L-elezzjonijiet Ewropej: "Oħroġ ivvota. Inkella ħaddieħor jiddeċiedi għalik"
Il-President tal-Parlament Roberta Metsola appellat lil kulħadd biex jivvota fl-elezzjonijiet Ewropej hekk kif id-deċiżjonijiet meħuda mill-Membri eletti tal-PE jaffettwaw lil kulħadd.
Mill-ewwel regolament komprensiv dwar l-intelliġenza artifiċjali għal liġijiet li jiżguraw id-drittijiet soċjali għall-persuni li jaħdmu fuq pjattaformi diġitali jew li jiżguraw li l-apparati jkunu jistgħu jissewew bi prezzijiet affordabbli: id-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament Ewropew għandhom impatt dirett fuq ħajtek.
Dan huwa dak li l-President tal-Parlament Roberta Metsola trid li l-Ewropej iżommu f’moħħhom hekk kif joħorġu jivvotaw f’Ġunju. Xahar ieħor in-nies madwar l-Ewropa se jeleġġu 720 leġiżlatur biex jirrappreżentawhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin.
“Dan il-Parlament jieħu deċiżjoni dwar ħafna affarijiet li huma importanti għall-ħajja tiegħek ta’ kuljum. Tħallix lil ħaddieħor jiddeċiedi għalik. Din hija l-importanza ta’ dawn l-elezzjonijiet u din hija r-raġuni għaliex qed inħeġġu lil kulħadd biex jivvota, biex jagħżel," qalet f’intervista għall-mezzi tal-midja soċjali tal-Parlament.
Fost l-aktar azzjonijiet reċenti meħuda mill-Parlament, Metsola enfasizzat l-appoġġ għal leġiżlazzjoni ambjentali b’miri ambizzjużi u pakkett ta’ regoli “mingħajr preċedent” dwar il-migrazzjoni u l-ażil biex jiġi riformat il-mod kif l-UE tittratta l-migranti.
Il-membri tal-Parlament wittew ukoll it-triq dwar il-politika barranija b’sejħiet għal waqfien mill-ġlied f’Gaża u biex l-Ukrajna tingħata status ta’ kandidat għall-UE.
Matul is-sena li għaddiet, il-President ivvjaġġat lejn il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, u ltaqgħet speċjalment maż-żgħażagħ biex tispjega kif dawn l-inizjattivi kollha mhumiex “diżassoċjati” minn dak li jiġri fil-livell nazzjonali jew mir-rwol li l-Ewropa għandha fid-dinja.
Kun af il-passat, aħdem biex ittejjeb il-preżent
Il-President hija inkwetata li l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ jaf ma jkunux konxji mill-isfidi li ffaċċjaw il-ġenituri u n-nanniet tagħhom biex jiżguraw id-demokrazija u l-istil ta’ ħajja li jgawdu llum.
Ġejja minn pajjiż li ngħaqad mal-Unjoni Ewropea 20 sena ilu, il-leġiżlatur Maltija nnotat li l-erbat itfal tagħha jistgħu ma jirrealizzawx bis-sħiħ kemm pajjiżna nbidel mis-sħubija tiegħu 'l hawn. “In-neputijiet tagħna, uliedna, konxji ta’ x’inhi d-demokrazija, kemm għandna bżonn niġġieldu għaliha?
“Rajna r-rigress tal-valuri demokratiċi fl-Ewropa u lil hinn minnha. Id-demokrazija teħtieġ li n-nies jiġġieldu għaliha. Jekk inti ma tiġġilidx għaliha, din tisparixxi. Hemm forzi f’din id-dinja, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Ewropa, li għalihom l-Ewropa u l-eżistenza tagħha hija theddida. U kontra dan irridu niġġieldu,” qalet.
Metsola ddeskriviet is-sejbiet fl-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru, li juru li 71% tal-Ewropej x’aktarx li jivvotaw fl-elezzjonijiet li ġejjin, bħala “ottimisti” u “li jagħmlu l-kuraġġ”. Madankollu, fil-laqgħat tagħha madwar l-Ewropa, il-President tkellmet ma’ ħafna żgħażagħ li, minkejja li appoġġaw lill-UE, ma kinux deċiżi dwar jekk għandhomx jivvotaw.
“Huwa dak id-distakk li bħalissa qed innaqqsu,” spjegat u appellat lill-votanti mhux deċiżi: “Oħroġ ivvota. Inkella, ħaddieħor jiddeċiedi għalik. Kun kburi. L-Ewropa hija darek. Titlaqhiex.”