Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikatLLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D061870/04 – )
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikatLLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D061870/04),
–wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22ta'Settembru2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli11(3) u 23(3) tiegħu,
–wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu35 tar-Regolament (KE) Nru1829/2003, tat-30ta'April2019, li fiha ma ngħatat ebda opinjoni, kif ukoll il-votazzjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-5ta'Ġunju2019, li fiha wkoll ma ngħatat ebda opinjoni,
–wara li kkunsidra l-Artikoli11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16ta'Frar2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),
–wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fis-6ta'Diċembru2006 u ppubblikata fl-14ta'Diċembru2006(3),
–wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fis-17ta'Ottubru2018 u ppubblikata fl-14ta'Novembru2018(4),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati ("OĠM")(5),
–wara li kkunsidra l-Artikolu112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
–wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel;
A.billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni2008/837/KE(6) awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta' ikel u għalf li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikatLLCotton25 ("LLCotton25");
B.billi, fit-2ta'Ottubru2017, id-detentur tal-awtorizzazzjoni inizjali, Bayer CropScience AG (l-"applikant"), ippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru1829/2003, għat-tiġdid ta' dik l-awtorizzazzjoni;
C.billi, fis-17ta'Ottubru2018, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli, li ġiet ippubblikata fl-14ta'Novembru2018(7);
D.billi r-Regolament (KE) Nru1829/2003 jiddikjara li ikel jew għalf ġenetikament modifikat (ĠM) ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha;
E.billiLLCotton25 sar tolleranti għall-erbiċidi bbażati fuq il-glufosinat(8);
F.billi, filwaqt li l-konsum taż-żejt taż-żerriegħa tal-qoton min-naħa tal-bniedem jista' jkun relattivament limitat fl-Ewropa, jista' jinstab f'varjetà wiesgħa ta' prodotti tal-ikel, inklużi t-taħwir tal-ikel, il-majoneż, prodotti fini tal-forn, krema u biċċiet taċ-ċikkulata; billi l-qoton jingħata lill-annimali prinċipalment fil-forma ta' kejk/għalf taż-żerriegħa tal-qoton jew bħala żerriegħa tal-qoton b'kontenut sħiħ ta' xaħam(9);
G.billi l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi lill-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur, kemm fir-rigward tal-valutazzjoni oriġinali kif ukoll dik għat-tiġdid(10); billi dawn jinkludu li l-effetti tar-residwi tal-glufosinat u tal-metaboliti ma tqisux, li huwa dibattibbli jekk ir-riżultati tat-test tat-tossiċità jistax jitqies bħala korrett, li la l-allerġeniċità u lanqas it-tossikoloġija ma ġiet ivvalutata bir-reqqa, li r-rapporti ta' monitoraġġ prodotti mill-applikant ma jipprovdu l-ebda data li tappoġġa l-konklużjonijiet li ma kien hemm ebda effetti negattivi fuq is-saħħa jew l-ambjent assoċjati mal-importazzjoni u l-użu ta'LLCotton25 u li l-pjan ta' sorveljanza ġenerali propost mill-applikant ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-AnnessVII tad-Direttiva2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11);
H.billi l-EFSA, b'reazzjoni għall-kummenti tal-Istati Membri, iddikjarat ripetutament li hija tqis li hija meħtieġa aktar diskussjoni bejn l-applikanti u l-Kummissjoni bħala maniġer tar-riskju dwar l-implimentazzjoni prattika tal-PMEM għal pjanti ĠM għall-importazzjoni u l-ipproċessar;
Nuqqas ta' valutazzjoni tar-residwi tal-glufosinat fuqLLCotton25
I.billi għadd ta' studji wrew li l-kultivazzjoni ta' għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi twassal għal użu akbar ta' dawk l-erbiċidi, fil-biċċa l-kbira minħabba l-emerġenza ta' ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi(12); billi, b'konsegwenza, għandu jkun mistenni li l-għelejjel ta'LLCotton25 ikunu esposti għal dożi kemm ogħla kif ukoll ripetuti ta' glufosinat, li potenzjalment iwassal għal kwantità ogħla ta' residwi fil-ħsad;
J.billi filwaqt li LLCotton25 inizjalment kien awtorizzat għall-importazzjoni fl-2008, l-approvazzjoni tal-użu tal-glufosinat fl-Unjoni skadiet fil-31ta'Lulju2018(13); billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni1B u għalhekk jissodisfa l-"kriterji ta' limitu" stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14);
K.billi l-valutazzjoni tar-residwi ta' erbiċidi u tal-metaboliti tagħhom misjuba fi pjanti ĠM hija kkunsidrata li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati u għalhekk ma titwettaqx bħala parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-OĠM; billi dan huwa problematiku peress li l-mod kif l-erbiċidi komplementari jiġu diżintegrati mill-pjanti ĠM, u l-kompożizzjoni u għalhekk it-tossiċità tal-prodotti ta' diżintegrazzjoni ("metaboliti"), jistgħu jiġu stimolati mill-modifika ġenetika nnifisha(15);
L.billi, skont ir-Regolament (KE) Nru396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16), li għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-livelli massimi ta' residwu ("MRLs"), ir-residwi fuq l-għelejjel importati għall-ikel u l-għalf ta' sustanzi attivi li mhumiex awtorizzati għall-użu fl-Unjoni, bħall-glufosinat, għandhom jiġu kkontrollati u mmonitorjati b'attenzjoni(17);
M.billi, b'mod kuntrarju, skont l-aħħar programm multiannwali ta' kontroll pluriennali kkoordinat tal-Unjoni (għall-2020, l-2021 u l-2022), l-Istati Membri mhumiex obbligati jkejlu ir-residwi tal-glufosinat fuq kwalunkwe prodott, inkluż il-qoton(18); billi ma jistax jiġi eskluż liLLCotton25 jew il-prodotti derivati minnu għall-ikel u l-għalf jaqbżu l-MRLs, li ġew stabbiliti biex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;
N.billi l-EFSA sabet li l-istima tal-esponiment tal-operatur għall-glufosinat meta jintuża għall-kontroll tal-ħaxix ħażin fil-qamħirrun MĠ qabżet il-livell aċċettabbli ta' esponiment tal-operatur (AOEL) anki meta ntuża tagħmir ta' protezzjoni personali(19); billi l-esponiment tal-operatur joħloq tħassib partikolari minħabba l-volumi ogħla ta' erbiċidi użati fuq għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi
O.billi rapport reċenti mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel sab li l-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa, bil-pestiċidi responsabbli għal madwar200,000 mewt ta' avvelenament akut kull sena, li 99% minnhom iseħħu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw(20); billi l-Mira3.9 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, li l-Unjoni ffirmat, għandha l-għan li, sal-2030, tnaqqas b'mod sostanzjali l-għadd ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u mit-tniġġis u l-kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija(21);
Teħid ta' deċiżjonijiet mhux demokratiku
P.billi l-votazzjoni fit-30ta'April2019 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu35 tar-Regolament (KE) Nru1829/2003 ma tat ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri; billi anki l-votazzjoni tal-5ta'Ġunju2019 tal-Kumitat tal-Appell ma tat ebda opinjoni;
Q.billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠM għadhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti b'mod ġenerali iżda sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet ta' ikel u għalf ĠM, huwa problematiku(22); billi l-President tal-Kummissjoni ddeplora diversi drabi din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika(23);
R.billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament Ewropew adotta total ta' 36riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM għall-ikel u għall-għalf (33riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni (tlietriżoluzzjonijiet); billi ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawk l-OĠM; billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, tan-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u tal-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qed tkompli tawtorizza OĠM;
S.billi ma hija meħtieġa ebda bidla fil-liġi biex il-Kummissjoni tkun tista' ma tawtorizzax OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat tal-Appell(24);
1.Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru1829/2003;
2.Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(25), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;
3.Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
4.Itenni l-impenn tiegħu li javvanza l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru182/2011; jistieden lill-Kunsill imexxi 'l quddiem il-ħidma tiegħu fir-rigward ta' dik il-proposta tal-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza;
5.Jistieden lill-Kummissjoni, sadanittant, ma tibqax tawtorizza OĠM meta ma tingħata ebda opinjoni mill-Istati Membri fil-Kumitat tal-Appell, kemm għall-kultivazzjoni kif ukoll għall-ikel u l-għalf, skont l-Artikolu6(3) tar-Regolament (UE) Nru182/2011;
6.Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi sakemm ir-riskji għas-saħħa assoċjati mar-residwi jkunu ġew investigati b'mod komprensiv fuq bażi ta' każ b'każ, li jirrikjedi valutazzjoni sħiħa tar-residwi mill-bexx tal-għelejjel ĠM b'erbiċidi komplementari, il-metaboliti tagħhom u kwalunkwe effett kombinatorju;
7.Jistieden lill-Kummissjoni tintegra għalkollox il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi, irrispettivament minn jekk il-pjanta ĠM tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni fl-Unjoni biex tintuża għall-ikel u l-għalf;
8.Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax l-importazzjoni, biex tintuża bħala ikel jew għalf, ta' kwalunkwe pjanta ĠM li saret tolleranti għal sustanza attiva erbiċida mhux awtorizzata għall-użu fl-Unjoni;
9.Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tittratta l-obbligi tal-Unjoni skont ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, bħala "dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni" u/jew "fatturi leġittimi" skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003, u tagħtihom l-importanza li jistħoqqu, kif ukoll tikkomunika dwar kif tqiesu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;
10.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Opinion of the Scientific Panel on Genetically Modified Organisms on an application (Reference EFSA-GMO-NL-2005-13) for the placing on the market of glufosinate-tolerant genetically modified LLCotton25, for food and feed uses, and import and processing under Regulation (EC) No 1829/2003 from Bayer CropScience (Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar applikazzjoni (Referenza EFSA-GMO-NL-2005-13) għat-tqegħid fis-suq tal-qoton LLCotton25 ġenetikament modifikat u tolleranti għall-glufosinat, għall-użu fl-ikel u l-għalf, u l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 minn Bayer CropScience), EFSA Journal (2006) 429, p.1-19, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2006.429
Scientific opinion on the Assessment of genetically modified LLCotton25 for renewal of authorisation under Regulation (EC) No 1829/2003 (application EFSA‐GMO‐RX‐010) (Opinjoni xjentifika dwar il-Valutazzjoni ta'LLCotton25 ġenetikament modifikat għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO-RX-010)), EFSA Journal 2018;16(11):5473, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2018.5473
——— Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament Ewropew adotta 36riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM. Barra minn hekk, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin:Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10ta'Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0028).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10ta'Ottubru2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0029).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10ta'Ottubru2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × MON 88017 × 59122 × DAS-40278-9, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina żewġ, tlieta jew erba' mill-eventi uniċi MON 89034, 1507, MON 88017, 59122 u DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0030).
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni2008/837/KE tad-29ta'Ottubru2008 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minnLLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) modifikat ġenetikament skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠUL299, 8.11.2008, p.36).
Scientific opinion on the Assessment of genetically modified LLCotton25 for renewal of authorisation under Regulation (EC) No 1829/2003 (application EFSA‐GMO‐RX‐010) (Opinjoni xjentifika dwar il-Valutazzjoni ta'LLCotton25 ġenetikament modifikat għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO-RX-010)), EFSA Journal 2018;16(11):5473, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2018.5473
Il-kummenti tal-Istati Membri dwarLLCotton25 jistgħu jinstabu fir-reġistru tal-mistoqsijiet tal-EFSA: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/login?
Id-Direttiva2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12ta'Marzu2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill90/220/KEE (ĠU L106, 17.4.2001, p.1).
Ara, pereżempju, Bonny, S., "Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides: Overview and Impact" (Għelejjel Ġenetikament Modifikati Tolleranti għall-Erbiċidi), Environmental Management, Jannar2016, 57(1), p.31-48, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Benbrook, C.M., "Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. – the first sixteen years" (L-impatti ta' għelejjel ġenetikament modifikati fuq l-użu tal-pestiċidi fl-Istati Uniti – l-ewwel sittax-ilsena), Environmental Sciences Europe, 28ta'Settembru2012, Vol24(1), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24
Ir-Regolament (KE)Nru1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21ta'Ottubru2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L309, 24.11.2009, p.1)
Dan huwa fil-fatt il-każ għall-glifosat, kif iddikjarat fl-EFSA Review of the existing maximum residue levels for glyphosate according to Article12 of Regulation (EC) No396/2005 (Rieżami tal-EFSA tal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għall-glifosat skont l-Artikolu12 tar-Regolament (KE) Nru396/2005), EFSA Journal2018;16(5):5263, p.12, https://www.efsa.europa.eu/fr/efsajournal/pub/5263
Ir-Regolament (KE) Nru396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23ta'Frar2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill91/414/KEE (ĠUL70, 16.3.2005, p.1).
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE)2019/533 tat-28ta'Marzu2019 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2020, l-2021 u l-2022 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L88, 29.3.2019, p.28).
Ara, pereżempju, il-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ppreżentata fit-22ta'April2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru1829/2003 rigward il-possibbiltà li l-Istati Membri jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf ĠM fit-territorju tagħhom, u l-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ppreżentata fl-14ta'Frar2017 li temenda r-Regolament (UE) Nru182/2011.
Ara, pereżempju, id-Dikjarazzjoni Inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, 15ta'Lulju2014), jew fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni2016 (Strasburgu, 14ta'Settembru2016).
Il-Kummissjoni "tista'", u mhux "għandha", tmexxi bl-awtorizzazzjoni jekk ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat tal-Appell skont ir-Regolament (UE) Nru182/2011 (l-Artikolu6(3)).
Ir-Regolament (KE) Nru178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28ta'Jannar2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠUL31, 1.2.2002, p.1).