Il-mutilazzjoni ġenitali femminili: fejn? għaliex? x'inhuma l-effetti?

Aktar minn 200 miljun mara u tifla fid-dinja llum ġarrbu mutilazzjoni ġenitali femminili. F'liema pajjiżi? Għal liema raġunijiet? X'inhuma l-konsegwenzi?

The Restorers, a group of five students from Kenya who have developed an app helping girls deal with female genital mutilation.

Il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), li xi drabi tissejjaħ ukoll ċirkonċiżjoni femminili, tirreferi għal proċeduri li jinvolvu t-tneħħija parzjali jew totali tal-ġenitali femminili esterni jew ħsara oħra lill-ġenitali femminili għal raġunijiet mhux mediċi. Normalment issir minn persuna li tradizzjonalment twettaq din il-prattika, permezz ta' xafra u mingħajr anestetiku. Minkejja li l-MĠF hi rikonoxxuta bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem, madwar 68 miljun tifla fid-dinja jinsabu f'riskju li ssirilhom sal-2030.


F'liema pajjiżi hija prattikata l-mutilazzjoni ġenitali femminili?

L-MĠF hija konċentrata primarjament f'madwar 30 pajjiż tal-Afrika u l-Lvant Nofsani, iżda tiġi prattikata wkoll f'xi pajjiżi tal-Asja u l-Amerika Latina u fost il-komunitajiet li joriġinaw minn dawn ir-reġjuni.

Minkejja li fl-UE hija illegali, u li f'xi Stati Membri l-prosekuzzjoni ssir anke meta l-MĠF tkun saret barra minn pajjiż, huwa stmat li madwar 600 000 mara li jgħixu fl-Ewropa ġew soġġetti għal MĠF, u li unikament fi 13-il pajjiż Ewropew, 180 000 tifla oħra jinsabu f'riskju ta' MĠF.


X'inhuma r-raġunijiet għalfejn issir il-mutilazzjoni tal-ġenitali femminili?

L-MĠF issir b'mod ewlieni fuq bniet, minn meta jkunu trabi sal-età ta' 15-il sena. Tinvolvi taħlita ta' raġunijiet kulturali u soċjali bħall-pressjoni u l-konvenzjoni soċjali, twemmin li l-MĠF għandha appoġġ reliġjuż jew inkella ideat dwar sbuħija u safa. Il-prattika hija eqdem mill-Kristjaneżmu u mill-Iżlam. Tirrifletti inugwaljanzi b'għeruq fondi bejn is-sessi.

"Sfortunatament, il-ġisem tal-mara dejjem kien kamp ta' battalja. U l-battalja dejjem kienet il-kontroll tal-irġiel fuq il-ġisem tal-mara."
MPE Maria Noichl (S&D, il-Ġermanja)
f'dibattitu fil-Parlament Ewropew fit-18 ta' Diċembru 2019

L-effetti fuq perjodu ta' żmien qasir u fit-tul jinkludu:

  • uġigħ qawwi u telf eċċessiv ta' demm
  • problemi meta tgħaddi l-awrina
  • ċesti, infezzjonijiet u infertilità
  • problemi psikoloġiċi
  • tnaqqis fil-pjaċir sesswali
  • kumplikazzjonijiet waqt il-ħlas
  • u riskju akbar ta' mwiet tat-trabi tat-twelid

L-impenn tal-Parlament Ewropew li jtemm l-MĠF

Il-Parlament Ewropew wera d'mod ripetut impenn qawwi li jgħin biex tiġi eliminata l-prattika tal-MĠF fid-dinja kollha. Permezz u riżoluzzjonijiet, il-PE jaħdem favur azzjoni komuni biex tintemm għalkollox il-mutilazzjoni ġenitali femminili. Fit-12 ta' Frar, il-Membri vvutaw fuq riżoluzzjoni ġdida li tappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi azzjonijiet biex tintemm il-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Istrateġija l-ġdida dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, li se tiġi ppreżentata f'Marzu 2020, u biex tipprovdi kura għan-nisa li ġarrbuha. Il-Membri tal-Parlament Ewropew tennew ukoll l-appelli tagħhom biex fl-oqsma kollha tal-politika jiġu inkorporati miżuri ta' prevenzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, u b'mod speċjali fis-saħħa, l-asil, l-edukazzjoni, l-impjieg, eċċ.

X'konna ngħidu kieku din il-mara kienet ommna, oħtna, il-mara tagħna, il-kuġina tagħna? [...] Aħna rridu nkunu l-vuċi għal dawk in-nisa li ma jistgħux jitkellmu għalihom infushom.
MPE Frances Fitzgerald (PPE, l-Irlanda)
f'dibattitu fil-Parlament Ewropew fit-18 ta' Diċembru 2019

Aqra aktar dwar il-ġlieda tal-Parlament favur id-drittijiet tan-nisa

App ta' għajnuna f'każ ta' MĠF

Fl-2019, The Restorers, grupp ta' ħames studenti mill-Kenja, li żviluppaw app li tgħin lill-bniet f'sitwazzjoni ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, ġew inklużi fix-shortlist tal-Premju Sakharov tal-PE għal-Libertà tal-Ħsieb. In-nomina tagħhom tirrappreżenta pass importanti fil-ġlieda kontra l-MĠF, u ssaħħaħ il-pożizzjoni taż-żgħażagħ biex ikollhom rwol fil-komunitajiet tagħhom.

Find out more