Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0036/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0036/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar l-appoġġ finanzjarju u militari kontinwu lill-Ukrajna mill-Istati Membri tal-UE

16.9.2024-()

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Michael Gahler, Andrzej Halicki, Sebastião Bugalho, David McAllister, Siegfried Mureşan, Željana Zovko, Andrius Kubilius, Pekka Toveri, Rasa Juknevičienė, Isabel Wiseler‑Lima, Antonio López‑Istúriz White, Nicolás Pascual De La Parte, Mika Aaltola, Wouter Beke, Gheorghe Falcă, Niclas Herbst, Sandra Kalniete, Marcin Kierwiński, Ondřej Kolář, Vangelis Meimarakis, Danuše Nerudová, AnaMiguel Pedro, Davor Ivo Stier, Michał Szczerba, Alice Teodorescu Måwe, Ingeborg TerLaak, Riho Terras, Matej Tonin, Inese Vaidere
f’isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B10-0028/2024

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B10-0036/2024
Testi mressqa :
B10-0036/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

10‑0036/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-appoġġ finanzjarju u militari kontinwu lill-Ukrajna mill-Istati Membri tal-UE

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja, b’mod partikolari dawk adottati minn mindu l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna eskalat fi Frar 2022 u l-Peniżola tal-Krimea ġiet annessa fid-19 ta’ Frar 2014,

wara li kkunsidra l-Artikolu136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi r-Russja ilha twettaq gwerra ta’ aggressjoni fuq skala kbira illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 ’l hawn, u b’hekk kompliet dak li bdiet fl-2014 bl-annessjoni tal-Krimea u l-okkupazzjoni sussegwenti ta’ partijiet mir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk;

B.billi l-Ukrajna u ċ-ċittadini tagħha wrew determinazzjoni soda fid-difiża b’suċċess ta’ pajjiżhom, minkejja li dan swiehom għadd kbir ta’ vittmi ċivili u militari; billi r-Russja qed twettaq intenzjonalment atroċitajiet fuq skala kbira u sistematiċi fit-territorji okkupati, u qed tattakka b’mod indiskriminat żoni residenzjali u infrastruttura ċivili; billi miljuni ta’ Ukreni qed jibqgħu jiġu spostati ġewwa u barra mill-Ukrajna, wara li ħarbu mill-aggressjoni tar-Russja; billi din l-imġiba inumana mill-forzi Russi u mill-proxies tagħhom tikkostitwixxi delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

C.billi r-Russja ilha mill-24 ta’ Awwissu 2024 twettaq l-akbar kampanja tagħha ta’ bumbardamenti mill-ajru kontra l-Ukrajna, li tinvolvi għadd kbir ta’ missili ballistiċi u droni; billi dan l-attakk kellu fil-mira infrastruttura ċivili kritika, bħal sptarijiet, skejjel, universitajiet u djar, u huwa tentattiv biex titkisser ir-reżiljenza tal-poplu Ukren; billi l-infrastruttura tal-enerġija kienet ukoll fil-mira ta’ dawn l-attakki f’tentattiv biex titkisser il-grilja tal-enerġija integrata tal-pajjiż u jiġi destabbilizzat il-funzjonament tal-impjanti tal-enerġija nukleari li fadal, liema tentattiv jista’ jwassal għal aċċidenti simili għal Chernobyl qabel ix-xhur tal-ħarifa u tax-xitwa; billi s’issa nqatlu aktar minn mitt ruħ f’dawn l-attakki u madwar elf persuna sfaw midruba;

D.billi l-UE u l-Istati Membri tagħha s’issa kkontribwew madwar EUR100biljun f’assistenza finanzjarja, umanitarja, għar-rifuġjati u militari lill-Ukrajna, inkluż madwar EUR32biljun f’għajnuna militari b’EUR21biljun oħra li għandhom jiġu allegatament allokati sal-2025; billi l-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-UE b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine), ħarrġet aktar minn 55000 membru tal-Forzi Armati Ukreni kemm f’taħriġ dwar l-armi kombinati kif ukoll f’taħriġ speċjalizzat; billi n-NATO se tiżgura kontribuzzjoni finanzjarja annwali ta’ EUR40biljun lill-Ukrajna;

E.billi f’Lulju2024, l-UE għamlet l-ewwel pagament regolari tagħha ta’ madwar EUR4,2biljun fl-ambitu tal-Faċilità għall-Ukrajna stabbilita reċentement; billi dan il-pagament isegwi l-appoġġ tranżitorju u ta’ prefinanzjament li jammonta għal EUR12,2-il biljun minn meta ġiet stabbilita l-Faċilità f’Marzu2024;

F.billi l-bejgħ tal-fjuwils fossili Russi lill-UE minn mindu faqqgħet il-gwerra ta’ aggressjoni fuq skala kbira kontra l-Ukrajna qabeż il-EUR200 biljun, li huwa d-doppju tal-finanzjament totali pprovdut lill-Ukrajna matul l-istess perjodu;

G.billi l-alleati tal-Punent tal-Ukrajna qed jipprovdu sistemi ta’ armi biex jappoġġjaw id-difiża leġittima tagħha; billi dawn is-sħab introduċew ukoll restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ dawn is-sistemi tal-armi li jolqtu bersalli fit-territorju Russu minħabba l-biża’ ta’ eskalazzjoni possibbli tal-gwerra;

1.Jafferma mill-ġdid il-pożizzjonijiet tiegħu dwar l-appoġġ kontinwu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u l-impenn sod tal-UE li tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku għat-tul ta’ żmien li jkun hemm bżonn biex tiġi żgurata r-rebħa tal-Ukrajna; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu b’mod attiv biex iżommu u jiksbu l-usa’ appoġġ internazzjonali possibbli għall-Ukrajna;

2.Itenni li l-Ukrajna, bħala vittma ta’ aggressjoni, għandha d-dritt leġittimu għall-awtodifiża f’konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; ifakkar li l-assistenza militari sinifikanti, għalkemm għadha mhijiex biżżejjed, ipprovduta mill-UE, mill-Istati Uniti u minn sħab tal-istess fehma, hija mfassla biex tippermetti lill-Ukrajna tiddefendi lilha nnifisha b’mod effettiv kontra stat aggressur u tistabbilixxi mill-ġdid kontroll sħiħ fuq it-territorju kollu tagħha rikonoxxut internazzjonalment;

3.Jitlob li s-sħab tal-Punent tal-Ukrajna jneħħu minnufih ir-restrizzjonijiet kollha fuq l-użu tas-sistemi ta’ armi fornuti għall-awtodifiża leġittima tal-Ukrajna f’konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU, sabiex jippermettu attakki fuq bersalli leġittimi fit-territorju Russu; ifakkar li dawn ir-restrizzjonijiet unilaterali u diskriminatorji jfixklu l-kapaċità tal-Ukrajna li tiġġieled b’mod effettiv kontra l-attakki Russi fuq il-bliet u l-infrastruttura tagħha, u dan iżid l-għadd ta’ mwiet ċivili li diġà huwa xokkanti ħafna;

4.Ifakkar li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna hija parti minn sett usa’ ta’ objettivi kontra l-Punent u d-demokrazija u l-valuri tagħna; itenni l-fehma tiegħu li l-Ukrajna tinsab fi triq irriversibbli lejn is-sħubija mal-UE u n-NATO; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ militari tagħhom lill-Ukrajna fi kwalunkwe forma meħtieġa sabiex tintlaħaq rebħa Ukrena; itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li l-Istati Membri kollha tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom jimpenjaw ruħhom b’mod kollettiv u individwali li jappoġġjaw lill-Ukrajna b’mod militari, b’mhux inqas minn 0,25% tal-PDG tagħhom kull sena; jissottolinja li l-konsenja insuffiċjenti jew imdewma ta’ armi u munizzjon tirriskja li timmina l-isforzi li saru s’issa; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, iżidu u jaċċeleraw b’mod sostanzjali l-appoġġ militari tagħhom u jagħtu spinta lill-kapaċità tal-industriji militari tagħhom; jilqa’ d-deċiżjoni tan-NATO li tiggarantixxi provvisti militari b’valur ta’ mill-inqas EUR40biljun fil-futur qrib;

5.Itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li r-Russja jeħtiġilha tipprovdi kumpens finanzjarju għall-ħsara enormi li kkawżat fl-Ukrajna; jilqa’, għalhekk, id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill li jidderieġi d-dħul straordinarju li jirriżulta minn assi Russi immobilizzati biex jappoġġja l-isforz tal-gwerra tal-Ukrajna; jilqa’, barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-G7 li joffri lill-Ukrajna self ta’ USD50biljun garantit permezz ta’ assi immobilizzati tal-Istat Russu; jitlob lill-UE tistabbilixxi reġim legali sod għall-konfiska tal-assi Russi li huma proprjetà tal-istat iffriżati mill-UE;

6.Jissottolinja r-responsabbiltà tas-sħab tal-Punent tal-Ukrajna li jimpenjaw ruħhom biex jipprovdu appoġġ finanzjarju fit-tul u sostnut għall-Ukrajna; ifakkar f’analiżijiet li jissuġġerixxu li l-ħtiġijiet militari tal-Ukrajna huma fil-livell ta’ madwar EUR100biljun fis-sena; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni tipproponi assistenza finanzjarja fit-tul għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tal-Faċilità tal-Ukrajna li ġiet stabbilita reċentement;

7.Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jaċċeleraw l-integrazzjoni tal-industrija tad-difiża Ukrena fil-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża tal-UE, u jikkooperaw mal-Ukrajna biex iżidu l-kapaċità tal-produzzjoni militari tagħha;

8.Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jaċċeleraw l-adozzjoni tal-istrateġija tal-industrija tad-difiża Ewropea sabiex jiżguraw id-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom tal-prodotti tad-difiża, li min-naħa tagħhom jippermettu l-għoti f’waqtu ta’ appoġġ militari lill-Ukrajna;

9.Jistieden lill-Kunsill iżomm u jestendi l-politika ta’ sanzjonijiet tiegħu kontra r-Russja u l-Belarussja, filwaqt li jimmonitorja, jirrieżamina u jsaħħaħ l-effettività u l-impatt tagħha; jistieden lill-Kunsill jipprojbixxi l-importazzjoni tal-potassa Russa b’effett immedjat; jistieden lill-Kunsill jindirizza b’mod sistematiku l-kwistjoni ta’ ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet minn kumpaniji bbażati fl-UE, partijiet terzi u pajjiżi terzi, u jadotta u jimplimenta b’mod strett miżuri restrittivi kontra l-entitajiet kollha li jaġevolaw iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet u li jipprovdu teknoloġiji u tagħmir militari u ta’ użu doppju lill-kumpless militari Russu;

10.Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw b’mod attiv l-isforzi biex jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont għad-delitti tal-gwerra fi ħdan il-qrati u l-istituzzjonijiet internazzjonali eżistenti, u għad-delitt ta’ aggressjoni permezz tal-istabbiliment ta’ tribunal internazzjonali speċjali, fost metodi oħra;

11.Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintroduċu projbizzjoni sħiħa fuq prodotti taż-żejt raffinat Russi esportati mill-ġdid, u jimponu sanzjonijiet immirati fuq il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li jiffaċilitaw it-trasport u d-distribuzzjoni tagħhom madwar l-UE; jappella, barra minn hekk, għall-implimentazzjoni ta’ dokumentazzjoni tar-“regoli tal-oriġini”, li tiżgura l-oriġini vera tal-prodotti taż-żejt importati fl-UE;

12.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern u l-Kungress tal-Istati Uniti, u lin-NATO.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Settembru 2024
Avviż legali-Politika tal-privatezza