li jkun possibbli li dawn jingħataw trattament speċjali sabiex jiġi evitat li ċerti setturi jitqiegħdu f'riskju;

22.Jenfasizza li l-partijiet kollha tat-territorju tal-pajjiżi benefiċjarji, inkluż l-EPZs, ikunu koperti mill-iskema u l-obbligi li jirriżultaw mir-ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti; iħeġġeġ lill-pajjiżi benefiċjarji jimplimentaw b'mod effettiv l-istandards tax-xogħol u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza l-ksur tal-istandards tal-ILO, inkluż in-negozjar kollettiv u l-libertà ta' assoċjazzjoni fl-EPZs li jinsabu f'pajjiżi benefiċjarji attwali jew potenzjali u biex tiżgura li titneħħa kwalunkwe konċessjoni; jappella lill-Kummissjoni tesplora mezzi biex tiżgura li l-prodotti mill-EPZs ma jaqgħux fl-ambitu tal-iskema ta' preferenzi billi dawn huma eżentati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u huma bi ksur tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti;

23.Jaċċentwa li s-SĠP għamlet is-settur korporattiv aktar dinamiku, ikkontribwiet, sa ċertu punt, għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u kienet ta' vantaġġ għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol, b'mod partikolari fl-industriji tal-pajjiżi ta' esportazzjoni li għandhom kummerċ mal-UE; jisħaq, f'dan ir-rigward, li huwa importanti li jinħolqu ambjenti tan-negozju adegwati għan-nisa sabiex dawn jagħmlu użu tajjeb minn dawn il-ħiliet u esperjenzi ġodda u jkunu jistgħu javvanzaw fl-istrutturi tal-kumpaniji jew ikunu jistgħu jistabbilixxu intrapriżi proprji ġodda; madankollu jinnota li n-nisa għadhom qegħdin jiġu diskriminati u jinsab imħasseb dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa speċjalment fis-settur tat-tessuti u tal-ilbies; itenni r-riżoluzzjoni tas-27ta'April2017 , u jappella lill-Kummissjoni tipprovdi segwitu rigward din;

24.Jilqa' l-effett li s-SĠP kellha fuq l-adozzjoni ta' teknoloġiji aktar nodfa u sikuri u fuq inizjattivi volontarji tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, li ħalla impatt pożittiv dirett fuq il-ħaddiema u fuq l-ambjent; huwa tal-fehma li għandhom jiġu ppjanati miżuri biex ikomplu jħeġġu u jivvalutaw b'mod affidabbli dan l-iżvilupp; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-azzjoni regolatorja u dik volontarja dwar id-diliġenza dovuta tal-kumpaniji f'dan ir-rigward, u jappella lill-Kummissjoni tfittex modi kif tistabbilixxi obbligi ta' diliġenza dovuta;

25.Iqis li l-UE għandha tiżgura koerenza politika billi tinkoraġġixxi atturi internazzjonali oħra, bħall-intrapriżi multinazzjonali, biex jipparteċipaw bis-sħiħ fit-titjib tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet soċjali u tal-istandards ambjentali fid-dinja kollha, kif ukoll billi tobbliga operaturi ekonomiċi jdaħħlu fis-seħħ prattiki ta' diliġenza dovuta f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jappella lill-Kummissjoni turi sens ta' tmexxija sabiex tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol jiġu rispettati fil-ktajjen tal-valur globali, u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2016 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), inkluż l-appell tiegħu biex ir-responsabbiltà soċjali korporattiva tiġi inkluża fir-Regolament u biex jiġu riformati r-regoli tad-WTO sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' diliġenza dovuta u trasparenza, abbażi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

26.Ifakkar li l-UE għandha tinkoraġġixxi, fl-interessi tal-koerenza mal-politiki ta' atturi internazzjonali oħra, bħal kumpaniji multinazzjonali, parteċipazzjoni sħiħa fit-titjib tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet soċjali, id-drittijiet ambjentali u s-saħħa pubblika fid-dinja; jappella lill-UE tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati fir-rigward tad-dritt għax-xogħol f'katini ta' valur mondjali, jiġifieri tul il-katina ta' provvista;

27.Jappella lill-Kummissjoni, fir-rigward tar-RegolamentSĠP li jmiss, biex tesplora l-possibbiltà li tintroduċi preferenzi tariffarji addizzjonali għal prodotti li ġew prodotti b'mod sostenibbli u li hemm evidenza ta' dan; iqis li l-oġġetti għandhom jiġu ppreżentati fuq bażi volontarja għaċ-ċertifikazzjoni ta' tip ta' produzzjoni sostenibbli tagħhom u li l-prova tagħhom għandha tiġi prodotta fuq l-importazzjoni fl-UE;

o
oo

28.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠUL303, 31.10.2012, p.1.
(2) ĠUL181, 29.6.2013, p.13.
(3) ĠUC55, 12.2.2016, p.112.
(4) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/october/tradoc_157434.pdf
(5) .
(6) SWD(2018)0430.
(7) .
(8) .
(9) https://www.ombudsman.europa.eu/mt/decision/en/64308
(10) ĠUC101, 16.3.2018, p.19.
(11) Testi adottati, P8_TA(2018)0515.
(12) ĠUC298, 23.8.2018, p.100.
(13) ĠUC331, 18.9.2018, p.100.
(14) ĠUC337, 20.9.2018, p.33.
(15) http://www.europarl.europa.eu/RegData/organes/conf_pres_groupes/proces_verbal/2002/12-12/CPG_PV(2002)12-12(ANN01)_EN.doc

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020Avviż legali-Politika tal-privatezza