Ϸվ

Ի徱ċ
ʰċԳپ
Li jmiss
Test sħiħ
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

A9-0000/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2023)0329

Testi adottati
PDF170kWORD58k
Il-Ħamis, 14 ta' Settembru 2023-Strasburgu
Il-futur tas-settur Ewropew tal-ktieb
P9_TA(2023)0329

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2023 dwar il-futur tas-settur Ewropew tal-ktieb ()

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra l-Artikolu167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tat-13 ta’ Diċembru 2006,

–wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Marrakexx tas-27 ta’ Ġunju 2013 biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi Mod Ieħor Għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat,

–wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni(1),

–wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti(2),

–wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali(3),

–wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni(4),

–wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta’ kopji b’format aċċessibbli ta’ ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat(5),

–wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni(6),

–wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi(7),

–wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern(8),

–wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE(9),

–wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru1290/2013 u (UE) Nru1291/2013(10),

–wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru1295/2013(11),

–wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali)(12),

–wara li kkunsidra r-Regolament (UE)2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali)(13),

–wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji,

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2021 dwar l-intelliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni, fil-kultura u fis-settur awdjoviżiv(14),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar “Europeana - il-passi li jmiss”(15),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2007 dwar “i2010: Il-Librerija Diġitali Ewropea”(16),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ sistemi nazzjonali ta’ prezzijiet tal-kotba fissi(17),

–wara li kkunsidra l-Artikolu54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0257/2023),

A.billi l-kotba għandhom rwol essenzjali fis-soċjetajiet tagħna, bħala sors imprezzabbli ta’ għarfien, edukazzjoni, kultura, informazzjoni u divertiment u mezz vitali għall-preżervazzjoni u t-tixrid tal-valuri tal-UE, tad-diversità kulturali u lingwistika u tal-wirt kulturali;

B.billi l-kotba jtejbu l-vokabularju u l-ħiliet lingwistiċi, jgħinu lin-nies jifhmu u jesprimu ideat kumplessi, kif ukoll irawmu l-ħsieb kritiku, il-kurżità, il-ħiliet analitiċi, il-parteċipazzjoni demokratika u l-inklużjoni soċjali;

C.billi l-kotba għandhom ukoll rwol partikolarment importanti fil-ħajja ta’ persuna minn età żgħira ħafna, billi jikkontribwixxu għall-iżvilupp konjittiv, emozzjonali u soċjali tat-tfal;

D.billi s-settur Ewropew tal-ktieb huwa wieħed mill-akbar industriji kulturali u kreattivi fl-Ewropa, b’madwar 600000titlu ppubblikati kull sena, u l-katina tal-valur globali hija stmata li timpjega aktar minn nofs miljun persuna fl-UE;

E.billi l-katina tal-valur kollha tas-settur tal-ktieb tiddependi mill-bilanċ bejn id-diversi atturi, bħall-awturi, il-pubblikaturi, id-distributuri, l-istampaturi, it-tradutturi, il-bejjiegħa tal-kotba, il-libreriji u finalment il-qarrejja; billi kull attur għandu rwol vitali u kwalunkwe miżura li jkollha impatt negattiv fuq wieħed minnhom taffettwa l-katina sħiħa;

F.billi l-awturi huma s-sors kreattiv tal-kotba kollha u s-sinsla tas-settur;

G.billi l-pubblikaturi Ewropej, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom huma SMEs jew saħansitra mikrointrapriżi, għandhom rwol kruċjali biex jiggarantixxu d-diversità kulturali u l-libertà tal-espressjoni, u b’hekk jippermettu li tinstema’ pluralità ta’ vuċijiet;

H.billi l-ħolqien ta’ ktieb jirrikjedi li l-pubblikaturi jagħmlu investimenti fit-tul konsistenti u riskjużi sabiex jiżguraw firxa wiesgħa ta’ xogħlijiet kreattivi;

I.billi l-kapaċità tas-settur Ewropew tal-ktieb li jipprovdi lill-pubbliku b’firxa wiesgħa ta’ kotba tiddependi minn qafas effettiv tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti lil kull parti mill-katina tal-valur tirremunera l-ħolqien u tinvesti f’kotba ġodda;

J.billi s-settur tal-ktieb għandu rwol essenzjali fit-trawwim tal-libertà tal-espressjoni, li tista’ tiġi eżerċitata biss billi jiġu żgurati l-libertà, l-indipendenza, il-pluralità editorjali u r-responsabbiltà tal-awturi fl-industrija tal-pubblikazzjoni;

K.billi l-influwenza u l-pressjoni regolatorja eżerċitati mill-gvernijiet ta’ xi Stati Membri fuq is-settur tal-ktieb u l-fenomenu tal-awtoċensura mill-awturi għandhom impatt negattiv fuq id-diversità kulturali u l-libertà tal-espressjoni, li dan imur kontra l-valuri tal-UE;

L.billi l-kotba stampati, il-kotba elettroniċi u l-kotba awdjo huma għażliet distinti disponibbli fis-suq, u jikkumplimentaw lil xulxin;

M.billi l-kotba stampati jirrappreżentaw madwar 85%(18) tal-bejgħ tal-kotba fis-suq Ewropew, huma ppreferuti b’mod partikolari mill-qarrejja żgħażagħ u wrew li huma aktar ta’ benefiċċju għall-iżvilupp tat-tfal;

N.billi l-ħwienet tal-kotba u l-libreriji, b’mod partikolari fil-komunitajiet lokali, iservu bħala gateways biex jippromwovu l-qari, l-għarfien u l-kultura u għandhom rwol kruċjali biex irawmu l-inklużività soċjali u diġitali;

O.billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, iż-żieda konsegwenti fl-ispejjeż għas-settur, l-inflazzjoni rampanti u l-kriżi tal-karti ħolqu sfidi sinifikanti għas-settur tal-ktieb u fixklu l-kompetittività tiegħu;

P.billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq is-settur Ewropew tal-ktieb, li rriżulta f’effetti li jvarjaw fl-Istati Membri u fuq partijiet differenti tal-katina tal-valur; billi s-settur madankollu wera reżiljenza f’dak ir-rigward, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li offrew appoġġ adegwat u mmirat;

Q.billi ħafna kotba ppubblikati fl-UE mhumiex disponibbli għall-qarrejja Ewropej, bħala riżultat tal-frammentazzjoni lingwistika u ġeografika tas-suq tal-UE u, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ traduzzjonijiet minn lingwi oħra minbarra l-Ingliż, inklużi lingwi inqas użati;

R.billi kien hemm tnaqqis kostanti fil-qari minħabba l-popolarità tal-media soċjali, il-pjattaformi diġitali u l-apps, li f’ħafna każijiet issostitwew il-qari għall-pjaċir bħala attività li ssir fil-ħin liberu;

S.billi l-proporzjon ta’ kotba prodotti f’formati aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà qed jikber b’mod kostanti iżda għadu insuffiċjenti;

T.billi d-disponibbiltà tal-kotba diġitali toffri opportunità biex ittejjeb l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà, li tirrikjedi investiment adegwat fil-produzzjoni ta’ formati differenti u fl-iżvilupp ta’ ħiliet rilevanti;

U.billi n-nuqqas ta’ interoperabbiltà bejn il-formati tal-kotba elettroniċi jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-atturi dominanti fis-suq filwaqt li jillimita l-għażla u l-protezzjoni tal-konsumatur;

V.billi l-Brexit affettwa b’mod sinifikanti l-katina tal-provvista tas-suq Ewropew tal-ktieb billi fixkel l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet u żied il-prezzijiet tal-kotba u l-ispejjeż tat-trasport bil-baħar u dawk doganali, u ħalla impatt negattiv fuq it-tixrid tal-kontenut Ewropew;

W.billi l-Brexit kellu wkoll impatt negattiv fuq l-iżvilupp tal-ħiliet tant meħtieġa fis-settur tal-pubblikazzjoni billi naqqas l-iskambji tal-istudenti bejn ir-Renju Unit, l-Irlanda u pajjiżi Ewropej oħra fi programmi ta’ pubblikazzjoni ta’ reputazzjoni għolja;

X.billi n-nuqqasijiet attwali ta’ karti u linka qed jagħmluha aktar diffiċli li jiġu prodotti l-kotba;

Y.billi ħafna kotba tat-tfal huma stampati fl-Asja bħala riżultat tal-kapaċità ta’ produzzjoni inadegwata fl-Ewropa;

Z.billi r-Regolament dwar id-Deforestazzjoni(19) se jirrikjedi li l-istampaturi u l-manifatturi tal-karti jiġbru u jittrażmettu data dwar is-sorsi tal-injam użat għall-produzzjoni tal-karta għall-kotba, peress li dan isir impossibbli li jiġi traċċat ladarba jkun ġie ttrasformat f’karta;

AA.billi l-prezzijiet fissi għall-kotba f’xi Stati Membri jservu bħala strument għas-salvagwardja tal-politiki kulturali tagħhom u jistgħu jgħinu biex jiżguraw il-pluralità editorjali, il-provvista abbundanti ta’ kotba u network lokali diversifikat ta’ bejjiegħa tal-kotba indipendenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-bejgħ online li qed jikber;

L-importanza soċjetali tal-aċċess għall-kotba

1.Jistieden lill-Istati Membri kollha jirrikonoxxu l-kotba bħala oġġetti essenzjali u jieħdu miżuri fil-livell nazzjonali biex jippromwovu aktar il-qari minn età bikrija;

2.Jissottolinja l-ħtieġa li jinkiseb bilanċ fl-ekosistema tal-kotba billi jiġu ssalvagwardjati r-rwoli speċifiċi tad-diversi atturi fil-katina tal-valur, bħall-awturi, il-pubblikaturi, l-istampaturi, id-distributuri, it-tradutturi, il-bejjiegħa tal-kotba u l-libreriji;

3.Jisħaq fuq il-valur tal-kotba bħala għodod li jippromwovu d-diversità u l-inklużjoni ta’ gruppi f’riskju ta’ emarġinazzjoni fis-soċjetà, b’mod partikolari persuni mingħajr ħiliet diġitali, persuni b’diżabbiltà u minoranzi;

4.Jistieden lill-Istati Membri, f’dan ir-rigward, jimplimentaw l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà(20) kemm jista’ jkun malajr u jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-kotba jkunu disponibbli f’formati aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà, fl-interess tal-inklużjoni kulturali, soċjali u professjonali;

5.Ifakkar li l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà jimxi id f’id mat-Trattat ta’ Marrakexx, li ġie traspost fil-leġiżlazzjoni tal-UE permezz tad-Direttiva (UE) 2017/1564 u r-Regolament (UE) 2017/1563, u għalhekk jissottolinja l-ħtieġa li jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-kompetizzjoni inġusta meta l-kotba jsiru aċċessibbli;

6.Jissottolinja li minħabba l-għadd kbir ta’ titoli disponibbli fis-suq u l-isfidi tekniċi relatati mal-aċċessibbiltà, mhux il-kotba elettroniċi kollha se jkunu aċċessibbli sal-2025;

7.Jistieden għalhekk lill-Istati Membri jiżguraw li jsiru disponibbli riżorsi adegwati biex ikopru l-ispejjeż għoljin, u jfakkar fil-ħtieġa li jiġu rispettati d-derogi mogħtija mill-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, b’mod partikolari għal pubblikaturi żgħar u mikropubblikaturi, u biex jiġi żgurat li r-rekwiżit li l-kotba elettroniċi jsiru aċċessibbli ma jirriżultax f’firxa mnaqqsa ta’ kotba offruti fis-suq;

8.Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju u strutturali adegwat għas-settur, b’mod partikolari għall-SMEs u l-mikrointrapriżi, filwaqt li jiffinanzjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni li jkunu ddedikati biex iżidu l-aċċessibbiltà;

9.Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħha tal-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027, tintroduċi għanijiet li jistgħu jitkejlu dwar kif il-finanzjament jintuża biex itejjeb l-aċċessibbiltà tal-kotba għall-persuni b’diżabbiltà;

L-appoġġ u l-promozzjoni biex jiġu ċċirkolati aħjar il-kotba Ewropej

10.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-baġit għall-programm Ewropa Kreattiva għall-2028-2034, b’mod partikolari billi jiddedikaw aktar fondi għas-settur tal-ktieb, u jespandu l-appoġġ għas-settur permezz tal-programm Orizzont Ewropa għall-2028-2034;

11.Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu diversi xogħlijiet ta’ valur kulturali u soċjetali sinifikanti billi jżidu l-baġit tal-akkwist tal-libreriji sabiex ikunu jistgħu jespandu l-firxa tal-kotba u l-kollezzjonijiet tagħhom u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħhom; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw il-ħwienet tal-kotba lokali u jissalvagwardjaw il-kapaċità ta’ investiment tal-pubblikaturi;

12.Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-ħolqien u t-traduzzjoni tal-kotba Ewropej, b’mod partikolari billi jissaħħaħ il-finanzjament pubbliku fil-livelli nazzjonali u Ewropew sabiex jittejbu ċ-ċirkolazzjoni, il-viżibbiltà u d-diversità tal-kotba tradotti;

13.Jistieden, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu d-diversità kulturali billi jappoġġjaw it-traduzzjoni ta’ kotba f’lingwi reġjonali, minoritarji u inqas użati;

14.Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi appoġġjata t-traduzzjoni tal-kotba Ewropej ta’ ġeneru mhux fittizju, b’mod partikolari permezz ta’ Ewropa Kreattiva, li bħalissa ma tippermettix dan;

15.Jissottolinja l-importanza tal-mobbiltà u l-iskambji għall-awturi u t-tradutturi sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol kreattiv tagħhom u jittejbu l-opportunitajiet tagħhom biex jiksbu esperjenzi professjonali ġodda barra mill-pajjiż;

16.Jilqa’ l-inizjattiva l-ġdida dwar il-mobbiltà “Il-Kultura Ċċaqlaq l-Ewropa”, li hija parti mill-programm Ewropa Kreattiva u toffri għotjiet ta’ mobbiltà lill-artisti u lill-professjonisti kulturali, b’mod partikolari għat-tradutturi letterarji;

17.Jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, tesplora l-possibbiltà li tkompli tespandi din l-inizjattiva għal rappreżentanti oħra tas-settur tal-ktieb;

18.Ifakkar li l-kapaċità tas-settur tal-ktieb li jżomm network varjat ta’ bejjiegħa tal-kotba u suq immexxi mill-innovazzjoni tiddependi fuq edukazzjoni u taħriġ xierqa li jippermettu lin-nies isegwu karriera fl-industrija tal-kotba;

19.Jissottolinja l-fatt li l-Kummissjoni ħatret l-2023 bħala s-Sena Ewropea tal-Ħiliet u, f’dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ iddedikati għad-diversi atturi tas-settur tal-ktieb;

20.Jenfasizza l-importanza tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura (EUPL), li jenfasizza l-kreattività u d-diversità tal-ġeneru fittizju kontemporanju tal-UE, jippromwovi ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet letterarji tal-UE u jħeġġeġ interess akbar fix-xogħlijiet letterarji li joriġinaw minn Stati Membri oħrajn;

21.Jappoġġja l-promozzjoni ulterjuri u s-sensibilizzazzjoni usa’ tal-EUPL fl-Istati Membri, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ kategorija għall-kotba tat-tfal Ewropej;

22.Jissottolinja r-rwol pożittiv li għandhom l-influwenzaturi biex jippromwovu l-kotba fuq il-media soċjali b’mod innovattiv, u b’hekk irawmu l-qari u l-kultura Ewropea fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ;

Lejn kultura tal-qari inklużiva

23.Jappella għal aktar inizjattivi biex jiġi promoss il-qari fl-Istati Membri, bħall-introduzzjoni ta’ “vawċers kulturali”, partikolarment għaż-żgħażagħ u l-gruppi emarġinati, li jistgħu jiffaċilitaw ix-xiri ta’ kotba;

24.Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw politika nazzjonali integrata li tippromwovi l-ħiliet tal-litteriżmu, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni bejn is-setturi tal-ktieb u tal-edukazzjoni, u jistieden lill-Eurostat jipprovdi data aġġornata u komparabbli dwar id-drawwiet tal-qari, b’mod partikolari fost it-tfal;

25.Jitlob li jkun hemm aktar appoġġ, b’mod partikolari għall-kotba tat-tfal, li għandhom jiġu promossi billi jiġi stabbilit “programm tal-ewwel ktieb” jew inizjattivi simili fil-livell nazzjonali li jħeġġu l-qari;

26.Jissottolinja l-importanza tal-qari fost it-tfal ta’ età żgħira, b’mod partikolari tal-kotba stampati, għall-iżvilupp tal-ħiliet konjittivi u dawk tal-litteriżmu tat-tfal;

27.Jisħaq f’dan ir-rigward fuq ir-rwol tal-libreriji tal-iskejjel u tal-librara mħarrġa biex joffru gwida, jiffaċilitaw l-aċċess għall-għarfien u jrawmu d-drawwiet tal-qari;

28.Jilqa’ t-tnedija mill-Kummissjoni tal-ewwel Jum tal-Awturi Ewropej bl-għan li tħeġġeġ lill-ġenerazzjonijiet iżgħar jaqraw il-kotba, u jindika x-xewqa tiegħu li jkun involut fit-tkomplija u t-tisħiħ ta’ din l-inizjattiva sabiex jiġi garantit wirt dejjiemi;

29.Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu network ta’ “ambaxxaturi tal-qari”, li jikkonsisti minn mudelli eżemplari rrispettati u influwenti li jaqsmu l-passjoni u l-entużjażmu tagħhom sabiex jippromwovu l-qari;

30.Jenfasizza r-rwol importanti li għandha Europeana, il-pjattaforma tal-wirt kulturali diġitali tal-Ewropa; jappella, f’dan ir-rigward, għal sforzi akbar biex il-pjattaforma tiġi żviluppata, iffinanzjata u promossa aktar;

31.Jisħaq fuq ir-rwol tal-libreriji u tal-ħwienet tal-kotba bħala spazji sikuri u akkoljenti fejn tiġi rispettata diversità wiesgħa ta’ fehmiet u fejn l-attivitajiet tal-qari u dawk kulturali jingħataw il-ħajja; jiddeplora l-attakki kollha kontrihom;

32.Jissottolinja r-rwol soċjali tal-libreriji bħala postijiet fejn iċ-ċittadini jiltaqgħu mal-awturi u jiskambjaw fehmiet, b’mod partikolari fi bliet żgħar u reġjuni inqas żviluppati; jistieden lill-Istati Membri jallokaw fondi xierqa lil-libreriji u jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-libreriji pubbliċi madwar l-Ewropa kollha;

33.Jissottolinja li l-ħwienet tal-kotba indipendenti huma l-pedamenti tal-komunitajiet lokali, li joffru esperjenza tal-klijenti differenzjata u spiss jappoġġjaw lill-awturi emerġenti u lokali;

34.Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni toħloq tikketta għall-ħwienet tal-kotba indipendenti fl-UE sabiex tagħti spinta lill-viżibbiltà tal-ħwienet tal-kotba lokali u tippromwovi d-diversità tal-kotba Ewropej;

35.Jissottolinja r-rwol pożittiv tal-fieri tal-kotba biex jippromwovu l-qari u l-awturi, irawmu ċ-ċirkolazzjoni ta’ kotba Ewropej u jikkondividu prattiki tajba fis-settur;

36.Jinnota bi tħassib it-tendenzi dejjem jikbru favur iċ-ċensura f’xi Stati Membri, u jfakkar li s-settur tal-ktieb għandu rwol sinifikanti biex jipproteġi l-libertà tal-espressjoni u jiġġieled kontra d-diżinformazzjoni, b’mod partikolari billi jiżgura li l-awturi, inklużi dawk minn diversi sfondi u sfondi emarġinati, ikollhom aċċess għall-appoġġ u l-opportunitajiet ta’ taħriġ;

37.Jilqa’ d-diversi inizjattivi ta’ appoġġ għall-Ukrajna sa mill-bidu tal-gwerra, u b’mod partikolari dawk bil-għan li jiżguraw li t-tfal ikollhom aċċess għall-kotba, li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tar-refuġjati u li jipproteġu l-kultura Ukrena;

38.Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm biżżejjed finanzjament biex ikompli jappoġġja s-settur Ukren tal-ktieb, inklużi l-artisti u l-awturi, għat-tul tal-gwerra u r-rikostruzzjoni tal-pajjiż;

39.Jissottolinja r-rwol li għandu l-Programm Ewropa Kreattiva biex jiffinanzja xi wħud minn dawn il-proġetti, bħall-inizjattiva “Tales of EUkraine”;

Sfidi għat-tkabbir futur tas-settur tal-ktieb

40.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lis-settur fit-tranżizzjoni ekoloġika tiegħu, b’mod partikolari permezz ta’ inċentivi finanzjarji, riċerka u kollaborazzjoni bejn l-atturi kollha fil-katina tal-provvista, inkluż dwar l-użu tal-materja prima, l-imballaġġ sostenibbli u t-trasport meħtieġa għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ kotba stampati;

41.Jenfasizza n-natura prevalenti bbażata fuq il-karta tal-industrija tal-kotba u jistieden lill-Kummissjoni tqis dan fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki ta’ tranżizzjoni ekoloġika;

42.Jilqa’ l-isforzi tas-settur biex jipproduċi kotba stampati b’mod aktar ekoloġiku u sostenibbli permezz tal-użu ta’ karti ċċertifikati u rriċiklati, kif ukoll diversi inizjattivi relatati, bħall-kalkulaturi tal-impronta tal-karbonju u t-tikketti ekoloġiċi li jgħinu lill-konsumaturi jifhmu l-impatt ambjentali tagħhom u jimminimizzawh;

43.Jistieden lill-Kummissjoni toħloq tikketta “Stampat fl-Ewropa”;

44.Jistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati fis-settur tal-kotba joħolqu pjanijiet biex jipprevjenu u jarmu kotba eċċessivi u difettużi bħala parti mit-tranżizzjoni ekoloġika tas-settur, inkluż billi jappoġġjaw programmi stampati fuq talba u billi jillimitaw l-ippulpjar tal-kotba, b’mod partikolari meta jkunu marbuta mat-tiġdid tal-kollezzjonijiet;

45.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw il-produzzjoni tal-karti u tal-linka u jappoġġjaw l-iżvilupp tal-kapaċitajiet industrijali tas-settur Ewropew tal-ktieb sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju mill-istampar tal-kotba fl-Ewropa, inkluż għall-kotba tat-tfal u taż-żgħażagħ;

46.Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida ċari għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar id-Deforestazzjoni, u tqis in-natura speċifika u l-kumplessità tal-katina tas-settur tal-ktieb sabiex tiżgura li l-obbligi tad-diversi atturi jibqgħu proporzjonati u fattibbli;

47.Jirrikonoxxi l-użu fis-settur tal-intelliġenza artifiċjali (IA), bħall-analiżi tat-test awtomatizzat, it-tikkettar tal-metadata, l-iskopribbiltà online u l-għodod ta’ awtomatizzazzjoni tat-traduzzjoni professjonali;

48.Jisħaq fuq l-importanza tat-trasparenza relatata mat-taħriġ dwar l-IA, inklużi l-ġbir tad-data u s-sorsi tagħhom;

49.Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw it-taħriġ għal dawk involuti fis-settur tal-ktieb biex jipprovdulhom l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jadattaw ruħhom b’suċċess għall-bidliet relatati mal-IA;

50.Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni dwar l-użu tal-IA sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza tas-settur, b’mod partikolari fir-rigward tas-sostenibbiltà u l-aċċessibbiltà ambjentali, pereżempju permezz ta’ Orizzont Ewropa;

51.Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja inizjattivi nazzjonali dwar il-kondiviżjoni u l-istandardizzazzjoni tad-data, u tiġbor data dwar is-settur Ewropew tal-ktieb kollu kemm hu, sabiex tifhem aħjar l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur u tkompli tappoġġjah, u fil-proċess tottimizza l-isforzi tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni u tas-sostenibbiltà;

52.Jissottolinja l-importanza li tinġabar data mill-pubblikaturi sabiex tintwera l-oriġini tal-partijiet kollha tal-ktieb tul il-katina tal-produzzjoni, inkluża informazzjoni dwar il-post tal-oriġini u ċ-ċertifikazzjoni tal-forniment tal-materjali użati;

53.Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-impjegati fis-settur tal-ktieb, inkluża remunerazzjoni ġusta għat-tradutturi u l-awturi;

54.Jinnota li għalkemm in-nisa jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-impjegati fis-settur tal-ktieb, huma għadhom sottorappreżentati f’pożizzjonijiet eżekuttivi għolja;

55.Jitlob li l-kotba jkunu mingħajr VAT fl-Istati Membri, irrispettivament mill-format tagħhom jew minn kif jiġu aċċessati, sabiex tiġi appoġġjata l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien, jitħeġġeġ il-qari u jiġu promossi l-benefiċċji tiegħu tul il-ħajja;

56.Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u t-trasparenza tas-sjieda tad-djar tal-pubblikazzjoni fis-suq tal-kotba sabiex jiġu ggarantiti l-għażla tal-konsumatur u d-diversità kulturali; jissottolinja l-prattiki inġusti minn ċerti atturi online dominanti li jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom għad-detriment ta’ atturi iżgħar fil-katina tal-valur;

57.Jissottolinja r-rwol li għandhom it-tariffi tal-konsenja bla ħlas jew dawk baxxi offruti minn xi pjattaformi online dominanti biex iħajru lill-konsumaturi u l-impatt li għandhom fuq il-kompetizzjoni ġusta, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħwienet tal-kotba indipendenti;

58.Jappella għall-interoperabbiltà tal-kotba elettroniċi fl-apparati kollha, peress li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jiksbu l-kotba elettroniċi tagħhom minn kwalunkwe fornitur, irrispettivament mill-apparat tal-qari elettroniku tagħhom, u jaċċessaw, jaqraw, iżommu u jittrasferixxu kwalunkwe ktieb elettroniku fi kwalunkwe format;

59.Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-interoperabbiltà tal-formati u tal-apparati tal-kotba elettroniċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar is-Swieq Diġitali;

60.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-implimentazzjoni effettiva tal-Att dwar is-Swieq Diġitali minn atturi dominanti fis-suq online u l-konformità tagħhom mal-obbligi;

o
oo

61.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.
(2) ĠU L 272, 13.10.2001, p. 32.
(3) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28.
(4) ĠU L 299, 27.10.2012, p. 5.
(5) ĠU L 242, 20.9.2017, p. 1.
(6) ĠU L 242, 20.9.2017, p.6.
(7) ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70
(8) ĠU L 168, 30.6.2017, p.1.
(9) ĠU L 130, 17.5.2019, p.92.
(10) ĠU L 170, 12.5.2021, p.1.
(11) ĠU L 189, 28.5.2021, p.34.
(12) ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1.
(13) ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1.
(14) ĠU C 15, 12.1.2022, p.28.
(15) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p.16.
(16) ĠU C 219 E, 28.8.2008, p.296.
(17) ĠU C 73, 6.3.2001, p.5.
(18) Statistika tas-Suq Ewropew tal-Ktieb 2021-2022, il-Federazzjoni tal-Pubblikaturi Ewropej.
(19) Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (ĠU L 150, 9.6.2023, p.206).
(20) Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Diċembru 2023Avviż legali-Politika tal-privatezza