Ϸվ

Ի徱ċ
ʰċԳپ
Li jmiss
Test sħiħ
Proċedura :
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0269/2020

Testi mressqa :

A9-0269/2020

Dibattiti :

PV19/01/2021-16
PV19/01/2021-18
CRE19/01/2021-16
CRE19/01/2021-18

Votazzjonijiet :

PV20/01/2021-17
PV21/01/2021-9

Testi adottati :

P9_TA(2021)0016

Testi adottati
PDF214kWORD61k
Il-Ħamis, 21 ta' Jannar 2021-Brussell
Il-konnettività u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja
P9_TA(2021)0016A9-0269/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar il-konnettività u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja ()

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' ܰà tal-Unjoni Ewropea tat-28ta'Ġunju2016,

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' ܰà tad-19ta'Settembru2018 bit-titolu "Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja – Elementi Fundamentali għal Strateġija tal-UE" (JOIN(2018)0031),

–wara li kkunsidra s-Sħubija bejn l-UE u l-Ġappun għall-Konnettività Sostenibbli u Infrastrutturi ta' Kwalità tas-27ta'Settembru2019,

–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-UE u l-Istati Uniti dwar ir-reġjun tal-Asja-Paċifiku tat-12ta'Lulju2012,

–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28ta'Mejju2018 dwar il-kooperazzjoni msaħħa tal-UE fis-sigurtà fl-Asja u mal-Asja,

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' ܰà tal-15ta'Mejju2019 dwar "L-UE u l-Asja Ċentrali: Opportunitajiet Ġodda għal Sħubija Aktar b'Saħħitha" (JOIN(2019)0009),

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' ܰà tad-9ta'Marzu2020 bit-titolu "Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika" (JOIN(2020)0004),

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' ܰà tas-16ta'April2019 dwar l-Unjoni Ewropea, l-Amerka Latina u l-Karibew: nagħqdu l-isforzi tagħna għal futur komuni (JOIN(2019)0006),

– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' ܰà tas-27ta'April2016 dwar politika integrata tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku (JOIN(2016)0021),

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' ܰà tat-18ta'Marzu2020 bit-titolu "Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-Tisħiħ tar-Reżiljenza – Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd" (JOIN(2020)007),

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6ta'Ottubru2020 dwar Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent (),

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29ta'April2020 bit-titolu "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija – Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni qabel il-laqgħa tal-mexxejja UE-Balkani tal-Punent fis-6ta'Mejju2020" (),

–wara li kkunsidra l-Aġenda tal-Konnettività għall-Balkani tal-Punent adottata fl-2015,

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' ܰà tas-7ta'Ġunju2017 dwar "Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza" (JOIN(2017)0021),

–wara li kkunsidra l-Aġenda2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli (2015) u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (2015),

– wara li kkunsidra l-Prinċipji tal-G20 għall-Investiment għall-Infrastruttura ta' Kwalità (2019) u l-Pjan Direzzjonali għall-Infrastruttura bħala Klassi ta' Assi (2018),

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29ta'Jannar2020 dwar "Introduzzjoni sigura tal-5G fl-UE – implimentazzjoni tas-sett ta' għodod tal-UE" (),

–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President fit-13-il Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin Asja-Ewropa (ASEM) u l-konklużjonijiet tagħha, li saret fl-20 u l-21ta'Novembru2017,

–wara li kkunsidra l-Artikolu54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0269/2020),

A.billi Strateġija globali estiża għall-Konnettività għall-UE teħtieġ governanza effikaċi u involviment wiesa' tal-Istati Membri kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati ekonomiċi u soċjetali biex tirrappreżenta b'mod effikaċi il-valuri fundamentali u l-interessi komuni tal-UE;

B.billi f'dinja dejjem aktar konnessa u globali, jeħtieġ li l-UE timplimenta u turi strateġiji ta' konnettività sabiex tmexxi 'l quddiem l-interessi, il-valuri u l-pożizzjonijiet tagħha u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab tagħha fil-qasam diġitali u l-oqsma tas-saħħa, is-sigurtà, it-tranżizzjoni ekoloġika, it-trasport, l-enerġija u, b'mod partikolari, in-networks umani; billi l-potenzjal ekonomiku konsiderevoli bejn l-Ewropa, l-Asja u kontinenti oħra għadu ma ġiex sfruttat minħabba nuqqas ta' infrastruttura fiżika u diġitali;

C.billi l-importanza ta' Strateġija tal-UE għall-Konnettività effikaċi ġiet enfasizzata aktar mill-pandemija tal-COVID-19, li żvelat b'mod ċar kemm id-dgħufijiet kif ukoll il-punti b'saħħithom tan-networks ta' konnettività Ewropej u globali; billi l-istimolu ekonomiku ta' wara l-COVID-19 joffri opportunità ġdida u jista' jintuża bħala punt ta' żvolta biex l-investimenti jsiru aktar sostenibbli, aktar diġitali u ekoloġiċi, filwaqt li tingħata spinta lill-aġendi tal-konnettività tagħna għal aktar reżiljenza;

D.billi Strateġija għall-Konnettività globali trid tuża approċċ sostenibbli u bbażat fuq ir-regoli u għandha taqdi l-għanijiet tal-politiki ewlenin tal-UE bħall-irkupru ekonomiku, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, it-trasformazzjoni diġitali u l-promozzjoni globali tad-drittijiet tal-bniedem u ta' multilateraliżmu effikaċi; billi l-oqfsa ta' sigurtà reġjonali u globali għandhom jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' ambjent sikur għall-funzjonament tajjeb tar-relazzjonijiet bejn l-Istati; billi dawn l-oqfsa għandhom jibnu fuq il-qawwa tal-Ewropa fil-politika kummerċjali u d-diplomazija, u jindirizzaw sfidi ġodda u urġenti bħas-saħħa u s-sigurtà globali, it-theddid ibridu, it-terroriżmu u l-faqar;

E.billi l-konnettività diġà hija komponent essenzjali ta' għadd kbir ta' strateġiji tal-UE; billi l-koerenza u l-viżibbiltà tal-politiki kollha tal-konnettività għandhom jissaħħu; billi l-konnettività globali għandha impatt fuq il-kompetittività tal-Ewropa u tal-pajjiżi terzi, billi toffri opportunitajiet kummerċjali għall-kumpaniji Ewropej u għall-kumpaniji l-oħra, b'mod partikolari l-SMEs, biex tinkiseb prosperità komuni;

F.billi Strateġija ta' Konnettività sostenibbli għandha sservi biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU;

G.billi l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Konnettività se tirrikjedi riżorsi finanzjarji pubbliċi ddedikati fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-perjodu2021-2027, l-allokazzjoni tar-riżorsi umani u sforzi mġedda biex jiġi ffaċilitat l-involviment tas-settur privat, kif iddikjarat espliċitament fil-komunikazzjoni konġunta tal-2018 dwar il-konnessjoni tal-Ewropa mal-Asja; billi ħafna reġjuni f'fażi ta' żvilupp jirrikjedu ammont sostanzjali ta' investiment ibbażat fuq ir-regoli biex jiksbu dinamika ekonomika ġdida, b'mod partikolari wara l-pandemija tal-COVID‑19;

H.billi għall-UE, bħala waħda mill-akbar ekonomiji tad-dinja u pijunier fil-kooperazzjoni reġjonali u biex tlaqqa' lin-nies ma' xulxin, l-Istrateġija għall-Konnettività globali għandha l-potenzjal li ġġib valur miżjud lill-implimentazzjoni u l-promozzjoni tal-aġenda globali tagħha, inkluż l-approċċ tat-Tim Ewropa u l-aġendi reġjonali bħall-ħidma fuq Strateġija Ewropea tal-Indo-Paċifiku u l-kooperazzjoni fl-ASEM permezz ta' sinerġiji fil-politiki ewlenin tal-UE, biex b'hekk jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali;

I.billi l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE mal-Ġappun u l-Korea t'Isfel se jiġġeneraw aktar kummerċ bejn l-Asja u l-Ewropa u jirrikjedu titjib fl-infrastruttura tat-trasport;

J.billi s-sħubija tal-2019 bejn l-UE u l-Ġappun fil-qasam tal-konnettività tat rilevanza addizzjonali lil din l-Istrateġija; billi għandhom jiġu stabbiliti sħubijiet ma' sħab Asjatiċi oħra, inkluża l-Indja, bħala attur globali emerġenti; billi l-Afrika u l-Viċinat Ewropew għandhom jiġu deżinjati bħala reġjuni prijoritarji għall-konnettività;

K.billi l-komunikazzjoni konġunta dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE, l-Amerika Latina u l-Karibew għandha tiġi inkluża wkoll fl-Istrateġija;

L.billi l-Istrateġija għall-Konnettività globali għandha tiġi inkluża fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2021;

M.billi huwa essenzjali li tinżamm l-infrastruttura eżistenti għall-mezzi ta' trasport ekokompatibbli fl-Ewropa u lil hinn minnha; billi jeħtieġ li l-Ewropa tinvesti aktar fl-infrastruttura sostenibbli bħal network modern ta' ferroviji b'veloċità għolja, li jista' jissostitwixxi xi rotot tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa; billi l-esperjenza wriet li proġetti mhux sostenibbli jiġġeneraw livell għoli ta' dejn u ħela ta' riżorsi, idgħajfu l-benefiċċji tal-investimenti infrastrutturali għall-komunitajiet lokali, iwasslu għal żieda fit-tniġġis u jagħmlu ħsara lill-ambjent;

N.billi fis-snin reċenti l-atturi globali rrikonoxxew il-potenzjal għall-konnettività tat-trasport u kienu minn ta' quddiem biex isegwu l-iżvilupp strateġiku tal-infrastruttura globali; billi qed jinħolqu opportunitajiet ġodda għan-networks tat-trasport bejn l-UE u l-Asja, b'mod partikolari fis-settur ferrovjarju u dak marittimu; billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet li l-kontinwità tat-trasport mal-Asja kienet essenzjali biex tiggarantixxi l-katina tal-provvista għat-tipi kollha ta' beni; billi t-trasport bejn l-UE u l-Asja jeċċella fix-xena globali f'termini ta' volumi tal-kummerċ u distanzi tal-vjaġġi; billi huwa meħtieġ li jiġu ggarantiti s-sikurezza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà ekoloġika, b'mod partikolari fir-rigward tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, tal-mezzi kollha ta' trasport użati bejn l-UE u l-Asja;

Prinċipji tal-Istrateġija għall-Konnettività

1.Jenfasizza r-rwol fundamentali li tiżvolġi l-konnettività fir-relazzjonijiet ġeopolitiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u jissottolinja l-fatt li l-konnettività, bħala orjentament fundamentali tal-Unjoni Ewropea, hija inkorporata sew fl-approċċ tal-UE għall-isfidi interni u internazzjonali; jirrimarka li l-politiki fil-qasam tal-konnettività ġew implimentati b'suċċess fl-UE u li l-azzjonijiet fil-qasam tal-konnettività ġew inklużi dejjem aktar f'ħafna mir-relazzjonijiet esterni tal-UE;

2.Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) joħolqu Strateġija għall-Konnettività globali tal-UE bħala estensjoni tal-Istrateġija għall-Konnettività attwali bejn l-UE u l-Asja sabiex il-filosofija u l-politiki tagħna fil-qasam tal-konnettività jiġu allinjati mal-għan li jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur ġeopolitiku u ġeoekonomiku reali u indispensabbli b'narrazzjoni unika u bħala faċilitatur interkulturali, u biex jissaħħu s-sħubijiet mad-demokraziji fid-dinja li jikkondividu l-valuri fundamentali tagħna; billi l-prijoritajiet u l-politiki reġjonali speċifiċi bħal dawk tas-Sħubija tal-Lvant, il-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-komunikazzjoni konġunta dwar ir-relazzjonijiet mal-Amerka Latina u l-Karibew u strateġija Indo-Paċifiku futura għandhom jiġu allinjati mal-Istrateġija;

3.Jinsisti li l-isfidi globali se jiġu aggravati jekk id-dinja tinqasam f'fazzjonijiet rivali jew fi frammentazzjoni totali; jemmen, għalhekk, li l-konnettività għandha tiġi promossa bħala prinċipju li jimmira lejn il-kooperazzjoni kull fejn ikun meħtieġ u possibbli;

4.Jenfasizza li l-konnettività għandha sservi bħala prijorità fundamentali tal-ħidma tal-UE bil-għan li tiġi kkonfermata l-ambizzjoni tal-Ewropa, tinkiseb pożizzjoni Ewropea aktar proattiva fil-politika globali u jiġu ffissati l-kundizzjonijiet biex l-Ewropa tikkoopera ma' pajjiżi oħra fil-livell bilaterali u f'fora multilaterali fil-promozzjoni tal-konnettività li tkun fiskalment, ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli;

5.Jistenna li l-Istrateġija tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politiki qafas prinċipali tal-UE maħsuba biex jibnu Unjoni b'saħħitha u ġusta, biex isir investiment f'relazzjonijiet internazzjonali paċifiċi u rispettużi, jingħata kontribut lill-progress ekonomiku u soċjali sostenibbli, inkluż abbażi ta' ftehimiet kummerċjali ambizzjużi li jixprunaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali, u tiġi promossa l-ġustizzja globali;

6.Iqis li t-trawwim ta' forma sostenibbli ta' globalizzazzjoni se jirrikjedi ħidma flimkien mal-pajjiżi terzi fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli bħala elementi fundamentali tal-Istrateġija;

7.Huwa tal-fehma li l-Istrateġija trid tindirizza b'mod komprensiv spettru wiesa' ta' dimensjonijiet politiċi, ekonomiċi, kulturali, ta' sostenibbiltà u ta' sigurtà bbażati fuq il-valuri fundamentali tal-UE u l-interessi komuni tagħha, trid timplimenta l-proġetti emblematiċi li juru l-valuri tagħna ta' libertà, drittijiet tal-bniedem, stat tad-dritt, demokrazija, solidarjetà kontra d-diskriminazzjoni, sostenibbiltà, inklużività, trasparenza fil-ġustizzja soċjali, kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, reċiproċità u adeżjoni ma' multilateraliżmu ibbażat fuq ir-regoli, u trid issaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-UE bħala entità li tistabbilixxi n-normi; jifhem li jridu jiġu allokati riżorsi umani u finanzjarji adegwati għall-implimentazzjoni tagħha;

8.Jistieden lill-partijiet ekonomiċi u soċjetali kkonċernati u lill-esperti rilevanti fil-qasam, fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri, jipparteċipaw fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija; jistieden lill-Kummissjoni toħloq fora adatti għal involviment bħal dan; jinsisti li l-parlamenti jridu jiżvolġu rwol attiv fid-definizzjoni u fis-sorveljanza tal-politika fil-qasam tal-konnettività;

9.Ifakkar li, sabiex jiġu ġġenerati tkabbir u impjiegi sostenibbli, huma meħtieġa investimenti fil-konnettività; jisħaq li dawn l-investimenti għandhom jirrispettaw il-ġid pubbliku, it-trasparenza, l-effiċjenza tas-suq, kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, inkluż aċċess ġust għas-swieq tal-akkwist, u l-vijabbiltà fiskali, filwaqt li tiġi evitata in-nassa tad-dejn; jenfasizza li investimenti bħal dawn jeħtieġ li jappoġġjaw ir-reżiljenza ekonomika, dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi, l-iżvilupp ta' ħiliet ġodda għall-forza tax-xogħol u konformità mal-istandards ambjentali u tal-bijodiversità għoljin; jisħaq, barra minn hekk, li dawn jeħtieġ li jirrispettaw standards stretti tal-UE f'dawk li huma d-drittijiet soċjali u tax-xogħol, it-trasparenza, id-drittijiet tal-bniedem, id-diliġenza dovuta, l-interoperabbiltà u l-governanza tajba, u li tingħata vuċi lill-persuni affettwati mill-proġetti fuq il-bażi ta' konsultazzjonijiet xierqa, inklużivi u pubbliċi mal-partijiet ikkonċernati u aċċess miftuħ, inkluż għall-partijiet ikkonċernati lokali bħall-SMEs;

10.Jistieden lill-pajjiżi Ewropej kollha jingħaqdu mal-Istrateġija għall-Konnettività tal-UE, inklużi l-pajjiżi fl-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, il-Balkani tal-Punent u l-Viċinat Ewropew, u jintegraw b'mod funzjonali d-diversi reġjuni li qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi lir-Renju Unit jingħaqad mal-UE fil-promozzjoni tal-konnettività internazzjonali strateġika, b'mod partikolari fid-dawl tar-rapport reċenti tal-House of Commons dwar il-futur tal-politika internazzjonali tar-Renju Unit; huwa tal-fehma li l-proġetti ssorveljati minn diversi pajjiżi Ewropej għandhom jingħataw prijorità;

11.Jagħmel enfasi kbira fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni ġusta mas-sħab tagħna u ma' pajjiżi u reġjuni rispettivi oħra, filwaqt li juża setgħat ta' persważjoni biex jippromwovi l-valuri Ewropej u biex jiżgura sħubijiet b'saħħithom u dejjiema; jemmen li l-Istrateġija għandha toħloq benefiċċji komuni, tiggarantixxi aċċess reċiproku għas-suq, u tevita dipendenzi unilaterali jew nases tad-dejn, li jxekklu l-awtonomija tal-pajjiżi parteċipanti, u għandha titwettaq fir-rispett reċiproku;

12.Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-Balkani tal-Punent bħala prijorità għall-Istrateġija; jemmen li l-Istrateġija tista' toħloq sinerġiji pożittivi ma' proċessi politiċi u ekonomiċi oħra fir-reġjun, b'mod partikolari l-integrazzjoni reġjonali; jemmen li l-pjanijiet infrastrutturali eżistenti għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, bħall-Aġenda tal-Konnettività tal-UE għall-Balkani tal-Punent, għandhom jiġu armonizzati mal-Istrateġija; jilqa' b'sodisfazzjon l-ispinta favur l-investimenti fil-konnettività fil-Balkani tal-Punent fil-kuntest tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għar-reġjun; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tas-Sħubija tal-Lvant u l-enfasi fuq il-konnettività kif enfasizzat fil-komunikazzjoni konġunta tat-18ta'Marzu2020;

Governanza tal-Istrateġija

13.Jisħaq li l-Istrateġija trid tiġi mmonitorjata u kkoordinata bl-għan li titfittex il-konnettività interna fl-UE u bejn l-UE u l-membri prospettivi tagħha, bħal permezz tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) jew l-Inizjattiva tat-Tliet Ibħra, filwaqt li jissaħħu l-valuri, l-istandards u l-interessi komuni, u tiġi pprovduta sjieda kondiviża tal-Istrateġija għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri; huwa tal-fehma li mingħajr sjieda attiva mill-Istati Membri, l-Istrateġija se tkun qisha karozza mingħajr roti;

14.Jissottolinja n-natura multidimensjonali tal-Istrateġija, li se tirrikjedi koordinament effikaċi tal-istrateġiji, il-politiki u tal-proġetti eżistenti għall-konnettività u l-interoperabbiltà internazzjonali; jistenna li l-koordinament eżistenti bejn is-SEAE u d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni tittejjeb u tiġi semplifikata f'dan ir-rigward;

15.Jissottolinja li l-Istrateġija jeħtieġ li jkollha tmexxija aktar ċara u diviżjoni tal-kompetenzi fil-Kummissjoni f'kull livell rispettiv, inkluż fl-ogħla livell; jipproponi, għalhekk, li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tiġi diskussa b'mod regolari mill-Grupp tal-Kummissarji għal Ewropa Aktar b'Saħħitha, li għandu jservi bħala organu ta' koordinament għall-konnettività, kopresedut mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' ܰà (VP/RGħ) u minn koordinatur tal-Kummissjoni għall-konnettività, idealment Viċi President Eżekuttiv;

16.Jirrakkomanda li s-SEAE għandu jforni s-segretarjat tal-organu ta' koordinament għall-konnettività, filwaqt li l-livell ta' ħidma korrispondenti għandu jinkludi d-Diretturi Ġenerali rilevanti kollha u jkun kopresedut mis-Segretarji Ġenerali tal-Kummissjoni u tas-SEAE sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji u l-effiċjenza;

17.Jissottolinja l-importanza li l-Parlament, il-Kunsill, l-Istati Membri u l-parlamenti nazzjonali jiġu involuti fl-Istrateġija; jinsisti li l-Kummissjoni twettaq rapportar regolari li jiddeskrivi l-kisbiet fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija, li għandu jiġi diskuss fid-dettall mill-Parlament u mill-Kunsill; jinkoraġġixxi l-ħatra ta' koordinaturi nazzjonali għall-konnettività fil-gvernijiet tal-Istati Membri; huwa tal-fehma li l-ħolqien ta' grupp ta' ħidma tal-Kunsill iddedikat jista' jsaħħaħ il-koerenza, l-operazzjonalizzazzjoni u s-sjieda tal-konnettività fost l-Istati Membri; jipproponi li l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għandha tintuża għall-konnettività, ħlief f'oqsma rilevanti jew relatati mas-sigurtà nazzjonali;

18.Jemmen li l-iskambju ta' informazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-involviment attiv tagħhom, inklużi l-istituzzjonijiet ta' finanzjament tal-UE, huwa essenzjali għas-suċċess tal-Istrateġija, fid-dawl tad-diskrepanzi eżistenti fl-investimenti f'dan il-qasam; jirrakkomanda l-ħolqien ta' grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar il-konnettività internazzjonali bħala organu konsultattiv għall-Kummissjoni, inklużi rappreżentanti tan-negozju, kif previst fil-proposta għal grupp konsultattiv tan-negozju kif deskritt fil-komunikazzjoni konġunta tad-19ta'Settembru2018, flimkien mas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra, inkluż mill-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u d-drittijiet tax-xogħol, u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, b'enfasi partikolari fuq il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bħala l-bank tal-UE u skont il-kriterju tal-parità bejn il-ġeneri;

19.Jemmen bis-sħiħ li l-banek ta' żvilupp, l-aġenziji tal-investiment u l-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni Ewropej u tal-Istati Membri għandhom jiżvolġu rwol ċentrali fil-ġestjoni tal-investimenti fi proġetti ta' konnettività internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-mobilizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fil-finanzjamenti u fl-implimentazzjoni ta' proġetti u l-konsulenza dwar il-bżonnijiet ta' investiment jew oqfsa eżistenti, skont il-livell ta' żvilupp tal-pajjiż; jirrakkomanda t-twaqqif ta' interfaċċa unika għas-settur privat;

20.Jipprevedi rwoli għall-BEI u għall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp f'dan il-kuntest; jemmen b'konvinzjoni li l-promozzjoni attiva tal-involviment tas-settur privat fi proġetti ta' konnettività internazzjonali li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-banek trid tkun il-pedament tal-Istrateġija; jitlob li l-ħidma li għaddejja dwar it-tisħiħ tal-arkitettura Ewropea għall-finanzjament tal-iżvilupp titħaffef bil-għan li potenzjalment jinkiseb bank Ewropew tal-iżvilupp sħiħ; huwa favur il-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra abbażi tal-valuri u l-interessi strateġiċi Ewropej;

21.Jisħaq li biex l-Istrateġija tkun kredibbli, jeħtieġ li tkun mgħammra bl-istrumenti u bil-mezzi meħtieġa biex tiġi implimentata fuq skala li tikkorrispondi għall-ambizzjoni tagħha; ifaħħar l-ammont sostanzjali ta' finanzjament tal-UE għall-kooperazzjoni internazzjonali, mhux l-inqas id-daqs konsiderevoli ta' għotjiet meta mqabbel ma' setgħat globali ewlenin oħra, li ammontaw għal EUR345biljun bejn l-2014 u l-2018;

22.Jikkritika l-fatt li s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u l-viżibbiltà tal-kontribuzzjonijiet internazzjonali tal-UE għall-promozzjoni u l-finanzjament tal-politiki tal-konnettività ma kinux żviluppati biżżejjed u jitlob li jsiru bidliet adegwati mingħajr dewmien; jissottolinja l-ħtieġa, barra minn hekk, li tiġi żviluppata politika ta' komunikazzjoni ddedikata għall-Istrateġija u jitlob komunikazzjoni aktar ċara u effikaċi tal-benefiċċji, il-kisbiet u l-għanijiet tal-Istrateġija sabiex jiġi żgurat l-appoġġ meħtieġ għas-suċċess tagħha; jenfasizza l-potenzjal tal-proġetti ewlenin f'dan ir-rigward;

23.Iqis li sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija, għandhom jiġu allokati riżorsi pubbliċi adegwati skont il-QFP għall-perjodu2021-2027; jitlob li l-Istrateġija tkun inkorporata fir-regolamenti futuri dwar l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni III, sabiex l-UE tkun tista' tilħaq l-objettivi tal-Istrateġija b'mod effiċjenti, bl-użu ta' programmi finanzjarji tal-UE bħall-InvesEU u, b'mod partikolari, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus, il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna u l-faċilitajiet ta' investiment ġeografiċi, bħall-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat, il-Faċilità ta' Investiment għall-Asja Ċentrali u l-Faċilità ta' Investiment għall-Asja; jenfasizza, barra minn hekk, l-għażla li l-pajjiżi sħab jiġu megħjuna jiżviluppaw mekkaniżmi ta' finanzjament lokali;

24.Jemmen li filwaqt li ssegwi approċċ multidimensjonali, l-Istrateġija għandha tkun iffukata wkoll b'mod ċar fuq sett definittiv ta' prijoritajiet; jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni notevoli tal-aġenda tal-konnettività tal-UE fil-Programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill tal-presidenzi tal-Kunsill Ewropew tal-Ġermanja, tal-Portugall u tas-Slovenja; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati proġetti emblematiċi għas-setturi rilevanti, li għandu jkollhom valur miżjud Ewropew b'saħħtu, jirrappreżentaw interess pubbliku strateġiku u juru l-approċċ uniku tal-UE bbażat fuq il-valuri; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipproponu kriterji għall-identifikazzjoni ta' proġetti bħal dawn;

25.Jilqa' pożittivament inizjattivi bħall-Prinċipji tal-G20 għall-Investimenti Infrastrutturali ta' Kwalità u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ambjentali tan-NU dwar l-infrastruttura sostenibbli; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jippromwovu l-approċċ strateġiku tal-UE għall-konnettività internazzjonali fil-fora multilaterali u plurilaterali kollha, bħall-Assemblea Ġenerali tan-NU, l-ASEM jew il-G7;

Prijoritajiet tal-Istrateġija

Tranżizzjoni ekoloġika

26.Jenfasizza r-rwol tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi permezz tal-promozzjoni ta' ekonomija ċirkolari u investimenti reżiljenti għat-tibdil fil-klima, fost inizjattivi oħra; jemmen li r-rispons għat-tibdil fil-klima, favur id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji u l-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-ambjent għandu jkun prijorità assoluta tal-Istrateġija, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta' infrastrutturi ta' kwalità; jirrimarka li ż-żamma tal-infrastruttura eżistenti għal mezzi ta' trasport ekokompatibbli fl-Ewropa u lil hinn minnha hija ta' importanza kbira; jitlob ekoloġizzazzjoni sistematika tal-investimenti kollha fil-konnettività; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li jiġu stabbiliti kriterji trasparenti għas-sejħiet għall-offerti dwar l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti jew tas-servizzi u l-konformità mal-istandards u r-regolamenti tal-UE; iqis li l-ekoloġizzazzjoni soċjalment ġusta u sostenibbli tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-investiment fl-infrastruttura b'mod ġenerali u d-dimensjoni tal-enerġija, b'mod partikolari, huma kwistjonijiet bi prijorità għolja; iqis il-kooperazzjoni dwar sorsi alternattivi ta' enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija bħala proġetti fanal ewlenin; jipproponi li l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandha ssir pilastru tal-konnettività bejn l-UE u l-Afrika; iqis it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sostenibbiltà bħala dimensjoni fundamentali; jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni xjentifika ambizzjuża biex jitmexxew 'il quddiem l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, tiġi protetta l-bijodiversità, u jiġu promossi ċ-ċirkolarità ekonomika, it-tkabbir sostenibbli u tranżizzjoni ġusta;

Trasport

27.Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-adozzjoni ta' approċċ ikkoordinat globali billi ssir ħidma mill-qrib mal-pajjiżi terzi biex jerġgħu jiġu stabbiliti u jinżammu l-konnettività, infrastruttura u industrija tat-trasport reżiljenti bħala appoġġ għall-ktajjen tal-provvista globali; jilqa' pożittivament il-kollaborazzjoni bejn l-UE u l-Asja dwar inizjattivi bħall-programm tal-Kuritur ta' Trasport Ewropa-Kawkasu-Asja u l-promozzjoni ta' inizjattivi ġodda ta' trasport sostenibbli ma' sħab Asjatiċi importanti bħall-Indja u l-Asja Ċentrali;

28.Jisħaq li l-UE għandha tgħaqqad il-qafas tat-TEN-T żviluppat sew man-networks fl-Asja, filwaqt li tlesti l-proġetti tat-TEN-T tagħha stess fl-UE bħal Rail Baltica u oħrajn; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment tal-UE għall-Balkani tal-Punent u l-estensjoni kontinwa tat-TEN-T fil-Balkani tal-Punent u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li għandhom jitqiesu bħala element fundamentali tal-Istrateġija għall-Konnettività, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom; jemmen li għandu jinħatar koordinatur speċjali tat-TEN-T għall-pajjiżi tat-tkabbir u tas-Sħubija tal-Lvant;

29.Jenfasizza l-importanza tal-konnessjonijiet ferrovjarji; jirrimarka l-ħtieġa li jiġi żgurat reġim ġuridiku unifikat għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fil-kontinent Ewrasjatiku kollu; jitlob l-estensjoni tal-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-UE, b'mod partikolari l-istandards ta' sikurezza għat-trasport ta' oġġetti perikolużi bil-ferrovija u l-konformità mal-linji gwida korrispondenti tal-OTIF(1) skont l-Anness2 tal-SMGS(2), u l-ħolqien ta' prospettivi ekonomiċi ġodda billi jinfetħu s-swieq u jiġu promossi opportunitajiet ta' investiment;

30.Jisħaq fuq l-importanza tan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru ma' pajjiżi sħab fl-Asja, b'mod partikolari l-ftehim bejn l-UE u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), li joħolqu kundizzjonijiet tas-suq ġusti u trasparenti bbażati fuq qafas regolatorju ċar u, b'mod partikolari, fuq ir-rispett tal-istandards għoljin tal-Unjoni Ewropea; jisħaq fuq l-importanza tal-appoġġ tal-UE għall-pajjiżi Asjatiċi biex itaffi l-impatt tal-avjazzjoni ċivili fuq it-tibdil fil-klima;

31.Jistieden lill-Kummissjoni tfittex li tagħmel aktar progress fl-inizjattivi tagħha tat-trasport marittimu biex tiddiġitalizza u tissemplifika l-formalitajiet amministrattivi u ssaħħaħ is-sigurtà marittima fil-portijiet fl-Asja permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u ta' ftehimiet dwar it-trasport marittimu; jenfasizza l-importanza ta' involviment ulterjuri mal-pajjiżi terzi fl-Asja permezz ta' ftehimiet dwar it-trasport marittimu pertinenti, li jgħinu biex jirregolaw, jiffaċilitaw u jagħmlu t-traffiku marittimu aktar sostenibbli;

32.Jisħaq li l-Istrateġija trid tiżgura li t-trasportaturi mill-Asja jridu jirrispettaw l-istandards tal-UE fis-settur tat-trasport bit-triq; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali fis-settur;

Trasformazzjoni diġitali

33.Jagħmel enfasi partikolari fuq il-fatt li d-diġitalizzazzjoni hija dimensjoni fundamentali għas-sekluXXI u jissottolinja l-impatt tagħha fuq il-ħajja ta' kuljum ta' kull persuna fid-dinja kollha; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-ambizzjonijiet tagħhom għat-trasformazzjoni diġitali; jistenna li l-UE ssir attur globali kompetittiv daqs l-Istati Uniti u ċ-Ċina fid-diġitalizzazzjoni; iqis, f'dan il-kuntest, li l-promozzjoni tal-konnettività diġitali u tal-aċċess diġitali permezz ta' networks b'kapaċità għolja ħafna bbażati fuq il-fibra u l-5G hija kwistjoni prijoritarja kbira għall-UE; jemmen li l-iżvilupp ta' awtonomija strateġika miftuħa f'dan is-settur għandu jinkludi d-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista tal-manifatturi tat-tagħmir permezz tal-promozzjoni ta' arkitetturi tan-networks miftuħa u interoperabbli u sħubijiet għad-diġitalizzazzjoni mal-pajjiżi u reġjuni terzi li jikkondividu l-valuri tagħna u jużaw it-teknoloġija b'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqiegħed kundizzjonijiet għall-proġetti fil-qasam tal-konnettività mal-pajjiżi terzi dwar l-użu etiku tat-teknoloġija fuq livell kemm intern kif ukoll internazzjonali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-aspett tas-sigurtà huwa ta' importanza kbira;

34.Jissottolinja l-fatt li l-UE, bħala entità li tistabbilixxi n-normi, għandha tistinka biex ikollha rwol ta' tmexxija konġunta fl-istabbiliment, id-difiża u l-progress ta' normi, standards u prattiki internazzjonali msejsa fuq ambjent tal-ICTs paċifiku, sikur, ibbażat fuq l-istat tad-dritt u miftuħ, u diġitalizzazzjoni sostenibbli u responsabbli, filwaqt li tindirizza t-theddid taċ-ċibersigurtà u tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem online, inkluża l-protezzjoni tad-data personali;

35.Jirrakkomanda li l-kooperazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data mal-pajjiżi tal-ASEAN u mal-Indja, il-Ġappun, l-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Kanada, il-Korea t'Isfel, New Zealand u oħrajn tissaħħaħ b'mod sinifikanti sabiex jitmexxew 'il quddiem id-deċiżjonijiet ta' adegwatezza għall-flussi tad-data; iqis li d-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ elettroniku u l-kummerċ diġitali fil-ftehimiet kummerċjali għandhom iservu l-objettivi tal-pilastru diġitali tal-Istrateġija; jinnota, fir-rigward tal-flussi tad-data, li l-UE diġà ressqet proposti f'diversi negozjati f'konformità mal-protezzjoni tad-data u mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(3); jinnota li d-deċiżjoni ta' adegwatezza dwar il-Ġappun tagħti eżempju għal aktar integrazzjoni diġitali; jirrakkomanda r-rabta tal-aġenda tal-konnettività diġitali mal-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Kooperazzjoni Diġitali li jmiss;

36.Jisħaq li l-infrastruttura tal-5G hija element tar-reżiljenza strateġika tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan għall-iżvilupp tat-teknoloġija Ewropea tal-5G u t-tneħħija gradwali tal-5G mibnija minn pajjiżi terzi li ma jikkondividux il-valuri u l-istandards Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqiegħed kundizzjonijiet rigorużi għall-proġetti ta' konnettività mal-pajjiżi terzi dwar l-użu etiku tat-teknoloġija, fil-livell kemm intern kif ukoll internazzjonali; jilqa' d-dispożizzjonijiet għaċ-ċibersigurtà fil-Programm Ewropa Diġitali fir-rigward tal-proċess tas-sejħiet għall-offerti; jirrakkomanda l-inklużjoni tal-approċċ tal-istrumenti tal-5G fil-promozzjoni tal-konnettività diġitali, minħabba l-possibbiltajiet tagħha għal applikazzjoni ekstraterritorjali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni taħdem biex tirriproduċi l-ftehimiet internazzjonali tal-UE dwar ir-roaming mobbli mas-sħab fil-konnettività; jilqa' pożittivament l-inizjattiva għall-Internet tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u l-investiment fi proġetti infrastrutturali diġitali, bħall-kejbil f'baħar fond tal-Building Europe Link to Latin America; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tidentifika l-bżonnijiet reali ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp diġitali mmirata; jipproponi li l-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tas-6G ma' pajjiżi tal-istess fehma bħala proġett emblematiku;

Kuntatti interpersonali

37.Jemmen li d-dimensjoni ta' kuntatti interpersonali hija pilastru fundamentali tal-Istrateġija u għandha tingħata aktar prijorità; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm opportunitajiet reċiproċi ta' mobilità bejn l-Ewropa u l-Asja; jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament adegwat tad-diplomazija pubblika;

38.Jagħmel enfasi kbira fuq il-promozzjoni tal-kuntatti interpersonali fost l-istudenti, it-trainees vokazzjonali, il-professjonisti żgħażagħ, l-akkademiċi, is-soċjetà ċivili, l-NGOs, ir-riċerkaturi u s-setturi kulturali, li hija essenzjali għall-fehim u għar-rispett reċiproċi; huwa favur din il-kooperazzjoni bbażata fuq l-inklużività, ir-reċiproċità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob, b'mod partikolari, li tissaħħaħ id-dimensjoni taż-żgħażagħ permezz ta' fora taż-żgħażagħ biex jippromwovu b'mod reċiproku l-profiċjenza fil-lingwi barranin, l-iskambji tal-istudenti u tal-persunal akkademiku u r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi; huwa favur, f'dan ir-rigward, il-ftuħ tal-pjattaforma tal-eTwinning għall-pajjiżi sħab tal-konnettività; ifakkar fl-opportunitajiet għal skambji reġjonali, bħal bejn innovaturi u għall-kooperazzjoni bejn belt u oħra; jenfasizza li l-konnettività tiftaħ opportunitajiet biex l-Ewropa tkun fiċ-ċentru tal-intersezzjoni bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-investiment; huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet tal-minoranzi fil-kuntest ta' dan il-pilastru;

39.Ifaħħar l-inizjattivi adottati għall-Balkani tal-Punent li għandhom l-għan li jippromwovu l-kooperazzjoni u l-iskambji taż-żgħażagħ, kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u jinkoraġġixxi l-offerta ta' programmi simili lil sħab oħra tal-Istrateġija, billi jibdew mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jinnota li l-konnettività bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent hija integrali għall-Istrateġija peress li l-pajjiżi fir-reġjun huma membri prospettivi tal-UE;

40.Ifaħħar l-organizzazzjoni tal-Forum tal-Mexxejja Żgħażagħ u tal-Forum tal-Ħassieba Strateġiċi UE-ASEAN fi Frar2018 u s-Summits tal-Mexxejja Żgħażagħ tal-Fondazzjoni Asja-Ewropa, kuntestwalment mas-Summits tal-ASEM; jipproponi li dawn il-konvenzjonijiet jiġu organizzati regolarment u li jiġu stabbiliti wkoll fora annwali simili bħala parti mir-relazzjoni bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana;

41.Jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-Istrateġija mal-Istrateġija li jmiss tal-UE dwar il-Kooperazzjoni fir-Riċerka u l-Investiment; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-approċċ strateġiku tagħha għall-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) billi ttejjeb ir-relazzjonijiet mas-sħab tal-istess fehma, inkluż billi tqis l-istatus tas-sħab assoċjati, u billi tibbaża l-kooperazzjoni fuq prinċipji universali bħal-libertà akkademika, l-aċċess miftuħ, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, l-integrità tar-riċerka u l-protezzjoni tad-data personali; jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' politiki ta' kooperazzjoni fir-riċerka speċifiċi għall-pajjiż; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti kriterji biex jiġu identifikati setturi sensittivi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż fil-qasam tat-teknoloġija b'użu doppju;

Kummerċ, investimenti, kompetittività u standards

42.Jinnota li l-UE għandha ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha mal-pajjiżi ospitanti u tippreżentalhom offerta alternattiva kredibbli u sostenibbli għall-finanzjament fil-qasam tal-konnettività;

43.Jemmen li d-dimensjoni ta' kuntatti interpersonali hija essenzjali wkoll biex il-kompetittività tkun ibbażata fuq il-valuri tal-UE u biex id-diplomazija ekonomika Ewropea tkun effikaċi;

44.Jemmen li l-politika kummerċjali għandha tkun strumentali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija billi jiġu promossi kummerċ u investiment ġusti u sostenibbli; jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika permezz tad-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista, kif ukoll it-tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali; jisħaq li l-Istrateġija għandha timxi id f'id mal-isforzi biex jiżdied l-aċċess għas-swieq rispettivi, inkluż l-akkwist pubbliku, u tippromwovi ambjent ta' investiment miftuħ u trasparenti, filwaqt li tiftaħ opportunitajiet u tikkontribwixxi għall-kompetittività globali; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni dwar id-diliġenza dovuta, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-indikazzjonijiet ġeografiċi;

45.Jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq ir-rwol ċentrali tal-istandards ambjentali, ta' sostenibbiltà u soċjali internazzjonali fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment; ifakkar fir-rieżami tal-pjan ta' azzjoni ta' 15-ilpunt tal-Kummissjoni u d-diskussjonijiet fil-Kunsill dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ biex tiżgura li n-negozji Ewropej ma jkunux soġġetti għal prattiki kummerċjali żleali, u timplimenta b'mod effikaċi l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-konvenzjonijiet tal-ILO bil-għan li tiġi żviluppata l-Istrateġija u tiġi segwita l-integrazzjoni sostenibbli; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jużaw approċċ aktar strateġiku għall-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi, anki billi jintensifikaw l-azzjoni fl-ogħla livell politiku biex tissaħħaħ l-effikaċja tagħha fir-rigward tal-istandards dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol internazzjonali, l-ambjent u l-governanza tajba;

46.Jissottolinja l-importanza tar-relazzjoni strateġika u tar-rivalità sistemika tal-UE maċ-Ċina u jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jindirizzaw liċ-Ċina b'vuċi waħda u jħaddnu approċċ ikkoordinat; itenni l-appell tiegħu liċ-Ċina biex timxi 'l quddiem b'riforma ambizzjuża tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, inklużi regoli komprensivi dwar is-sussidji industrijali, u jirrikonoxxi t-tħassib dwar prattiki li jfixklu s-suq min-naħa ta' impriżi statali Ċiniżi, trasferimenti furzati tat-teknoloġija u lokalizzazzjoni tad-data, kapaċitajiet żejda u l-esportazzjonijiet suġġett għal dumping relatati, u prattiki kummerċjali żleali oħra; jemmen li l-estensjoni tal-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal swieq terzi hija ta' importanza kbira għall-opportunitajiet fit-tul tan-negozji Ewropej;

47.Jenfasizza r-rwol tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali nnegozjati mill-UE u l-importanza tal-implimentazzjoni korretta tagħhom; huwa tal-fehma li l-konnettività għandha tiġi inkluża fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-politika kummerċjali; jenfasizza n-normi internazzjonali u l-istandards trasparenti għall-promozzjoni ta' infrastruttura ta' kwalità u l-interoperabbiltà tan-networks; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-ftehimiet eżistenti aktar ambizzjużi billi sistematikament tinkludi l-politika tal-istandardizzazzjoni fi sħubijiet bilaterali u ftehimiet kummerċjali sabiex tippromwovi l-iffissar ta' standards multilaterali u l-adozzjoni wiesgħa ta' standards maqbula fuq livell internazzjonali u l-kooperazzjoni regolatorja trasparenti f'konformità sħiħa mad-dritt ta' regolamentazzjoni;

48.Huwa tal-fehma li l-mudell tal-politika ta' standardizzazzjoni tal-UE għandu l-vantaġġ li huwa innovattiv, miftuħ u inklużiv u għandu jkun jista' jkompli jlaħħaq mal-kompetizzjoni globali bejn paradigmi differenti ta' standardizzazzjoni; jistenna li l-Kummissjoni tiżvolġi rwol proattiv fil-promozzjoni tal-politika tal-istandardizzazzjoni; jirrakkomanda, għalhekk, li l-koordinament tar-responsabbiltà għall-politika ta' standardizzazzjoni tal-UE għandha tingħata lil uffiċjal għoli tal-Kummissjoni, idealment lill-Kummissarju għas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkoordinaw aktar mill-qrib mas-sħab demokratiċi tal-istess fehma fil-fora internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards sabiex jippromwovu l-istandards internazzjonali li jappoġġjaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

ħħ

49.Jemmen li l-pandemija tal-COVID-19 uriet l-urġenza li tingħata prijorità lis-settur tas-saħħa bħala settur kruċjali ġdid għall-kooperazzjoni, b'mod partikolari f'dik li hija r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa, l-aċċess għall-mediċini, l-apparat mediku u l-vaċċini, it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-UE fil-qasam tas-saħħa, billi jiġu evitati dipendenzi unilaterali, u jiġu żgurati l-ktajjen tal-provvista industrijali farmaċewtiċi u sanitarji sikuri u diversifikati, l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-ġestjoni tal-kriżijiet u fil-politiki ta' prevenzjoni tal-pandemiji, u r-reċiproċità fil-ġestjoni tal-fruntieri tal-ivvjaġġar u miftuħa; jipproponi li l-isforzi tal-unjoni tas-saħħa tal-UE jintrabtu mal-Istrateġija u s-sħubija ma' mekkaniżmi reġjonali oħra bħal Ċentru tal-ASEAN għall-Kontroll tal-Mard Infettiv; jenfasizza li l-UE għandha tuża l-konnettività tas-saħħa biex titgħallem minn eżempji ta' suċċess ta' mmaniġġjar pandemiku minn sħab bl-istess fehma bħan-New Zealand, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan;

50.Jenfasizza t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 rigward l-importanza tal-miżuri kkoordinati sabiex jiġi żgurat li r-rotot tat-trasport u l-ktajjen tal-provvista globali jibqgħu miftuħa u sikuri;

ܰà

51.Huwa konvint li d-dimensjoni tal-Istrateġija fil-qasam tas-sigurtà għandha tiġi żviluppata b'mod urġenti filwaqt li jitqiesu r-riskji li l-konnettività tista' tkun adattata għall-użu fil-gwerra; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ ġeopolitiku għall-kooperazzjoni globali sabiex l-UE tindirizza b'suċċess l-isfidi l-ġodda tas-sigurtà, inklużi ċ-ċibersigurtà, il-konnettività diġitali, l-infrastruttura kritika u l-użu doppju potenzjali tat-teknoloġija; jissottolinja s-serjetà tat-theddid terroristiku; jenfasizza t-tħassib dejjem jikber dwar is-sigurtà fil-Viċinat Ewropew; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżvolġu rwol aktar proattiv f'dawn il-kwistjonijiet;

52.Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata dimensjoni ta' sigurtà aktar b'saħħitha fis-sħubija tagħna mal-Afrika; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2018 dwar il-kooperazzjoni msaħħa tal-UE fis-sigurtà fl-Asja u mal-Asja; jieħu nota tar-rilevanza dejjem tikber għall-UE ta' tħassib dwar is-sigurtà fir-reġjun Indo-Paċifiku, kif espress fl-istrateġiji tal-Istati Membri għall-Indo-Paċifiku; jappoġġja l-inizjattiva li tiġi żviluppata strateġija komuni tal-UE għall-Indo-Paċifiku u l-kooperazzjoni mas-sħab fir-reġjun Indo-Paċifiku, inklużi l-iskambji bejn il-forzi militari; jemmen li l-ftuħ, il-prosperità, l-inklużività, is-sostenibbiltà, it-trasparenza, ir-reċiproċità u l-vijabbiltà għandhom ikunu prinċipji gwida fil-kooperazzjoni mar-reġjun Indo-Paċifiku;

Sħubijiet fil-qasam tal-konnettività

53.Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-istabbiliment tas-Sħubija bejn l-UE u l-Ġappun dwar il-Konnettività Sostenibbli u l-Infrastrutturi ta' Kwalità, b'enfasi partikolari fuq il-konnettività sostenibbli mal-Balkani tal-Punent, l-Ewropa tal-Lvant, l-Asja Ċentrali, ir-reġjun Indo-Paċifiku u l-Afrika;jittama li l-UE u l-Ġappun jippromwovu b'mod attiv is-sħubija fil-qasam tal-konnettività fost il-gruppi fil-mira rilevanti u jirnexxielhom jagħtu bidu għall-operazzjonalizzazzjoni tas-sħubija fl-ewwel semestru tal-2021;

54.Jilqa' b'sodisfazzjon il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, li daħal fis-seħħ fl-1ta'Frar2019, u ż-żieda fil-koordinament bejn il-BEI, l-Aġenzija Ġappuniża ta' Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Japan Bank for International Cooperation, b'mod partikolari dwar il-finanzjament tal-konnettività ekoloġika; iqis li l-Balkani tal-Punent u x-Xlokk tal-Asja joffru opportunitajiet tajbin ħafna għall-kooperazzjoni tal-konnettività bejn il-Ġappun u l-UE mas-sħab terzi; jara potenzjal kbir għall-involviment tas-settur privat inklużi l-SMEs; huwa favur, barra minn hekk, li jiġu analizzati l-aspetti tas-sigurtà tal-kooperazzjoni tal-konnettività bejn il-Ġappun u l-UE, inkluża s-sigurtà marittima;

55.Jilqa' b'sodisfazzjon kbir in-negozjati li għaddejjin bħalissa għall-ħolqien ta' sħubija fil-qasam tal-konnettività mal-Indja; jittama li l-presidenzi b'rotazzjoni tal-Kunsill Ewropew u l-Presidenzi tal-G20 li ġejjin tal-Indja u tal-Italja se jisfruttaw l-influwenza tagħhom biex jagħmlu progress; jinnota l-Inizjattiva għall-Konnettività tal-Infrastruttura Reġjonali fin-Nofsinhar tal-Asja; jieħu nota tal-parteċipazzjoni tal-Indja fl-Inizjattiva tal-Golf tal-Bengala għall-Kooperazzjoni Teknika u Ekonomika Multisettorjali u l-Kuritur Internazzjonali tat-Trasport bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar; iqis, fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, li l-Indja għandha tiżvolġi rwol akbar u li trid tiġi mfittxija kooperazzjoni aktar profonda bejn l-UE u l-Istati tan-Nofsinhar tal-Asja; jirrakkomanda l-għoti ta' għajnuna għall-koordinament tad-diversi strateġiji ta' konnettività fl-Asja, li l-Bank Dinji kellu total ta' 16;

56.Ifakkar li kemm il-Federazzjoni Russa kif ukoll it-Turkija għandhom interessi wkoll li jsiru partijiet ikkonċernati fil-konnettività bejn l-UE u l-Asja; huwa lest li jsir sieħeb tagħhom meta jkun possibbli; jirrikonoxxi li l-pajjiżi fl-Asja Ċentrali bbenefikaw b'mod sinifikanti minn integrazzjoni akbar fl-ekonomija globali matul l-aħħar għoxrin sena; huwa tal-fehma li l-UE għandha tiżvolġi rwol ħafna akbar u ssir waħda mill-atturi ewlenin fir-reġjun, billi tuża l-kummerċ u l-investiment bħala mutur għall-prosperità kondiviża; jesprimi tħassib għall-fatt li l-proġetti ffinanzjati miċ-Ċina fl-Asja Ċentrali huma nieqsa mit-trasparenza; jinsisti li tingħata prijorità lill-istandards tax-xogħol u ambjentali għoljin u li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn;

57.Jilqa' pożittivament l-iskambji esplorattivi bejn l-UE u l-Korea dwar sħubija fil-qasam tal-konnettività u jittama li fl-2021 isir progress tajjeb dwar dan; huwa favur l-istabbiliment ta' sħubija fil-qasam tal-konnettività UE-ASEAN sabiex jiġi stabbilit kollegament mal-pjan direttur eżistenti dwar il-konnettività u r-riżerva ta' proġetti, fost objettivi oħra; jirrikonoxxi li peress li r-reġjun tal-ASEAN huwa t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali wara l-Istati Uniti u ċ-Ċina, se jkun hemm benefiċċji sinifikanti għall-esportaturi tal-UE fl-iżgurar ta' aċċess aħjar għas-suq u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni permezz ta' ftehimiet ta' sħubija komprensivi; huwa favur ftehim reġjonali ta' kummerċ ħieles UE-ASEAN; jinkoraġġixxi l-użu ta' investimenti biex titnaqqas id-deforestazzjoni u tiġi ddiversifikata l-agrikoltura sostenibbli;

58.Ifaħħar il-kisbiet tad-dikjarazzjoni ministerjali konġunta UE-ASEAN dwar il-konnettività tal-1 ta' Diċembru 2020, u jistieden lill-UE biex b'mod immedjat tibda tiżviluppa u timplimenta l-għodod u l-oqfsa għall-kooperazzjoni mal-ASEAN dwar il-konnettività;

59.Jieħu nota tal-inizjattivi tal-Awstralja dwar il-politika għall-konnettività reġjonali u l-iskambji tal-UE mal-Awstralja dwar il-konnettività f'żoni ġeografiċi ta' interess; iħeġġeġ kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Awstralja sabiex tintwera solidarjetà bejn id-demokraziji; jara l-potenzjal għall-kooperazzjoni mas-sħab fil-baċir tax-xmara Mekong;

60.Jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-konnettività mat-Tajwan bil-għan li wieħed jitgħallem mill-aħjar prattiki tiegħu fl-immaniġġjar tal-pandemija tal-COVID-19, it-titjib tal-kuntatti interpersonali, it-tnaqqis tad-distakk diġitali fir-reġjun tax-Xlokk tal-Asja, u l-esplorazzjoni tal-għażla ta' ftehim ta' investiment bejn l-UE u t-Tajwan;

61.Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ftehim ta' Sħubija Ekonomika Reġjonali Komprensiva u r-rwol taċ-Ċina fih;

62.Jesprimi l-konvinzjoni soda tiegħu li l-UE għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti; jilqa' favorevolment li-kunċett tal-Blue Dot Network (BDN) mibdi mill-Istati Uniti; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkollaboraw mal-Istati Uniti dwar il-BDN sabiex isaħħu l-kooperazzjoni trans-Atlantika dwar il-konnettività bbażata fuq ir-regoli u sostenibbli, filwaqt li jenfasizzaw ukoll it-tħassib fir-rigward ta' dan tal-aħħar; jittama li jkun hemm kooperazzjoni futura b'mod partikolari fir-rigward tas-sostenn ta' standards ta' kwalità għolja għal proġetti ta' konnettività u t-trawwim tal-involviment tas-settur privat;

63.Japprova l-impenji biex tissaħħaħ is-sħubija bejn l-UE, l-Amerka Latina u l-Karibew kif enfasizzat fil-komunikazzjoni konġunta tal-2019, inkluż dwar l-ekonomija diġitali u l-konnettività; jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ is-sħubija mal-Amerka Latina u l-Karibew, li jaqsmu bis-sħiħ il-valuri u l-interessi fundamentali Ewropej;

64.Jirrimarka li l-UE ħadmet maċ-Ċina fil-kuntest tal-Pjattaforma ta' Konnettività UE-Ċina, b'riżultati moderati; iqis li l-Inizjattiva "Belt and Road" hija fil-qalba tal-politika barranija assertiva taċ-Ċina; huwa lest li jqis sħubija mal-Inizjattiva "Belt and Road" f'każijiet speċifiċi li fihom din ma tikkompromettix il-prinċipji fundamentali tal-UE, meta l-inizjattiva tissodisfa l-istandards internazzjonali, u meta l-Kummissjoni tgħarbel il-proġetti involuti biex jiġi żgurat li jikkonformaw man-normi u mal-istandards tal-UE bħall-istandards soċjali, ambjentali u fiskali u s-sostenibbiltà, it-trasparenza, l-inklużività, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u r-reċiproċità sabiex ma tiżdiedx il-kapaċità tal-pajjiżi terzi li jirrikorru għall-forza u sabiex tiġi żgurata l-integrità tas-suq komuni u l-koeżjoni politika tal-UE; iqis, f'dan il-kuntest, li għandha ssir enfasi fuq it-titjib tal-infrastruttura tat-trasport Ewrasjatiku, b'mod partikolari t-trasport multimodali u sostenibbli;

65.Jenfasizza l-importanza tal-ħidma li għaddejja tal-Pjattaforma ta' Konnettività UE-Ċina fl-isforzi tagħha biex tesplora opportunitajiet għal kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport bejn in-network estiż TEN-T tal-UE u l-Inizjattiva "Belt and Road"; jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ globali u komprensiv biex tiġi żgurata kompetizzjoni ħielsa u ġusta għan-negozji fil-qasam tal-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport maċ-Ċina, inkluża trasparenza sħiħa u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-klawżoli kuntrattwali f'dan il-qasam isiru trasparenti kemm jista' jkun u jiġu sostnuti l-interessi essenzjali tal-UE;

66.Jinnota li l-politiki tal-konnettività għandhom inaqqsu l-esternalitajiet negattivi, bħall-impatt ambjentali u t-tniġġis; jenfasizza l-importanza tas-sostenibbiltà f'din l-Istrateġija; jinkoraġġixxi lill-UE tinvolvi ruħha mal-pajjiżi sħab Asjatiċi sabiex il-konnettività tat-trasport mal-Asja ssir aktar sikura u aktar protetta, mhux l-inqas fil-qasam tal-flussi tad-data, il-mobilità u l-infrastruttura;

67.Jissottolinja l-importanza tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Ewropa, speċjalment dawk li huma eqreb tal-Asja, u jenfasizza l-potenzjal ekonomiku tagħhom; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiffaċilita l-investimenti f'dawn it-territorji sabiex issaħħaħ il-konnettività tagħhom u tagħti spinta lill-ekonomiji tagħhom;

68.Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw kapaċitajiet ta' monitoraġġ b'saħħithom fl-istrateġiji ta' konnettività ta' pajjiżi u reġjuni oħra, inkluż fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji attwalment użati, l-effetti fuq l-istabbiltà finanzjarja, l-iżvilupp sostenibbli, u l-konformità mad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-prinċipji tal-multilateraliżmu; jenfasizza l-potenzjal tat-Tim Ewropa li jsib sinerġiji fl-isforzi tal-konnettività tal-UE u tal-Istati Membri; jirrakkomanda ħidma flimkien mal-pajjiżi sħab biex jiġu mmonitorjati l-effetti fit-tul fuq il-politiki strutturali, it-titjib industrijali u ekonomiku u t-tnaqqis tal-faqar;

Konnettività globali

69.Jenfasizza bil-qawwa l-fatt li l-Istrateġija għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-konnettività mal-Viċinat Ewropew u mal-kontinent ġar tal-Afrika, minħabba r-rilevanza ġeopolitika dejjem akbar tagħha għal diversi atturi globali; jistenna li dawn l-isforzi jirriflettu l-esperjenza tal-UE fil-politiki li jippromwovu l-konnettività implimentati fl-Afrika permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jitlob li dan l-għan jiġi diskuss f'livell għoli mal-Unjoni Afrikana u li dan jissarraf fi sħubija fil-qasam tal-konnettività bejn l-UE u l-Afrika sa tmiem l-2021;

70.Ifaħħar lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ għar-rieda tagħhom li jippreżentaw strateġija għall-Artiku fl-2021 u jitlob li l-UE tkun impenjata b'mod attiv fl-Artiku; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq dan ir-reġjun fraġli; jinnota b'mod partikolari l-ftuħ potenzjali ta' rotta ġdida ta' trasport marittimu lejn l-Asja minħabba li s-silġ tal-baħar qiegħed idub, li jista' jintuża wkoll għal konnessjonijiet diġitali bħal kejbils fibrottiċi, u jieħu nota tal-inizjattiva taċ-Ċina dwar it-Triq tal-Ħarir Artika; jistenna li l-konnettività sostenibbli tkun fil-qalba ta' dawn l-isforzi;

71.Jinnota s-suċċess tal-ewwel Forum tal-Konnettività Europa fl-2019; jesprimi dispjaċir għall-kanċellazzjoni tal-forum fl-2020 minħabba l-COVID-19; jistenna b'interess il-forum li jmiss fl-2021, jekk il-pandemija tippermetti; huwa tal-fehma li l-fora li ġejjin għandhom jintużaw biex jinvolvu lis-sħab kollha tal-konnettività Ewrasjatiċi, inklużi r-Russja u ċ-Ċina, f'diskussjonijiet multilaterali dwar il-viżjonijiet rispettivi tagħhom għall-ordni ekonomiku, politiku u ta' sigurtà futur fl-Ewroasja;

72.Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta approċċ ġdid ta' komunikazzjoni b'narrazzjoni ċara sabiex tinħoloq viżibbiltà adegwata u obbligu ta' rendikont suffiċjenti għall-politiki tal-UE fil-qasam tal-konnettività u għar-riżultati tagħhom; jitlob bil-qawwa li l-Istrateġija għall-Konnettività tal-UE tingħata bixra ġdida b'lingwaġġ u termini ċari u attraenti li jesprimu l-approċċ Ewropew speċifiku bbażat fuq il-valuri fir-rigward tal-konnettività, u pjan direzzjonali ċar għall-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Istrateġija;

o
oo

73.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' ܰà, lill-Istati Membri kif ukoll lis-Sħab tal-UE fil-qasam tal-Konnettività.

(1) Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija.
(2) Ftehim dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Merkanzija bil-Ferrovija tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni bejn il-Ferroviji.
(3) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L119, 4.5.2016, p.1).

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Awwissu 2023Avviż legali-Politika tal-privatezza