Akkwist Pubbliku 

Skont ir-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni), il-Parlament Ewropew huwa meħtieġ joħroġ stediniet għall-preżentazzjoni tal-offerti sabiex jixtri oġġetti, servizzi jew xogħol.

Fost id-diversi prinċipji li jirregolaw il-proċeduri marbuta mal-akkwist pubbliku, il-prinċipju tat-trasparenza jirrikjedi pubbliċità ex ante xierqa meta jiġu varati dawn il-proċeduri ta' akkwist pubbliku.

1. Akkwist pubbliku bil-pubblikazzjoni ta' avviż dwar kuntratt

L-informazzjoni kontenuta f'din it-taqsima tirrigwarda l-kuntratti ta' akkwist pubbliku tal-Parlament Ewropew u tiġi ppubblikata abbażi tal-Punti 3 u 4 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll abbażi tal-Punt 5 tal-Anness I għar-Regolament Finanzjarju, li għalihom huwa meħtieġ li jiġi ppubblikat avviż ta' pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU). Il-pubblikazzjonijiet f'dan is-sit għandhom jitqiesu bħala informali u ma jiħdux post il-pubblikazzjoni uffiċjali f'Il-Ġurnal Uffiċjali. Is-sejħiet għall-offerti msemmija f'din it-taqsima huma soġġetti għal avviż dwar kuntratt ippubblikat fis-serje S tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jistgħu jiġu kkonsultati online fid-database TED, li hija aġġornata kuljum fuq l-internet.

Fil-każ ta' kuntratti li ma jaqbżux il-limiti ta' valur tad-Direttiva, jistgħu jsiru sejħiet għall-offerti fost għadd limitat ta' offerenti magħżula wara sejħa għall-espressjonijiet ta' interess. Din it-taqsima tinkludi wkoll is-sejħiet għal espressjonijiet ta' interess.

Id-dokumenti tal-kuntratti huma disponibbli wkoll għal kull sejħa għall-offerti tal-lista.

2. Kuntratti li l-valur tagħhom huwa ogħla minn EUR 15 000 u anqas mil-limiti ta' valur stabbiliti mid-Direttiva 2014/24/UE, li għandhom jingħataw bi proċedura nnegozjata.

L-informazzjoni f'din it-taqsima tikkonċerna l-kuntratti pubbliċi tal-Parlament Ewropew ippubblikati skont il-Punt 3 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju.

Din il-pubblikazzjoni tippermetti li jiġu identifikati l-elementi essenzjali tal-kuntratti inkluż it-terminu ta' aċċettazzjoni tal-offerti kif ukoll id-dipartiment responsabbli li lilu trid tiġi indirizzata kull talba għal informazzjoni. Il-link ta' hawn taħt tagħti aċċess għal fajl Excel li fih il-kuntratti skont id-Direttorat Ġenerali tal-Parlament Ewropew.

Mill-1 ta’Jannar 2024, il-limiti applikabbli skont id-Direttiva 2014/24/UE huma:

  • EUR 143 000 għal kuntratti ta’ provvisti u ta’ servizzi;

  • EUR 5 538 000 għal kuntratti ta’ xogħlijiet.