Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (Riżoluzzjoni)
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (05931/2019 – C9-0020/2019 – )
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05931/2019),
–wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam min-naħa l-oħra (05932/2019),
–wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu207(4) u l-Artikolu218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt(a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C9-0020/2019),
–wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjati tat-23ta'April2007 għal ftehim ta' kummerċ ħieles (FTA) mal-Istati Membri u mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), li ġew issupplimentati f'Ottubru2013 biex jinkludu l-protezzjoni tal-investiment,
–wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-22ta'Diċembru2009 li jiġu segwiti negozjati bilaterali tal-FTA ma' Stati Membri individwali tal-ASEAN,
–wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-27ta'Ġunju2012, li daħal fis-seħħ f'Ottubru2016(1),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6ta'April2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali(2),
–wara li kkunsidra Regolament (UE) Nru1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12ta'Diċembru2012 li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi(3),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tlt-5ta'Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(4),
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14ta'Ottubru2015 bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (),
–wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16ta'Mejju2017 fil-proċedura2/15(5), skont l-Artikolu218(11) tat-TFUE, mitluba fl-10ta'Lulju2015 mill-Kummissjoni,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9ta'Ġunju2016 dwar il-Vjetnam(6),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14ta'Diċembru2017 dwar il-libertà ta' espressjoni fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ ta' NguyenVanHoa(7),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15ta'Novembru2018 dwar il-Vjetnam, b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi(8),
–wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26ta'Frar2016 fil-każ1409/2014/MHZ dwar in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq minn qabel valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-FTA UE-Vjetnam(9),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4ta'Ottubru2018 dwar il-kontribut tal-UE għal strument vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra tan-negozju b’karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem(10),
–wara li kkunsidra r-Regoli dwar it-Trasparenza f'Arbitraġġ bejn l-Investituri u l-Istat, ibbażat fuq Trattat tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL)(11),
–wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-TitoluV tiegħu dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,
–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20ta'Ġunju2016 dwar it-tħaddim tat-tfal, li ħeġġew lill-Kummissjoni tkompli tesplora modi biex tuża l-istrumenti kummerċjali tal-UE b'mod aktar effettiv, inklużi ftehimiet ta' kummerċ ħieles biex jiġi miġġieled it-tħaddim tat-tfal,
–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20ta'Ġunju2016 dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, li stipulaw li "l-UE tirrikonoxxi li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mill-kumpanniji u l-integrazzjoni tiegħu fl-operazzjonijiet tal-kumpanniji u l-ktajjen ta' valur u ta' forniment hija indispensabbli għall-iżvilupp sostenibbli u l-kisba tal-SDGs" u li "s-sħubijiet kollha fl-implimentazzjoni tal-SDGs għandu jissejjes fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u t-tmexxija responsabbli tan-negozju", u li ħeġġew lill-kumpaniji tal-UE "jistabbilixxu mekkaniżmi għat-trattament ta' lmenti fil-livell operazzjonali, jew joħolqu inizjattivi konġunti għat-trattament ta' lmenti bejn kumpanniji",
–wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Ħames Parti, it-TitoliI,II uV tiegħu, speċifikament l-Artikolu207, flimkien mal-Artikolu218(6)(a)(v),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta’ Frar 2020(12) dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill,
–wara li kkunsidra l-Artikolu105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
–wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp,
–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0014/2020),
A.billi l-UE hija kemm riċevitur kif ukoll sors ewlieni ta' investiment dirett barrani (IDB) fid-dinja;
B.billi l-UE tokkupa l-ħames post minn tmenin investitur dirett barrani fil-Vjetnam;
C.billi l-Vjetnam għandu ekonomija vibranti bi klassi medja li qed tikber bl-aktar rata mgħaġġla fl-ASEAN, u għandu forza tax-xogħol żagħżugħa u dinamika, rata ta' litteriżmu għolja, livelli ta' edukazzjoni għoljin, pagi komparattivament baxxi, konnessjonijiet tajba tat-trasport u pożizzjoni ċentrali fi ħdan l-ASEAN;
D.billi l-infrastruttura tal-Vjetnam u l-ħtiġijiet ta' investiment jaqbżu bil-kbir l-ammont ta' finanzjament pubbliku attwalment disponibbli;
E.billi fl-2017, il-Vjetnam irċieva investiment dirett barrani (IDB) b'valur ta' 8% tal-PDG tiegħu - aktar mid-doppju tar-rata riċevuta mill-ekonomiji ta' skala simili fir-reġjun;
F.jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-kuntest kummerċjali, tan-negozju u tal-investiment tjieb b'mod sinifikanti fil-Vjetnam tul dawn l-aħħar deċennji;
G.billi bħalissa hemm aktar minn 3000 trattat internazzjonali ta' investiment fis-seħħ, u l-Istati Membri tal-UE huma partijiet kontraenti għal madwar 1400 minnhom;
H.billi wara l-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment UE-Singapore, dan jirrappreżenta t-tieni ftehim ta' protezzjoni tal-investiment awtonomu li ġie konkluż bejn l-UE u pajjiż terz, b'segwitu għal diskussjonijiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej dwar l-arkitettura l-ġdida tal-FTAs tal-UE abbażi tal-opinjoni2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QtĠ-UE) tas-16ta'Mejju2017, li se jservi bħala punt ta' riferiment għall-impenn futur tal-UE mas-sħab kummerċjali tagħha;
I.billi l-ftehim se jissostitwixxi u jissupera t-trattati bilaterali eżistenti fuq l-investiment bejn 21Stat Membru tal-UE u l-Vjetnam, li ma inkludewx l-approċċ il-ġdid tal-UE għall-protezzjoni tal-investiment u l-mekkaniżmu ta' infurzar tiegħu, jiġifieri s-Sistema ta' Qorti tal-Investiment (ICS) pubblika;
J.billi l-ICS ġiet integrata fil-ftehim CETA li diġà kien ġie finalizzat, li ġie ratifikat mill-Parlament fil-15ta'Frar2017 u għad irid jiġi ratifikat minn bosta Stati Membri, biex b'hekk jieħu post is-sistema ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS);
K.billi, fit-30ta'April2019, il-QtĠ-UE ddeċidiet li l-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati previst mis-CETA huwa kompatibbli mad-dritt tal-UE(13);
L.billi l-Partijiet iddikjaraw l-impenn tagħhom li jistabbilixxu Qorti Multilaterali tal-Investiment (MIC) – inizjattiva li tgawdi appoġġ qawwi u kontinwu mill-Parlament;
M.billi fl-20ta'Marzu2018, il-Kunsill adotta d-direttivi ta' negozjati li awtorizzaw lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-UE, konvenzjoni li tistabbilixxi l-MIC; billi dawn id-direttivi ta' negozjati ġew ippubblikati;
1.Jilqa' l-approċċ il-ġdid tal-UE għall-protezzjoni tal-investiment u l-mekkaniżmu ta' infurzar (ICS), li rriforma l-ISDS u tejjeb il-kwalità tal-approċċi individwali ta' trattat bilaterali fuq l-investiment konklużi mill-Istati Membri tal-UE; jissottolinja l-fatt li l-ICS tirrappreżenta mekkaniżmu modern, innovattiv u riformat ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti tal-investiment fir-rigward tan-nuqqasijiet proċedurali tal-ISDS; jinnota, barra minn hekk, li dan jindika bidla sinifikanti fil-livell ta' protezzjoni sostantiva mogħtija lill-investituri u fil-mod li bih jiġi solvut it-tilwim bejn l-investitur u l-Istat; jesprimi tħassib li l-kamp ta' applikazzjoni jestendi ftit lil hinn mis-sempliċi nondiskriminazzjoni bejn l-investituri barranin u dawk domestiċi; ifakkar li l-istabbiliment ta' qorti tal-investiment multilaterali indipendenti jagħti ċertezza tad-dritt akbar lill-partijiet kollha; jilqa' l-impenn qawwi tal-Vjetnam għas-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli;
2.Jinnota li l-ftehim se jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-investiment u ta' ċertezza tad-dritt filwaqt li jissalvagwardja d-dritt tal-Partijiet li jirregolaw u li jsegwu objettivi leġittimi ta' politika pubblika, bħas-saħħa pubblika, is-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-ambjent; jenfasizza li l-ftehim se jiggarantixxi wkoll it-trasparenza u r-responsabbiltà; jitlob lill-Kummissjoni tqis aktar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u r-rispett għall-Ftehim ta' Pariġi fis-salvagwardja tad-dritt tal-Partijiet li jirregolaw, kif sar bis-CETA; jinsisti dwar monitoraġġ u rappurtar regolari lill-Parlament Ewropew dwar l-użu ta' din id-dispożizzjoni minn investituri Ewropej;
3.Jenfasizza li l-ftehim jiggarantixxi li l-investituri tal-UE fil-Vjetnam se jingħataw trattament ġust u ekwu, li huwa standard ta' protezzjoni ogħla mit-trattament nazzjonali; jinnota li l-ftehim jipproteġi b'mod xieraq lill-investituri tal-UE minn esproprjazzjoni illeġittima; iqis li dan għandu jimxi id f'id ma' responsabbiltajiet għall-investituri biex jeżerċitaw id-diliġenza dovuta fir-rigward ta' prattiki kummerċjali sostenibbli f'konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol kif ukoll l-istandards ambjentali;
4.Jissottolinja li l-iżvilupp ekonomiku u l-multilateraliżmu huma għodod importanti biex itejbu ħajjet in-nies; jirrimarka li wieħed mill-objettivi tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment (IPA) huwa li tissaħħaħ ir-relazzjoni ekonomika, kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Vjetnam f'konformità mal-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli, u li jiġu promossi l-kummerċ u l-investiment f'konformità sħiħa ma' standards u ftehimiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u x-xogħol;
5.Ifakkar li l-Vjetnam huwa pajjiż li qed jiżviluppa; jenfasizza li sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-SDG1 dwar il-qerda tal-faqar, l-SDG8 dwar ix-xogħol deċenti u l-SDG10 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, l-investiment għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, jappoġġja l-ekonomija lokali u jirrispetta bis-sħiħ ir-regolamenti domestiċi, inklużi r-rekwiżiti tat-taxxa;
6.Ifakkar li l-ICS tipprevedi l-istabbiliment ta' Tribunal tal-Investiment tal-Prim'Istanza Permanenti u Tribunal tal-Appell, li l-membri tagħhom jeħtieġ li jkollhom kwalifiki komparabbli għal dawk li għandhom imħallfin tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, u għandhom juru għarfien espert fid-dritt internazzjonali pubbliku u mhux biss fid-dritt kummerċjali, u barra minn hekk jeħtieġ li jissodisfaw regoli stretti ta' indipendenza, imparzjalità, integrità u imġiba etika permezz ta' kodiċi ta' kondotta vinkolanti mfassal biex jipprevjeni kunflitti ta' interess diretti jew indiretti; jenfasizza li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tqis li l-ICS hija f'konformità sħiħa mad-dritt tal-UE, kif espress fl-opinjoni1/17 tagħha;
7.Jilqa' bi pjaċir ir-regoli ta' trasparenza li japplikaw għall-proċedimenti quddiem it-tribunali, li jinkludu dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li d-dokumenti tal-każ ikunu disponibbli pubblikament, is-seduti ta' smigħ isiru fil-pubbliku, u l-partijiet interessati jitħallew iressqu l-kummenti tagħhom; jemmen li żieda fit-trasparenza tgħin biex titrawwem il-fiduċja pubblika fis-sistema, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-aspetti kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tal-iżvilupp sostenibbli jinstemgħu b'mod effettiv mit-tribunali tal-investiment; jilqa', barra minn hekk, iċ-ċarezza rigward ir-raġunijiet li għalihom investitur jkun jista' jippreżenta sfida, li tiżgura proċess aktar trasparenti u ġust;
8.Jenfasizza li partijiet terzi, bħall-organizzazzjonijiet tax-xogħol u dawk ambjentali, jistgħu jikkontribwixxu fil-proċedimenti tal-ICS permezz ta' osservazzjonijiet amicus curiae;
9.Jissottolinja li mhux se jkun possibbli ssir għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni u li se jiġu evitati proċedimenti multipli u paralleli;
10.Ifakkar li l-ftehim jirrappreżenta titjib fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment fis-CETA, peress li jinkorpora d-dispożizzjonijiet dwar obbligi għal ex imħallfin, kodiċi ta' kondotta li jipprevjeni kunflitti ta' interess u Tribunal ta' Appell li jiffunzjona bis-sħiħ fil-mument tal-konklużjoni tiegħu;
11.Jemmen li l-istabbiliment ta' Tribunal ta' Appell jista' jtejjeb il-kwalità u l-konsistenza tad-deċiżjonijiet meta mqabbel mas-sitwazzjoni kurrenti;
12.Jinnota li l-Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u l-Vjetnam (EVIPA) ma jinkludix kapitolu separat dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, peress li dan tal-aħħar japplika għall-aċċess għas-suq tal-investiment taħt il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam (EUVFTA); jenfasizza li l-EVIPA jinkludi wkoll dispożizzjoni li tistabbilixxi rabta istituzzjonali u legali mal-Ftehim Qafas Komprensiv dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni (FSK), kif ukoll referenzi speċifiċi fil-preambolu tiegħu għall-valuri u l-prinċipji tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, kif minquxa fl-EUVFTA, u għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex b'hekk jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem jitqiegħdu fil-qalba tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam; jissottolinja li l-Partijiet u l-investituri jeħtiġilhom jirrispettaw l-istandards u l-obbligi internazzjonali rilevanti kollha tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq ir-responsabbiltajiet tal-investituri kif spjegat fil-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jirrimarka, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet tal-EVIPA u l-EUVFTA jridu jiġu implimentati b'mod komplementari, speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u d-drittijiet soċjali u l-iżvilupp sostenibbli meta dawn jiġu applikati skont id-dritt tal-Partijiet li jirregolaw; barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa li tiġi garantita konsistenza mal-għanijiet tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp skont l-Artikolu208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
13.Jenfasizza s-sinifikat ta' xejriet verament pożittivi f'termini ta' drittijiet tal-bniedem għal ratifika rapida ta' dan il-ftehim u jitlob lill-awtoritajiet tal-Vjetnam ifasslu miżuri konkreti biex itejbu s-sitwazzjoni biex juru l-impenn tagħhom; ifakkar fit-talbiet tiegħu rigward ir-riforma tal-leġiżlazzjoni penali, l-użu tal-piena tal-mewt, il-priġunieri politiċi u l-libertajiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Partijiet jagħmlu użu sħiħ mill-ftehimiet sabiex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam u jenfasizza l-importanza ta' djalogu ambizzjuż dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam; jirrimarka li l-Artikolu1 tal-FSK fih klawżola standard dwar id-drittijiet tal-bniedem li tista' tattiva miżuri adegwati, inkluża, bħala l-aħħar riżorsa, is-sospensjoni immedjata tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni u, konsegwentement, il-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment jew elementi tiegħu;
14.Itenni li l-Artikolu35 tal-FSK u l-Artikolu13 tal-FTA, flimkien ma' sistema ta' evalwazzjoni perjodika, jipprovdu għodod biex jindirizzaw it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem relatati mal-implimentazzjoni tal-IPA, iżda jridu jkunu akkumpanjati minn skrutinju mill-UE u l-Istati Membri tagħha, u minn mekkaniżmu indipendenti ta' monitoraġġ u tressiq ta' lmenti, li joffru liċ-ċittadini u lill-partijiet interessati milquta rikors effettiv għal rimedju u għodda biex jiġu indirizzati l-impatti negattivi potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem;
15.Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar iċ-ċibersigurtà, partikolarment dwar il-lokalizzazzjoni u r-rekwiżit ta' żvelar, is-sorveljanza l-kontroll online, u l-miżuri ta' protezzjoni tad-data personali, li mhumiex kompatibbli mal-aġenda kummerċjali ta' liberalizzazzjoni bbażata fuq il-valuri tal-UE; jilqa' r-rieda ta' parteċipazzjoni fi djalogu intensiv, inkluż l-impenn tal-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam biex jinkludi ż-żewġ parlamenti fid-diskussjoni u d-deliberazzjoni tad-digrieti ta' implimentazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jieħdu miżuri konkreti u jilqa' b'sodisfazzjon l-assistenza tal-UE f'dan ir-rigward;
16.Ifakkar li l-Artikolu8 tat-TFUE jistipula li "fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa"; jilqa' l-fatt li kemm il-Vjetnam kif ukoll l-UE ffirmaw id-Dikjarazzjoni tad-WTO ta' Buenos Aires dwar in-Nisa u l-Kummerċ u jistieden lill-Partijiet isaħħu l-impenji tagħhom rigward il-ġeneru u l-kummerċ f'dan il-ftehim; jitlob li l-kundizzjonijiet tan-nisa jittejbu sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-ftehim, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċità għan-nisa fuq ix-xogħol u fin-negozju, il-promozzjoni tar-rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-pożizzjonijiet ta' awtorità, u t-titjib tal-aċċess tan-nisa għax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni u l-parteċipazzjoni u t-tmexxija tagħhom fihom;
17.Jappella lill-UE u lill-Vjetnam jikkooperaw biex jiżviluppaw pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, inkluż il-qafas meħtieġ għall-intrapriżi;
18.Jilqa' bi pjaċir id-deċiżjoni tal-Kunsill li jippubblika d-direttivi ta' negozjar tal-20ta'Marzu2018 dwar il-MIC, u jistieden lill-Kunsill jippubblika d-direttivi ta' negozjar kollha preċedenti dwar il-ftehim ta' kummerċ u investiment;
19.Jaċċentwa l-fatt li dan il-ftehim ser jissostitwixxi l-21 trattati bilaterali ta' investiment eżistenti bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Vjetnam; iqis li dan jirrappreżenta pass importanti favur iż-żieda tal-leġittimità u l-aċċettazzjoni tar-reġim tal-investiment internazzjonali;
20.Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri ta' akkumpanjament għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) sabiex il-ftehim ikun trasparenti u aċċessibbli; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha biex tagħmel l-ICS aktar aċċessibbli għall-SMEs; jissottolinja l-potenzjal għat-tkabbir u l-benefiċċji sinifikanti li huma b'dan disponibbli għall-SMEs Ewropej, li huma ta' interess vitali għall-prosperità u l-innovazzjoni Ewropej;
21.Jissottolinja l-importanza li l-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment jista' jkollu biex jikkontribwixxi għat-titjib fl-istandards tal-għajxien, jippromwovi l-prosperità u l-istabbiltà, u jgħin biex javvanza l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam, filwaqt li jippermetti wkoll li l-UE trawwem l-objettivi tagħha ta' paċi u stabbiltà fir-reġjun; jisħaq li r-rispett mingħajr riżervi ta' dawk il-valuri universali jagħmel parti mill-kundizzjonijiet ta' kwalunkwe ftehim bejn l-UE u stat terz;
22.Iqis li l-approvazzjoni ta' dan il-ftehim se tipproteġi bil-qawwa lill-investituri taż-żewġ naħat u lill-investimenti tagħhom filwaqt li tissalvagwardja d-drittijiet tal-gvernijiet li jirregolaw, u se toħloq iżjed opportunitajiet għall-kummerċ liberu u ġust bejn l-UE u l-Vjetnam; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw malajr il-ftehim sabiex jiżguraw li l-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-aktar fis possibbli, fid-dawl tal-isforzi tal-Vjetnam biex itejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet ċivili u tax-xogħol skont l-impenji tiegħu;
23.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam.