Il-Premju Sakharov 2022: il-persuni nominati
Skopri min huma l-persuni nominati għall-Premju Sakharov 2022 tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb
Kull sena, il-Parlament jagħti l-Premju Sakharov biex jonora lil individwi u organizzazzjonijiet eċċezzjonali li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Is-sena l-oħra, il-premju mar lill-kap tal-oppożizzjoni Russa Alexei Navalny għall-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-Kremlin.
In-nomini jistgħu jsiru minn gruppi politiċi u gruppi ta' mill-inqas 40 Membru tal-PE. In-nomini ta' din is-sena ġew ippreżentati f'laqgħa konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Brussell fis-26 ta' Settembru 2022. Dawn huma:
- il-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna, irrappreżentat mill-President Volodymir Zelenskyy (innominat mill-Grupp PPE);
- il-poplu tal-Ukrajna (innominat mill-Grupp S&D u mill-Grupp Renew Europe);
- Sônia Guajajara (innominata mill-Grupp Verts/ALE);
- il-President Zelenskyy (innominata mill-Grupp ECR);
- il-Kummissjoni tal-Verità fil-Kolombja (innominata mill-Grupp The Left/GUE-NGL);
- Shireen Abu Akleh (innominata minn Grace O'Sullivan u 42 Membru tal-PE ieħor)
- Julian Assange (innominat minn Sabrina Pignedoli u 40 Membru tal-PE ieħor).
Il-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna, irrappreżentat mill-President Volodymir Zelenskyy ġie nnominat mill-Grupp PPE. Il-gwerra ta' aggressjoni mhux ipprovokata tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fi Frar 2022, qed iġġiegħel lill-poplu Ukren iħallas prezz għoli f'termini ta' mwiet u ta' bliet u rħula mġarrfa. Il-poplu Ukren qiegħed jiġġieled biex jipproteġi djaru kif ukoll is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tiegħu, iżda kuljum fil-kamp tal-battalja qiegħed jiġġieled anki għal-libertà, għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għall-valuri Ewropej, tgħid in-nomina.
Il-Gruppi S&D u Renew Europe nnominaw lill-poplu tal-Ukrajna, b'enfasi fuq ir-rwol tal-persuni, tar-rappreżentanti tal-inizjattivi tas-soċjetà ċivili u tal-istituzzjonijiet statali u pubbliċi. In-nomina ssemmi, fost oħrajn, lis-Servizz Statali tal-Ukrajna għall-Emerġenzi (SES), lil Yuliia Paievska (fundatriċi tal-unità medika ta' evakwazzjoni "Anġli ta' Taira"), lil Oleksandra Matviichuk (attivista tad-drittijiet tal-bniedem), lill-Moviment ta' Reżistenza Ċivili "Żigarella Safra" u lil Ivan Fedorov (li kien is-sindku tal-belt Ukrena ta' Melitopol).
Il-Grupp ECR innomina lill-President Volodymir Zelenskyy tal-Ukrajna bħala l-wiċċ tal-kuraġġ tal-poplu Ukren, b'hekk jenfasizza il-kuraġġ, ir-reżistenza u d-dedikazzjoni tiegħu lill-poplu tiegħu u lill-valuri Ewropej.
Sônia Guajajara, innominata mill-Grupp Verts/ALE, hija attivista ambjentali u indiġena tal-Brażil. Bħala kap ta' alleanza tal-popli nattivi, taħdem għall-ħarsien tad-drittijiet tal-popli indiġeni għall-kontroll ta' arthom. L-attiviżmu tagħha daħħalha f'kunflitt mal-awtoritajiet statali u mal-lobbies agrikoli u minerarji b'saħħithom tal-Brażil li jimmiraw li jaħtfu f'idejhom il-kontroll tat-territorji indiġeni.
Il-Kummissjoni tal-Verità fil-Kolombja, innominata mill-Grupp The Left/GUE-NGL, hija istituzzjoni li nħolqot bil-ftehim ta' paċi tal-2016 maħsub biex itemm il-gwerra ċivili Kolombjana fl-2016. L-għan tagħha huwa li taċċerta l-fatti relatati mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem matul il-kunflitt u tiddefendi d-drittijiet tal-miljuni li sfaw vittmi tiegħu. In-nomina - li ssemmi nies bħal Francisco de Roux, Alejandro Valencia Villa, Marta Ruiz Naranjo, Alfredo Molano Bravo (b'mod postumu), Alejandro Castillejo, Saúl Alonso Franco, Lucía Victoria González, Patricia Tobón Yagarí, Alejandra Miller, Leyner Palacios, Ángela Salazar Murillo (b'mod postumu) u Carlos Martín Beristain - tagħti ġieħ lill-vittimi tal-gwerra ċivili u hija deskritta bħala opportunità biex jiġi appoġġat il-proċess ta' paċi.
Shireen Abu Akleh, innominata minn Grace O'Sullivan u 42 Membru tal-PE ieħor, Palestinjana-Amerikana, kienet ilha 25 sena taħdem bħala ġurnalista tal-istazzjoni tal-informazzjoni Al Jazeera. Kienet waħda mill-aktar ġurnalisti li jispikkaw fid-dinja tal-lingwa Għarbija, magħrufa sew għar-rapportaġġ tagħha dwar il-kunflitt f'Iżrael u fit-territorji Palestinjani okkupati. Fil-11 ta' Mejju 2022inqatlet minn tiri ta' arma tan-nar waqt li kienet qiegħda tirrapporta dwar rejd tal-Forzi tad-Difiża Iżraeljani fil-kamp tar-rifuġjati ta' Jenin fix-Xatt tal-Punent.
Julian Assange, wieħed mill-attivisti wara l-assoċjazzjoni WikiLeaks, ġie nnominat minn Sabrina Pignedoli u 40 Membru tal-PE ieħor. Huwa kien ta lill-gazzetti internazzjonali ewlenin dokumenti relatati mad-delitti tal-gwerra, mad-detenzjonijiet arbitarji, mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u mat-torturi. Fir-Renju Unit kien inżamm il-ħabs u bħalissa huwa suġġett għal estradizzjoni lejn l-Istati Uniti biex jitressaq quddiem il-ġustizzja bl-akkużi ta' spjunaġġ u użu ħażin tal-kompjuter.
Kuntest
Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb annwali ngħata kull sena lil individwi u organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali sa mill-1988. Huwa msemmi f'ġieħ il-fiżiku u d-dissident politiku Sovjetiku Andrei Sakharov u s-somma ta' flus tal-premju hija ta' €50,000.
DzԴDZġᲹ
- 13 ta' Ottubru: il-Kumitati AFET u DEVE jagħżlu tliet finalisti f'laqgħa konġunta;
- 19 ta' Ottubru: jiġi deċiż ir-rebbieħ mill-President tal-Parlament u l-mexxejja tal-gruppi politiċi (sessjoni plenarja ta' Ottubru I);
- 14 ta' Diċembru: issir iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Sakharov fi Strażburgu.